27.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 166/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 606/2008

tas-26 ta' Ġunju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 831/2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, rigward l-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONl TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-Istatistika Komunitarja (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 (2) jistabbilixxi, bl-għan li jintlaħqu konklużjonijiet statistiċi għal skopijiet xjentifiċi, il-kundizzjonijiet li bihom l-aċċess għal data kunfidenzjali mgħoddija lill-awtorità tal-Komunità jista’ jingħata. Jelenka l-istħarriġ u l-għejun ta' data differenti li japplika għalihom.

(2)

Hemm talba dejjem tikber minn riċerkaturi u mill-komunità xjentifika b'mod ġenerali biex ikun hemm aċċess ukoll għal skopijiet xjentifiċi għal data kunfidenzjali mill-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Farms (SSF). Aċċess għall-mikrodata ta’ l-SSF għandu jippermetti lir-riċerkaturi li jistudjaw ir-relazzjonijiet bejn il-karatteristiċi differenti ta’ l-azjendi agrikoli individwali, bħat-tipi ta’ l-uċuh tar-raba’ kkultivati, il-bhejjem u l-għadd ta’ ħaddiema. Għandu wkoll jagħti lir-riċerkaturi l-possibbiltà li jtejbu l-mudelli u l-indikaturi agri-ambjentali reġjonali li huma attwalment imsejsa fuq data aggregata. Għalhekk dan l-istħarriġ għandu jiżdied mal-lista fir-Regolament (KE) Nru 831/2002.

(3)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kunfidenzjalità ta’ l-Istatistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 831/2002 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“1.   L-awtorità tal-Komunità tista' tagħti aċċess fil-post tagħha għal data kunfidenzjali miksuba mill-istħarriġ jew mill-għejun ta' data ta' statistika li ġejjin:

Bord dwar l-Affarijiet Domestiċi tal-Komunità Ewropea,

Stħarriġ dwar l-Għadd ta' Ħaddiema,

Stħarriġ dwar l-Innovazzjoni Komunitarja,

Stħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu,

Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ,

Statistika ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet ta' l-Għajxien,

Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni ta' l-Adulti,

Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Farms.

Madankollu, fuq talba ta' l-awtorità nazzjonali li pprovdiet id-data, l-aċċess għal data minn din l-awtorità nazzjonali ma għandux jingħata għal proġett speċifiku ta' riċerka.”

2.

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“1.   L-awtorità Komunitarja tista' toħroġ settijiet ta' mikrodata anonimizzata miksuba mill-istħarriġ jew mill-għejun ta' data ta' statistika li ġejjin:

Bord dwar l-Affarijiet Domestiċi tal-Komunità Ewropea,

Stħarriġ dwar l-Għadd ta' Ħaddiema,

Stħarriġ dwar l-Innovazzjoni Komunitarja,

Stħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu,

Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ,

Statistika ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet ta' l-Għajxien,

Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni ta' l-Adulti,

Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Farms.

Madankollu, fuq talba ta' l-awtorità nazzjonali li pprovdiet id-data, l-aċċess għal data minn din l-awtorità nazzjonali m'għandux jingħata għal proġett speċifiku ta' riċerka.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1000/2007 (ĠU L 226, 30.8.2007, p. 7).