24.4.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 112/22 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 365/2008
tat-23 ta' April 2008
li jadotta l-programm ta' moduli ad hoc, li jkopri s-snin 2010, 2011 u 2012, għall-istħarriġ kampjun dwar il-forza tax-xogħol stipulat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 tad-9 ta' Marzu 1998 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ kampjun dwar il-forza tax-xogħol fil-Komunità (1), b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
B'konformità ma' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 577/98, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-elementi tal-programm ta' moduli ad hoc li jkopri s-snin 2010, 2011 u 2012. |
(2) |
Il-Linjigwida dwar ix-Xogħol (2005-2008) adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE (2), “Pjan dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa” (3) tal-Kummissjoni Ewropea u l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (4) jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jippromwovu bilanċ aħjar tal-ħajja tax-xogħol għal kulħadd f'termini ta' kura tat-tfal, faċilitajiet tal-kura għal dipendenti oħra u promozzjoni tal-ġranet frank tal-ġenituri kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Għalhekk, biex jitkejjel l-impatt tal-politiki riċenti f'dan il-qasam, ikun essenzjali li tinġabar l-informazzjoni relevanti kollha bil-modulu ad hoc ta' l-2010. |
(3) |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar l-opportunitajiet indaqs għall-persuni bid-diżabbiltajiet (5) tirreferi għall-bżonn ta' sett ta' data komprensiva u komparabbli dwar is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ta' persuni b'diżabbiltà. Aktar minn hekk, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-opportunitajiet indaqs għall-persuni b'diżabilitajiet (6), li jiffoka fuq inklużjoni attiva tal-persuni b'diżabbiltajiet għandu jiġi sorveljat. Għalhekk, din l-informazzjoni għandha tinġabar permezz tal-modulu ad hoc għall-2011. |
(4) |
Hemm il-bżonn ta' sett ta' data sħiħa u komparabbli dwar it-tranżizzjonijiet mix-xogħol għall-irtirar sabiex jiġi osservat il-progress lejn l-għanijiet komuni ta' l-Istrateġija ta' l-Impjiegi tal-Komunità u tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qasam tal-pensjonijiet li ġie mibdi mill-Kunsill Ewropew ta' Laeken f'Diċembru 2001. Iż-żewġ proċessi jidentifikaw il-promozzjoni ta' xjuħija attiva u t-titwil tal-ħajja tax-xogħol bħala prijoritajiet għall-azzjoni. Għalhekk, l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ta' ħaddiema akbar fl-età u l-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u t-tranżizzjonijiet għandha tinġabar permezz tal-modulu ad hoc ta' l-2012. |
(5) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 430/2005 tal-15 ta' Marzu 2005 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 dwar l-organizzazzjoni ta’ stħarriġ kampjun dwar il-forza tax-xogħol fil-Komunità li jirrigwarda l-kodifikazzjoni li għandha tintuża għat-trażmissjoni tad-data mill-2006 ’l quddiem u l-użu ta’ sotto-kampjun għall-ġbir ta' data dwar il-varjabbli strutturali (7) jistabbilixxi l-karatteristiċi tal-kampjun li jrid jintuża għall-ġbir ta' l-informazzjoni dwar moduli ad hoc. |
(6) |
Il-miżuri previsiti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku mwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (8), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-programm ta' moduli ad hoc għall-istħarriġ kampjun dwar il-forza tax-xogħol, li jkopri s-snin 2010, 2011 u 2012, kif stabbilit fl-Anness, huwa b'dan adottat.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 23 ta’ April 2008.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 77, 14.3.1998, p. 3. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1372/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 42).
(2) ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.
(3) Adottat fl-1.3.2006, COM(2006) 92 finali.
(4) Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-23-24 ta' Marzu 2006.
(6) COM(2003) 650.
(7) ĠU L 71, 17.3.2005, p. 36. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 973/2007 (ĠU L 216, 21.8.2007, p. 10).
(8) ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.
ANNESS
STĦARRIĠ TAL-FORZA TAX-XOGĦOL
Programm fuq firxa ta' snin ta' moduli ad hoc.
1. RIKONĊILJAZZJONI BEJN IX-XOGĦOL U L-ĦAJJA TAL-FAMILJA
Listi ta' varjabbli: li għandhom ikunu definiti qabel Diċembru 2008
Perjodu ta’ referenza: 2010.
L-Istati Membri u r-reġjuni konċernati: Kollha.
Kampjun: Il-kampjun għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-Anness I, punt 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 430/2005.
Trażmissjoni tar-riżultati: qabel il-31 ta’ Marzu 2011.
2. IMPJIEG TA' NIES B'DIŻABILITÀ
Listi ta' varjabbli: li għandhom ikunu definiti qabel Diċembru 2009.
Perjodu ta’ referenza: 2011.
L-Istati Membri u r-reġjuni konċernati: Kollha.
Kampjun: Il-kampjun għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-Anness I, punt 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 430/2005.
Trażmissjoni tar-riżultati: qabel il-31 ta’ Marzu 2012.
3. TRANŻIZZJONI MIX-XOGĦOL GĦALL-IRTIRAR
Listi ta' varjabbli: li għandhom ikunu definiti qabel Diċembru 2010.
Perjodu ta’ referenza: 2012.
L-Istati Membri u r-reġjuni konċernati: Kollha.
Kampjun: Il-kampjun għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-Anness I, punt 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 430/2005.
Trażmissjoni tar-riżultati: qabel il-31 ta’ Marzu 2013.