20.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 161/25 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 580/2008
tat-18 ta’ Ġunju 2008
li jemenda għas-96 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta’ l-Afganistan (1), u b'mod partikolari l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mis-sekwestrar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skond dak ir-Regolament. |
(2) |
Fl-4 ta' Ġunju 2008, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jemenda l-lista tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet li għalihom għandu japplika l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi. L-Anness I għandu għalhekk ikun emendat. |
(3) |
Biex jiġi garantit li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 hu emendat kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2008.
Għall-Kummissjoni
Eneko LANDÁBURU
Direttur Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni
(1) ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 400/2008 (ĠU L 118, 6.5.2008, p. 14).
ANNESS
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat kif ġej:
(1) |
Taħt l-intestatura “Persuni legali, gruppi u entitajiet” għandu jidħol dan li ġej: “Moviment Rajah Solaiman (alias (a) Moviment Iżlamiku Rajah Solaiman, (b) Moviment Rivoluzzjonarju Rajah Solaiman). Indirizz: (a) Barangay Mal-Ong, Anda, Provinċja ta' Pangasinan, il-Filippini; (b) Sitio Dueg, Barangay Maasin, San Clemente, Provinċja ta' Tarlac, il-Filippini; (c) Number 50, Purdue Street, Cubao, Quezon City, il-Filippini. Tagħrif ieħor: (a) Kellu l-uffiċċju tiegħu fil-Fi-Sabilillah Da'awa and Media Foundation Incorporated f'numru 50, Purdue Streer, Cubao, Quezon City, li hija wkoll ir-reżidenza tal-fundatur ta' l-entità, Hilarion Del Rosario Santos III; (b) Assoċjat mal-Grupp Abu Sayyaf u ma' Jemaah Islamiyah, inkluż f'taħriġ dwar l-isplussivi u appoġġ ieħor għal attakki terroristiċi fil-Filippini fl-2004 u fl-2005; (c) Irċieva fondi mill-fergħat ta' l-International Islamic Relief Organisation, il-Filippini, permezz ta' Khadafi Abubakar Janjalani.” |
(2) |
L-annotazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu miżjuda taħt l-intestatura “Persuni naturali”:
|