|
11.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 151/27 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 519/2008
ta' l-10 ta' Ġunju 2008
li japprova emendi minuri lill-ispeċifikazzjonijiet ta' denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta' oriġini u ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Volailles de Loué (IĠP))
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel (1), u b'mod partikolari t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skond l-ewwel subparagrafu ta' Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u fid-dawl ta' l-Artikolu 17(2) ta' l-istess Regolament, il-Kummissjoni eżaminat it-talba ta' Franza biex jiġu approvati emendi lill-ispeċifikazzjonijiet tad-indikazzjoni ġeografika protetta “Volailles de Loué”, irreġistrata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/1996 (2). |
|
(2) |
It-talba għandha l-għan li temenda l-ispeċifikazzjonijiet billi żżid id-dundjan (lewn il-bronż) maħsub għall-bejgħ tul is-sena kollha f'biċċiet maqtugħa. Għandhom ukoll jiġu speċifikati r-razza, id-densità u l-għalf. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Ġaladarba l-emenda hija waħda minuri fis-sens ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni tista' tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura deskritta fl-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament imsemmi, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjonijiet ta' l-indikazzjoni ġeografika protetta “Volailles de Loué” huma b'dan emendati skond l-Anness I ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Sinteżi ta' l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjonijiet tinsab fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Ġunju 2008.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Ir-Regolament kif emendat l-aћћar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 417/2008 (ĠU L 125, 9.5.2008, p. 27).
(2) ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 704/2005 (ĠU L 118, 5.5.2005, p.14)
ANNESS I
B'dan huma approvati l-emendi li ġejjin għall-ispeċifikazzjonijiet ta' l-indikazzjoni ġeografika protetta “Volailles de Loué”
“Deskrizzjoni tal-prodott”:
Żieda ta’ paragrafu:
“Id-dundjani (lewn il-bronż) ta’ l-irziezet ta’ Loué.
Id-dundjani (irġiel u nisa) tar-razza li jikbru bil-mod, tat-tip lewn ‘il-bronż’, mibruma u weqfin sew, jitrabbew esklussivament fil-beraħ sakemm jimmaturaw (tul minimu ta’ 14-il ġimgħa għad-dundjani nisa u ta’ 18-il ġimgħa għad-dundjani rġiel).
Il-maturità tagħhom tagħti togħma bnina lil-laħam li jżomm sew meta jissajjar, u l-oriġini ġenetika tagħhom tiżgura li l-laħam ikun tari. Jiġu prodotti s-sena kollha u huma maħsuba għall-bejgħ maqtugħin jew ipproċessati.”
“Metodu ta' produzzjoni”:
Fil-paragrafu “Razza”, jiżdied: “il-flieles tad-dundjan iridu jkun tat-tip ‘lewn il-bronż’ ”.
Fil-paragrafu “Densità”, jiżdied: “l-annimali jitrabbew f’kundizzjoni ta’ densità baxxa fil-gallinar (mhux aktar minn 6.25 dundjan kull metru kwadru mill-età ta’ 10 ġimgħat)”.
Fil-paragrafu “Għalf”, jiżdied: “75 % minimu ta’ ċereali, għall-biċċa l-kbira tal-perjodu tat-tismin tad-dundjani (lewn il-bronż)”.
ANNESS II
SINTEŻI
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel
“VOLAILLES DE LOUÉ”
Nru tal-KE: FR/PGI/117/0149/18.2.2004
DPO ( ) IĠP (X)
Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott b'għan informattiv biss.
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat membru:
|
Isem |
: |
Institut National de l’Origine et de la Qualité (INAO) |
|
Indirizz |
: |
51 rue d'Anjou – F-75008 Paris |
|
Tel |
: |
(33) (0)1 53 89 80 00 |
|
Feks |
: |
(33) (0)1 42 25 57 97 |
|
Posta elettronika |
: |
info@inao.gouv.fr |
2. Grupp
|
Isem |
: |
Syndicat des Volailles Fermières de Loué – SYVOL QUALIMAINE |
|
Indirizz |
: |
82 avenue Rubillard 72000 LE MANS – FRANCE |
|
Tel. |
: |
(33) (0)2 43 39 93 13 |
|
Feks |
: |
(33) (0)2 43 23 42 19 |
|
Posta elettronika |
: |
info@loue.fr |
|
Kompożizzjoni |
: |
Produtturi / proċessuri (X) Oħrajn ( ) |
3. Tip ta' prodott:
|
Klassifikazzjoni 1.1. – |
Laħam (u ġewwieni) frisk. |
4. Speċifikazzjonijiet (sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
4.1. Isem:
“Volailles de Loué”
4.2. Deskrizzjoni:
Karkassi jew qatgħat ta’ tjur ta’ kwalità superjuri, laħam ta’ togħma bnina, tari imma b’konsistenza soda, mingħajr xaħam żejjed (Poulet Blanc Fermier de Loué (Tiġieġa bajda), Dinde Fermière de Loué (Dundjan), Dinde (bronzée) Fermière de Loué (Dundjan lewn il-bronż), Pintade Fermière de Loué (Farawn), Canard de Barbarie Fermier de Loué et Canette de Barbarie Fermière de Loué (Papra Muscovy jew il-flieles tagħha), Poulet Noir Fermier de Loué (Tiġieġa sewda), Poulet Jaune Fermier de Loué (Tiġieġa safra), Oie Fermière de Loué (Wiżża), Chapon Fermier de Loué (Ħasi), Poule Fermière de Loué (Qroqqa), Poularde Fermière de Loué (Poulard), Poulet Blanc Fermier (Tiġieġa Bajda), Chapon de Pintade Fermier de Loué (Ħasi tal-farawn)).
It-tjur huma ppreżentati mnaddfa, sħaħ jew maqtugħa, friski jew iffriżati.
4.3. Żona ġeografika:
Id-dipartiment ta’ la Sarthe; id-dipartiment ta’ la Mayenne; fid-dipartiment ta’ l'Orne, l’Indre et Loire, Loire et Chere, Eure et Loir: il-cantons mal-periferija; fid-dipartiment ta’ Maine et Loire: l-arrondissement ta’ Segré u l-cantons ta’ Louroux-Béconnais, Saint-Georges-sur-Loire, Angers, Tiercé, Durtal, Seiches-sur-le-Loir, Baugé, Beaufort-en-Vallée, Noyant, Longué-Jumelles, Allonnes.
4.4. Prova ta' l-oriġini:
Kull parti tal-produzzjoni hija elenkata (mfaqas, manifatturi ta’ l-għalf, raħħala, biċċeriji).
Kull lott ta’ tjur jgħaddi minn reġistrazzjoni dokumentarja f’kull stadju: dikjarazzjoni mir-raħħal tat-tjur mizjuda ma’ l-istokk tiegħu, ċertifikati tal-wasla għat-tjur b'età ta' jum, dikjarazzjoni tat-tluq lejn il-biċċerija u dikjarazzjoni għall-ġbir mill-biċċerija, dikjarazzjoni tat-tikketti użati għat-tjur wara l-qatla u dikjarazzjoni għat-tjur skartat. It-tikketti huma kollha nnumerati. Kontrolli fuq il-konsistenza ta’ din l-informazzjoni jippermettu li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott.
4.5. Metodu ta' produzzjoni:
Razza ta’ tjur puri u bgħula li jikbru bil-mod. Imrobbija f’qatgħat żgħar, fil-beraħ jew ħielsa fl-għelieqi lokali (bocage) sakemm jilħqu l-maturità sesswali. Għalf ibbażat fuq iċ-ċereali u l-qatla sseħħ ma’ età minima ffissata għal kull speċi.
4.6. Rabta:
Ir-rabta ma’ l-oriġini ġeografika ġejja minn :
|
— |
fama storika marbuta ma’ l-eżistenza tal-“Foire de l’Envoi”, fiera tar-raħal ta’ Loué, magħrufa sew partikolarment fis-seklu 19 u li kienet tiġbed bosta bejjiegħa tat-tjur, li kienu jixtru l-prodotti tal-bdiewa tar-reġjun. Fl-1958, xi raħħala u pakkettaturi tar-reġjun ta’ Loué irnexxielhom jerġgħu jqabbdu l-produzzjoni tat-tjur ta’ l-irziezet ta’ kwalità għolja. |
|
— |
il-fama ta’ bħalissa : it-tjur ta’ Loué huma l-aktar tjur ċelebri ta’ Franza. Igawdu mill-akbar fama mal-pubbliku u għandhom importanza ewlenija fil-gastronomija. Jintużaw minn koki ta’ fama kbira. |
4.7. Organu ta' spezzjoni:
|
Isem |
: |
QUALI OUEST |
|
Indirizz |
: |
30 rue du Pavé 72000 Le Mans – France |
|
Tel |
: |
(33) (0)2 43 14 21 11 |
|
Feks |
: |
(33) (0)2 43 14 27 32 |
|
Posta elettronika |
: |
qualiouest@qualiouest.com |
4.8. Tikkettar:
Volailles de Loué ma' l-isem ta’ l-ispeċi korrispondenti.