21.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 162/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 584/2008

ta' l-20 ta' Ġunju 2008

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-Salmonella Enteritidis Salmonella Typhimurium fid-dundjani

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifikati li jinġarru mill-ikel (1) u, b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tiegħu;

Billi:

(1)

L-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa li jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-individwazzjoni u l-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji rilevanti kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, partikolarment fil-livell ta’ produzzjoni primarja, biex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju tagħhom għas-saħħa pubblika.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula li għandha tiġi stabbilita mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi tas-Salmonella kollha b’sinifikat għas-saħħa pubblika fid-dundjani fil-livell ta’ produzzjoni primarja. Dan it-tnaqqis huwa importanti fid-dawl tal-miżuri stretti li se japplikaw għal laħam frisk minn qatgħat infettati ta' dundjani skond dan ir-Regolament, mit-12 ta' Diċembru 2010. B'mod partikolari, laħam frisk tat-tjur, inkluż laħam tad-dundjani, ma jistax jitqiegħed fis-suq għall-konsum mill-bniedem sakemm ma jiddodisfax il-kriterji li ġejjin: “Assenza ta' Salmonella f'25 gramma”.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jipprevedi li l-mira Komunitarja tinkludi espressjoni numerika tal-persentaġġ massimu ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi u/jew il-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis fil-għadd ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi, il-limitu massimu ta’ żmien li fih għandha tintlaħaq il-mira, kif ukoll id-definizzjoni ta’ l-iskemi ta’ ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira. Għandu jinkludi wkoll definizzjoni, fejn xieraq, tas-serotipi b’sinifikat għas-saħħa pubblika.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula li l-esperjenza miksuba skond il-miżuri nazzjonali ta' kontroll attwali u tagħrif mibgħut lill-Kummissjoni jew lill-Awtorità dwar is-Sikurezza ta' l-Ikel skond ir-rekwiżiti attwali tal-Komunità, b'mod partikolari fil-qafas tat-tagħrif stipulat fid-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-issorveljar taż-żoonożi u aġenti żoonotiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu, għandhom jitqiesu fl-issettjar tal-mira tal-Komunità.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula li, meta tiddefinixxi kull mira tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tipprovdi analiżi ta' l-infiq u l-benefiċċji tagħha mistennija. Iżda, b'deroga, il-mira tal-Komunità għad-dundjan, li tkopri s-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium tista' tiġi stabbilita għal perjodu tranżizzjonali mingħajr analiżi bħal din.

(6)

Data komparabbli dwar il-prevalenza tas-serotipi tas-Salmonella f'qatgħat ta' dundjani fl-Istati Membri għalhekk inġabret skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/662/KE tad-29 ta' Settembru 2006 li tirrigwarda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal stħarriġ ta' referenza dwar il-prevalenza tas-Salmonella fid-dundjani li trid titwettaq fl-Istati Membri (3).

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula li għal perjodu ta' tranżizzjoni ta’ tliet snin, il-mira tal-Komunità għad-dundjani hi li jiġu koperti s-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium biss. Serotipi oħrajn b'sinifikat għas-saħħa pubblika jistgħu jitqiesu wara dak il-perjodu.

(8)

Biex jiġi vverifikat il-progress dwar il-kisba tal-mira Komunitarja, jeħtieġ li jiġi provvdut għat-teħid ripetut ta' kampjuni ta' qatgħat ta' dundjani f'dan ir-Regolament.

(9)

Skond l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA) ġiet ikkonsultata dwar it-twaqqif tal-mira Komunitarja għad-dundjani.

(10)

It-Task Force għall-Ġbir ta' Data dwar iż-Żoonożi ta' l-EFSA adottat fit-28 ta' April 2008 Rapport dwar l-Analiżi ta' l-istħarriġ ta' referenza fuq il-prevalenza tas-Salmonella f'qatgħat ta' dundjani fl-UE, 2006-2007, Parti A: Stimi ta' prevalenza tas-Salmonella.

(11)

Skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 646/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrigwarda mira Komunitarja biex titnaqqas is-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium fil-brojlers u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1091/2005 (4), ta' l-anqas żewġ pari ta' kampjuni jittieħdu biex isiru kampjuni ta' brojlers għas-Salmonella. Evidenza xjentifika ġdida turi li l-użu ta' taħlita ta' kampjuni miġbura b'par wieħed ta' boot/sock swabs u kampjun ta' trab jagħti ta' l-inqas l-istess riżultat daqs li jittieħed kampjun ta' żewġ pari. Għaldaqstant, din it-taħlita għandha titħalla bħala metodu ta' teħid ta' kampjuni alternattiv u r-Regolament (KE) Nru 646/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mira Komunitarja

1.   Il-mira Komunitarja, kif jissemma fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, għat-tnaqqis tas-Salmonella enteritidis u s-Salmonella typhimurium fid-dundjani (“Mira Komunitarja”) għandha tkun:

(a)

tnaqqis ta' l-ogħla perċentwal ta' qatgħat ta' dundjani għas-simna li jibqgħu pożittivi għas-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium sa 1 % jew anqas sal-31 ta' Diċembru 2012 u,

(b)

tnaqqis ta' l-ogħla perċentwal ta' qatgħat ta' dundjani għat-tgħammir li jibqgħu pożittivi għas-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium sa 1 % jew anqas sal-31 ta' Diċembru 2012.

Iżda, għall-Istati Membri b'anqas minn 100 qatgħa ta' dundjani adulti għat-tgħammir jew simna, il-mira tal-Komunità għandha tkun li mhux aktar minn qatgħa waħda ta' dundjani adulti għat-tgħammir jew simna jistgħu jibqgħu pożittivi sal-31 ta' Diċembru 2012.

2.   L-iskema ta' ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-progress fil-kisba tal-mira Komunitarja hi stipulata fl-Anness.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra reviżjoni tal-mira u ta' l-iskema ta’ ttestjar stipulata fl-Anness ibbażata fuq l-esperjenza miksuba fl-2010, l-ewwel sena tal-programmi ta’ kontroll kif imsemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 646/2007

Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 646/2007, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

(1)

fi tmien il-punt 2:

“Alternattivament, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li għandu jittieħed kampjun minn par wieħed ta' boot swabs, li jkopri 100 % taż-żona ta' l-azjenda jekk jitħallat ma kampjun ta' trab, miġbur minn aktar minn post wieħed ma' l-impjant kollu minn uċuħ li fihom preżenza viżibbli ta' trab.”

(2)

Wara t-tieni paragrafu tal-punt 3(1):

“Il-kampjun tat-trab aħjar jiġi analizzat għal rasu. Iżda, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tgħaqqdu mal-kampjun ta' par boot/sock swabs għall-analiżi.”

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ u l-applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 1(1) u (3), u 2 għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2008 u l-Artikolu 1(2) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1237/2007 (ĠU L 280, 24.10.2007, p. 5).

(2)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

(3)  ĠU L 272, 3.10.2006, p. 22, edizzjoni bil-Malti ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 208.

(4)  ĠU L 151, 13.6.2007, p. 21.


ANNESS

Skema ta’ ttestjar neċessarja biex tkun verifikata l-kisba tal-mira Komunitarja msemmija fl-Artikolu 1(2)

1.   Il-frekwenza u l-istatus tat-teħid tal-kampjuni

(a)

Il-qafas tat-teħid ta' kampjuni għandu jkopri l-qatgħat kollha ta' dundjani għas-simna u tgħammir koperti mill-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

(b)

Għandhom jittieħdu kampjuni ta' qatgħat ta' dundjani bl-inizjattiva ta’ l-operatur kummerċjali ta’ l-ikel u mill-awtorità kompetenti.

(i)

It-teħid ta' kampjuni ta' dundjani għas-simna u tgħammir bl-inizjattiva ta' l-operatur kummerċjali ta’ l-ikel għandu jsir skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 fi żmien tliet ġimgħat qabel mat-tjur jintbagħtu lejn il-biċċerija. Ir-riżultati jibqgħu biss validi sa mhux aktar minn sitt ġimgħat wara t-teħid ta' kampjuni u għalhekk jista' jkun meħtieġ li jiġi ripetut it-teħid ta' kampjuni fuq l-istess qatgħa.

(ii)

Barra minn hekk, it-teħid ta' kampjuni minn qatgħat ta' dundjani għat-tgħammir fuq l-inizjattiva ta' l-operatur kummerċjali ta' l-ikel jista' jseħħ:

F'qatgħat tat-trobbija: ma' ġurnata, ma' erba' ġimgħat ta' età u ġimagħtejn qabel ma jimxu għall-fażi li fiha jbidu jew għall-unità fejn ibidu;

F'qatgħat adulti: ta' l-inqas kull tielet ġimgħa matul il-perjodu li fih ibidu fl-azjenda jew fil-mafqas.

(iii)

It-teħid ta’ kampjuni mill-awtoritajiet kompetenti għandu ta’ l-anqas jinkludi:

darba f'sena, il-qatgħat kollha fuq 10 % ta' l-azjendi b’ta' l-inqas 250 dundjan adult tat-tgħammir bejn 30 u 45 ġimgħa ta' età iżda inklużi dejjem l-azjendi kollha fejn tkun instabet is-Salmonella Enteritidis jew is-Salmonella Typhimurium matul it-12-il xahar ta' qabel u l-azjendi kollha b'dundjani tat-tgħammir elite, il-bużnanniet u n-nanniet. Dan it-teħid ta' kampjuni jista' jseħħ ukoll fil-mafqas;

il-qatgħat kollha f'azjendi f'każ li tinstab is-Salmonella Enteritidis jew is-Salmonella Typhimurium minn kampjuni meħuda fil-mafqas minn operaturi kummerċjali ta' l-ikel jew fi ħdan il-kwadru ta' kontrolli uffiċjali, biex tiġi investigata l-oriġini ta' l-infezzjoni;

darba fis-sena, il-qatgħat kollha f'10 % ta' l-azjendi b’ta' l-inqas 500 dundjan għas-simna, iżda kien x'kien il-każ:

il-qatgħat kollha fl-azjenda meta qatgħa waħda tinstab pożittiva għas-Salmonella Enteritidis jew is-Salmomella Typhimurium f'kampjuni meħuda mill-operatur kummerċjali ta' l-ikel, sakemm il-laħam tad-dundjani fil-qatgħat ma jkunx destinat għal trattament industrijali ta' sħana jew trattament ieħor biex tiġi eliminata s-Salmonella, u

il-qatgħat kollha fl-azjenda meta qatgħa waħda tinstab pożittiva għas-Salmonella Enteritidis jew is-Salmonella Typhimurium matul id-darba ta' qabel f'kampjuni meħuda mill-operatur kummerċjali ta' l-ikel, u

kull darba li l-awtorità kompetenti tqis li huwa meħtieġ.

It-teħid ta’ kampjuni mwettaq mill-awtorità kompetenti jista’ jieħu post teħid wieħed ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur kummerċjali ta’ l-ikel.

2.   Il-Protokoll għat-teħid tal-kampjuni

2.1.   Teħid ta' kampjuni fil-mafqas

It-teħid ta' kampjuni għandu jseħħ bi qbil mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2.2.1 ta' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1003/2005 (1).

2.2.   Teħid ta' kampjuni fl-azjenda

2.2.1   Dundjani tat-tgħammir

Il-kampjuni għandhom jittieħdu bi qbil mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2.2.2 ta' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1003/2005.

2.2.2   Dundjani tas-simna

Għandhom jittieħdu mill-anqas żewġ pari ta’ kampjuni tal-boot/sock swabs. Għall-qatgħat imrobbija fil-ftuħ, il-kampjuni għandhom jinġabru biss fiż-żona ġewwa l-bini ta' l-impjant. Il-kampjuni tal-boot/sock swabs kollha għandhom jinġabru f'kampjun wieħed.

F'qatgħat ta’ anqas minn 100 dundjan, meta ma jkunx possibbli li jintużaw kampjuni ta' boot/sock swabs minħabba li mhux possibbli l-aċċess fil-bini ta' l-impjant, dawn jistgħu jiġu sostitwiti b’kampjuni li jittieħdu bi swabs ta' l-idejn, fejn il-boot/sock swabs jintlibsu fuq l-idejn mgħottija b’ingwanti u jintmesħu fuq uċuħ li huma kkontaminati bi ħmieġ li jkun għadu frisk, jew jekk dan ma jkunx vijabbli, permezz ta’ xi teknika oħra ta’ ksib ta’ kampjuni ta’ ħmieġ adattata għal dan il-għan.

Qabel ma jintlibsu l-boot/sock swabs, il-wiċċ tagħhom għandu jixxarrab b'dilwenti ta’ rkupru massimu (MRD: 0,8 % klorur tas-sodju, 0,1 % peptun f'ilma dejonizzat sterili), jew ilma sterili jew kwalunkwe dilwizzjoni oħra approvata mil-laboratorju nazzjonali ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003. L-użu ta’ l-ilma ta’ l-irziezet li fih aġenti kontra l-mikrobi jew disinfettanti addizzjonali għandu jkun projbit. Il-mod rakkomandat kif għandhom jixxarrbu l-boot swabs għandu jkun li jiġi mferra’ ġewwa fihom il-likwidu qabel ma jintlibsu. Alternattivament, il-boot/sock swabs li jkunu sterillizzati (autoclaved) b'dilwizzjonijiet f'boroż jew vażetti ta' l-autoclave qabel ma jintużaw. Id-dilwenti jistgħu jiġu applikati wkoll permezz ta’ flixkun ta' l-isprej jew tal-ħasil wara li jintlibsu l-boots.

Għandu jkun żgurat li t-taqsimiet kollha ta' bini fl-impjant huma rappreżentati fil-kampjun b'mod proporzjonat. Kull par għandu jkopri madwar 50 % taż-żona tal-bini fl-impjant.

Alternattivament, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li għandu jittieħed kampjun minn par wieħed ta'boot swabs, li jkopri 100 % taż-żona tal-bini jekk jitħallat ma' kampjun ta' trab, miġbur minn aktar minn post wieħed mal-bini kollu minn uċuħ li fihom preżenza viżibbli ta' trab.

Meta jitlesta t-teħid ta’ kampjuni l-boot/sock swabs għandhom jitneħħew bil-galbu biex ma jinqalax xi materjal imwaħħal magħhom. Il-boot swabs jistgħu jinqalbu ta' ġewwa barra biex jinżamm il-materjal. Għandhom jitpoġġew f'borża jew kontenitur u titwaħħlilhom tikketta.

L-awtorità kompetenti għandha tissorvelja l-edukazzjoni ta’ l-operaturi kummerċjali ta’ l-ikel biex tiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tal-protokoll tat-teħid ta' kampjuni.

Fil-każ ta' teħid ta' kampjuni mill-awtorità kompetenti minħabba suspett ta’ infezzjoni ta’ Salmonella f'qatgħa f'din l-azjenda u fi kwalunkwe każ ieħor li jitqies xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tissodisfa ruħha billi twettaq testijiet ulterjuri kif inhu xieraq biex ir-riżultat ta’ l-eżamijiet għas-Salmonella fil-qatgħat tad-dundjani ma jkunux affettwati mill-użu ta’ l-antimikrobiċi f'dawn il-qatgħat.

Fejn ma tinstabx il-preżenza tas-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium iżda jinstabu antimikrobiċi jew l-effett inibitorju tal-formazzjoni tal-batterji, il-qatgħa tad-dundjani għandha tkun ikkunsidrata bħala infettata għall-għan tal-mira Komunitarja msemmija fl-Artikolu 1(2).

3.   L-eżami tal-kampjuni

3.1.   It-trasport u t-tħejjija tal-kampjuni

Il-kampjuni għandhom preferibbilment jintbagħtu bis-servizz espress tal-posta jew kurjer lil-laboratorji msemmija fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, fi żmien 24 siegħa wara li jinġabru. Jekk ma jintbagħtux fi żmien 24 siegħa, għandhom jinħażnu fil-kesħa. Fil-laboratorju, il-kampjuni għandhom jinżammu fil-kesħa sakemm isir l-eżami tagħhom, li għandu jingħata bidu fi żmien 48 siegħa wara li jasal il-kampjun u fi żmien 96 siegħa wara t-teħid tal-kampjun.

Il-par (pari) ta' kampjuni miġburin permezz tal-boot/sock swabs għandhom jinħarġu bil-galbu mill-ippakkjar biex jiġi evitat li jinqala’ materjal ta’ ħmieġ, jinġabru flimkien u jitpoġġew f’225 ml ta’ f’ilma tal-peptun li jkun newtralizzat (buffered peptone water, BPW) imsaħħan minn qabel għal temperatura ambjentali. Il-boot/sock swabs għandhom jiġu mgħaddsa kompletament fil-BPW u għalhekk wieħed jista' jżid aktar BPW jekk ikun meħtieġ.

'Il-kampjun tat-trab l-aħjar għandu jiġi analizzat b'mod separat. Iżda, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tgħaqqdu mal-kampjun ta' par boot/sock swabs għall-analiżi.

Il-kampjun għandu jiġi mħawwad sakemm ikun kompletament issaturat u l-koltura għandha titkompla bl-użu tal-metodu ta’ identifikazzjoni fil-punt 3.2.

Il-kampjuni l-oħra (pereżempju mill-imfaqas) għandhom jitħejjew bi qbil mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2.2.2 ta' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1003/2005.

Jekk l-istandards ta’ l-ISO dwar il-preparazzjoni tal-ħmieġ għall-identifikazzjoni tas-Salmonella jkun hemm ftehim dwarhom, dawn għandhom jiġu applikati u għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet dwar il-preparazzjoni tat-teħid tal-kampjuni stabbiliti f'dan il-punt.

3.2.   Metodu ta’ identifikazzjoni

Għandu jintuża l-metodu ta' identifikazzjoni li huwa rrakkomandat mil-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju (CRL) għas-salmonella f'Bilthoven, fl-Olanda.

Dan il-metodu hu deskritt fl-Anness D ta’ l-ISO 6579 (2002): ‘L-identifikazzjoni tas-Salmonella spp. fil-ħmieġ ta’ l-annimali u fil-kampjuni ta’ l-istadju primarju ta’ produzzjoni’. Se tintuża l-aħħar verżjoni ta’ l-Anness D.

F’dan il-metodu ta’ identifikazzjoni, sustanza semi-solida (is-sustanza semi-solida mmodifikata Rappaport-Vassiladis, MSRV) tintuża bħala s-sustanza selettiva unika ta’ arrikkiment.

3.3.   Klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi

Ta’ l-anqas iżolat wieħed minn kull kampjun pożittiv għandu jkun isserotipizzat, skond l-iskema Kaufmann-White.

3.4.   Metodi alternattivi

Fir-rigward ta' kampjuni meħuda bl-inizjattiva ta’ l-operatur kummerċjali ta' l-ikel, il-metodi ta’ analiżi previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (2), jistgħu jintużaw minflok il-metodi għall-preparazzjoni tal-kampjuni, metodi ta’ identifikazzjoni u s-serotipizzar previsti fil-punti 3.1, 3.2 u 3.3 ta’ dan l-Anness, jekk ivvalidati skond l-EN/ISO 16140/2003.

3.5.   Ħżin ta’ varjanti

Il-laboratorji għandhom jiggarantixxu li ta’ l-anqas varjant wieħed iżolat tas-Salmonella spp. għal kull bini ta' l-impjant kull sena għandu jinġabar mill-awtorità kompetenti u jiġi maħżun għall-phagetyping li jista' jkun possibbli fil-ġejjieni jew l-ittestjar għas-suxxettibbiltà anti-mikrobika, bl-użu tal-metodi normali għall-ġbir tal-kultura, li għandu jiżgura l-integrità tal-varjanti għal perjodu minimu ta’ sentejn.

4.   Riżultati u rapportar

4.1.   L-identifikazzjoni tas-Salmonella Enteritidis u/jew is-Salmonella Typhimurium

Il-laboratorju għandu jirrapporta minnufih kull identifikazzjoni tas-Salmaonella Enteritidis u/jew Salmonella Typhimurium lill-awtorità kompetenti u jagħti referenzi rigward l-azjenda u l-qatgħat.

4.2.   Kalkolu tal-prevalenza għall-verifika tal-mira Komunitarja

Qatgħa ta' dundjani għandha titqies pożittiva għall-iskop tal-verifika tat-twettiq tal-mira Komunitarja, fejn il-preżenza tas-Salmonella Enteritidis u/jew s-Salmonella Typhimurium (għajr għall-varjanti tal-vaċċin) tkun instabet fil-qatgħa fi kwalunkwe okkażjoni.

Qatgħat ta' dundjani pożittivi għandhom jingħaddu darba biss kull rawnd, irrispettivament min-numru ta' operazzjonijiet ta' teħid ta' kampjuni u ttestjar u jiġu rrapportati biss fis-sena li fiha jinstabu pożittivi għall-ewwel darba.

Il-prevalenza għandha tiġi kkalkulata b'mod separat għal qatgħat ta' dundjani tat-tismin u qatgħat ta' dundjani adulti tat-tgħammir.

4.3.   Rappurtar Annwali

Ir-rappurtar annwali għandu jinkludi:

(a)

L-għadd totali ta' qatgħat ta' dundjani adulti tas-simna u t-tgħammir miġbura f'kampjun mill-awtorità kompetenti jew mill-operatur kummerċjali ta' l-ikel;

(b)

l-għadd totali ta' qatgħat infettati bis-Salmonella Enteritidis jew Salmonella Typhimurium , ta' dundjani adulti tas-simna u tat-tgħammir;

(ċ)

is-serotipi kollha tas-Salmonella iżolati (inklużi għajr is-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium) u l-għadd ta' qatgħat infettati għal kull serotip;

(d)

spjegazzjonijiet dwar ir-riżultati, partikolarment dawk li jikkonċernaw każi eċċezzjonali.

Ir-riżultati u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali għandhom jiġu rrapportati bħala parti mir-rapport dwar it-tendenzi u s-sorsi previst fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE (3).

4.4.   Informazzjoni addizzjonali

Ta' l-anqas l-informazzjoni li ġejja għandha tkun disponibbli minn kull qatgħa ta' dundjani ttestjati għal analiżi fuq livell nazzjonali jew mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel wara talba tagħha:

(a)

kampjun meħud mill-awtorità kompetenti jew mill-operatur kummerċjali ta' l-ikel;

(b)

referenza dwar l-azjenda, li tibqa' unika fiż-żmien;

(ċ)

referenza dwar il-bini fl-azjenda, li tibqa' unika fiż-żmien;

(d)

xahar li fih ittieħdu l-kampjuni


(1)  ĠU L 170, 1.7.2005, p. 12. Edizzjoni bil-Malti ĠU L 287M, 18.10.2006, p. 6.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(3)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.