|
3.4.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 92/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 303/2008
tat-2 ta’ April 2008
li jistabbilixxi, skond Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rekwiżiti minimi u l-kundizzjonijiet għall-rikonoxximent reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni ta’ kumpaniji u persunal fir-rigward ta’ tagħmir fiss ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata u pompi tas-sħana li fih ċerti gassijiet serra fluworinati
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropeja,
Wara li kkunsidrat Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (1) u b’mod partikolari Artikolu 5(1) ta’ l-istess,
Billi:
|
(1) |
Għall-finijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kwalifiki ta’ persunal li jagħmel l-attivitajiet, fil-post tat-tħaddim ta’ tagħmir li fih ċerti gassijiet serra fluworinati, li jistgħu jaffettwaw it-tnixxija ta’ dawn il-gassijiet. |
|
(2) |
Għandhom isiru dispożizzjonijiet għall-kategoriji differenti ta’ persunal ċertifikat, sabiex jiġi żgurat li l-persunal huwa kwalifikat għall-attivitajiet li jagħmlu filwaqt li jiġu evitati spejjeż sproporzjonati. |
|
(3) |
Persunal li għadu mhux kwalifikat imma li qiegħed jieħu kors ta’ taħriġ bil-għan illi jikseb ċertifikat għandu, għal żmien limitat, ikun permess jagħmel attivitajiet li għalihom tali ċertifikazzjoni hija meħtieġa biex jikseb it-taħriġ prattiku meħtieġ għall-eżami, bil-kundizzjoni li dejjem ikun taħt is-superviżjoni ta’ persunal ċertifikat. |
|
(4) |
Persunal kwalifikat sabiex jibbrejżja, jissaldja jew jiwweldja, għandu jkun permess li jagħmel dawk l-attivitajiet speċjalizzati fil-kuntest ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom hija meħtieġa ċertifikazzjoni, bil-kundizzjoni li dejjem ikun taħt is-superviżjoni ta’ persunal ċertifikat. |
|
(5) |
Id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (2) tistipola rekwiżiti tekniċi għall-kumpaniji li jittrattaw u jaħżnu tagħmir ta’ skart f’impjanti ta’ trattament, inkluż, inter alia, tagħmir ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata u pompi tas-sħana. Il-livell ta’ kwalifika meħtieġ għall-persunal li jirkupra refriġġerant f’tali impjanti huwa anqas meta mqabbel ma’ dak meħtieġ minn persunal li jagħmel irkupru fuq il-post, minħabba t-tipi ta’ tagħmir ta’ rkupru awtomattizzat disponibbli f’impjanti ta’ trattament għad-dekommissjonar tar-refriġeraturi. |
|
(6) |
Għadd ta’ Stati Membri bħalissa ma għandhomx sistemi ta’ kwalifikazzjoni jew ċertifikazzjoni f’posthom. Perjodu limitat għandu għalhekk jitħalla għall-persunal u kumpaniji sabiex jiksbu ċertifikat. |
|
(7) |
Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv, għandu jitħalla li tinbena sistema ta’ ċertifikazzjoni fuq skemi ta’ kwalifikazzjoni eżistenti bil-kundizzjoni li s-sengħa u t-tagħrif koperti u s-sistema ta’ kwalifikazzjoni rilevanti huma ekwivalenti għall-istandards minimi maħsuba mir-Regolament. |
|
(8) |
Eżami huwa mezz effettiv ta’ kif tiġi mistħarrġa l-kapaċità ta’ kandidat li jagħmel sewwa azzjonijiet li jistgħu direttament jikkawżaw tnixxija, kif ukoll dawk illi anke indirettament jistgħu jikkawżaw tnixxija. |
|
(9) |
Sabiex ikunu possibbli t-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni ta’ persunal illi bħalissa huwa attiv f’oqsma koperti bir-Regolament mingħajr ma jinterrompi l-attività professjonali tiegħu, huwa meħtieġ perjodu adegwat li matulu ċ-ċertifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq skemi ta’ kwalifikazzjoni u esperjenza professjonali eżistenti. |
|
(10) |
Korpi uffiċjali deżinjati ta’ valutazzjoni u ċertifikazzjoni għandhom jiżguraw konformità mar-rekwiżiti minimi imsemmija f’dan ir-Regolament u b’hekk jagħtu kontribut għar-rikonoxximent reċiproku effettiv u effiċjenti ta’ ċertifikati ġewwa l-Komunità. |
|
(11) |
Rikonoxximent reċiproku ma għandux japplika għal ċertifikati provviżorji peress illi r-rekwiżiti sabiex jinkisbu dawk iċ-ċertifikati jista’ jkun anqas minn dawk eżistenti f’xi Stati Membri b’mod sinifikanti. |
|
(12) |
Informazzjoni dwar is-sistema ta’ ċertifikazzjoni li toħroġ ċertifikati li huma soġġetti għal rikonoxximent reċiproku għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni fil-forma stabbilita mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 308/2008 tat-2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-forma ta’ notifika għall-programmi ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni għall-Istati Membri (3). Informazzjoni fuq sistemi ta’ ċertifikazzjoni provviżorji għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni. |
|
(13) |
Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz ta’ Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Oġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 fir-rigward ta’ tagħmir fiss ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata u pompi tas-sħana li fihom ċerti gassijiet serra fluworinati kif ukoll il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati maħruġa skond dawn ir-rekwiżiti.
Artikolu 2
Ambitu
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persunal li jagħmel l-attivitajiet li ġejjin:
|
(a) |
verifika ta’ tnixxija fuq applikazzjonijiet li fihom 3 kg jew aktar ta’ gassijiet serra fluworinati u applikazzjonijiet li fihom 6 kg jew aktar ta’ gassijiet serra fluworinati b’sistemi ermetikament issiġillati, li huma mmarkati bħala tali; |
|
(b) |
rkupru; |
|
(ċ) |
stallazzjoni; |
|
(d) |
manutenzjoni jew servisjar. |
2. Għandu japplika wkoll għall-kumpaniji li jagħmlu l-attivitajiet li ġejjin:
|
(a) |
stallazzjoni; |
|
(b) |
manutenzjoni jew servisjar. |
3. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall xi attività ta’ manifattura jew tiswija li ssir fis-sit tal-manifattur għal tagħmir fiss ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata jew pompi tas-sħana li fihom gassijiet serra fluworinati.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
|
(1) |
“stallazzjoni” tfisser it-tgħaqqid ta’ biċċtejn jew aktar ta’ tagħmir jew ċirkuwiti li fihom jew li huma maħsuba biex ikun fihom gass serra fluworinat refriġeranti, bil-għan li titgħaqqad sistema fil-lok fejn ser tiġi operata, inkluża l-azzjoni li biha kundutturi refriġeranti tas-sistema jiġu mgħaqqda flimkien sabiex jitlesta ċirkuwitu refriġeranti irrispettivament mill-ħtieġa li s-sistema tiġi kkargata wara l-assemblaġġ; |
|
(2) |
“manutenzjoni jew servisjar” tfisser l-attivitajiet kollha, esklużi l-irkupru u l-verifiki għat-tnixxija kif definiti fl-Artikoli 2(14) u 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 rispettivament, li jfissru ndħil fiċ-ċirkuwiti li fihom jew li huma maħsuba biex ikun fihom gassijiet serra fluworinati, b’mod partikolari li jissupplixxu s-sistema b’gassijiet serra fluworinati, it-tneħħija ta’ biċċa jew aktar miċ-ċirkuwitu jew tagħmir, it-twaħħil mill-ġdid ta’ biċċtejn jew aktar taċ-ċirkuwitu jew tagħmir, kif ukoll it-tiswija ta’ tnixxijiet. |
Artikolu 4
Ċertifikazzjoni tal-persunal
1. Persunal li jagħmel l-attivitajiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 2(1) għandu jkollu ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6 għall-kategorija korrispondenti kif stipulat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
2. Ċertifikati li jattestaw li d-detentur jissoddisfa r-rekwiżiti li jagħmel waħda jew aktar mill-attivitajiet li għalihom issir referenza f'Artikolu 2(1) għandhom jingħataw għall-kategoriji li ġejja ta’ persunal:
|
(a) |
Dawk li għandhom ċertifikat ta’ kategorija I jistgħu jagħmlu l-attivitajiet kollha pprovduti fl-Artikolu 2(1); |
|
(b) |
Dawk li għandhom ċertifikat ta’ kategorija II jistgħu jagħmlu attivitajiet li jipprovdi għalihom il-punt (a) ta’ l-Artikolu 2(1) bil-kundizzjoni li dan ma jfissirx l-indħil fiċ-ċirkuwitu ta’ refriġerazzjoni li fih gassijiet serra fluworinati. Dawk li għandhom ċertifikat ta’ kategorija II jistgħu jagħmlu l-attivitajiet fil-punti (b), (ċ) u (d) ta’ Artikolu 2 (1) fir-rigward ta’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata u pompi tas-sħana li fih anqas minn 3 kg, jew, jekk ikunu kkonċernati sistemi ermetikament issiġillati u li huma mmarkati bħala tali, anqas minn 6 kg ta’ gassijiet serra fluworinati; |
|
(ċ) |
Dawk li għandhom ċertifikat ta’ kategorija III jistgħu jagħmlu l-attivitajiet fil-punt (b) ta’ Artikolu 2 (1) fir-rigward ta’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata u pompi tas-sħana li fih anqas minn 3 kg, jew, jekk ikunu kkonċernati sistemi ermetikament issiġillati u li huma mmarkati bħala tali, anqas minn 6 kg ta’ gassijiet serra fluworinati; |
|
(d) |
Dawk li għandhom ċertifikat ta’ kategorija IV jistgħu jagħmlu l-attività li jipprovdi għaliha l-punt (a) ta’ Artikolu 2(1) bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm indħil fiċ-ċirkuwitu ta’ refriġerazzjoni li fih gassijiet serra fluworinati. |
3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:
|
(a) |
għal perjodu massimu ta’ sentejn, għall-persunal li jagħmel waħda mill-attivitajiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 2(1) u li jkun għaddej minn kors ta’ taħriġ għall-iskop illi jikseb ċertifikat li jkopri l-attività rilevanti, bil-kundizzjoni li jagħmel l-attività taħt is-superviżjoni ta’ persuna li għandha ċertifikat li tkopri dik l-attività; |
|
(b) |
għall-persunal li jagħmel xogħol ta’ bbrejżajar, issaldjar jew iwweldjar ta’ parti minn sistema jew biċċa minn tagħmir fil-kuntest ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 2(1), li għandu kwalifika rikjesta taħt leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex isiru tali attivitajiet, bil-kundizzjoni li jsiru taħt is-superviżjoni ta’ persuna li għandha ċertifikat li jkopri l-attività rilevanti. |
|
(ċ) |
għall-persunal li jagħmel attivitajiet ta’ rkupru ta’ gassijiet serra fluworinati koperti bid-Direttiva 2002/96/kE b’kariga ta’ gass/ijiet serra fluworinat/i ta’ anqas minn 3 kg, f’postijiet koperti b’permess skond Artikolu 6(2) ta’ dik id-Direttiva, bil-kundizzjoni li li huwa impjegat minn kumpanija li għandha l-permess u spiċċa kors ta’ taħriġ fuq il-ħiliet u l-għarfien minimu li jikkorrispondi għall-kategorija III kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament verifikat b’attestazzjoni ta’ kompetenza maħruġ mid-detentur tal-permess. |
4. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafu 1 ma għandux japplika għal perjodu li ma għandux imur lil hinn mid-data li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għalll-persunal li jagħmel waħda jew aktar mill-attivitajiet stipulati fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament qabel id-data li msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006.
Tali persunal għandu, għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, jitqies li huwa ċċertifikat fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet għall-iskopijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006.
Artikolu 5
Ċertifikati tal-Persunal
1. Korp ta’ ċertifikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10 għandu joħroġ ċertifikat lill-persunal li jkun għadda eżami tejoretiku u prattiku organizzat minn korp ta’ valutazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 11, li jkopri l-ħiliet u l-għarfien minimu msemmi fl-Anness, għall-kategorija kkonċernata.
2. Iċ-ċertifikat għandu jkun fih talanqas dan li ġej:
|
(a) |
l-isem tal-korp ta’ ċertifikazzjoni, l-isem sħiħ tad-detentur, in-numru taċ-ċertifikat, u d-data ta’ l-iskadenza, jekk ikun il-każ; |
|
(b) |
il-kategorija ta’ ċertifikazzjoni ta’ persunal kif speċifikat fl-Artikolu 4 (2) u l-attivitajiet assoċjati li d-detentur huwa intitolat li jagħmel; |
|
(ċ) |
id-data tal-ħruġ u l-firma ta’ min joħroġ iċ-ċertifikat. |
3. Fejn sistema eżistenti ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq eżami tkopri is-sengħat u t-tagħrif minimi imsemmija fl-Anness għal kategorija partikolari u tkopri ir-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 10 u 11, iżda l-attestazjoni relattiva ma jkunx fiha l-elementi imniżżla fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, korp ta’ ċertifikazzjoni imsemmi fl-Artikolu 10 jista’ joħroġ ċertifikat lil min għandu din il-kwalifika għall-kategorija korrispondenti mingħajr ma jiġi ripetut l-eżami.
4. Fejn sistema eżistenti ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq eżami tilħaq ir-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 10 u 11 u tkopri parzjalment is-sengħat minimi ta’ kategorija partikolari kif imsemmi fl-Anness, korpijiet ta’ ċertifikazzjoni jistgħu joħorġu ċertifikat għall-kategorija korrispondenti bil-kundizzjoni li l-applikant jgħaddi minn eżami supplimentari ta’ ħiliet u għarfien li mhux kopert minn ċertifikazzjoni eżistenti minn korp ta’ valutazzjoni li għalih issir referenza fl-Artikolu 11.
Artikolu 6
Ċertifikati provviżorji għall-persunal
1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-persunal li għalih issir referenza fl-Artikolu 2(1) skond il-paragrafi 2 jew 3, jew il-paragrafi 2 u 3, ta’ dan l-Artikolu.
Iċ-ċertifikati provviżorji li għalihom issir referenza fil-paragrafi 2 u 3 jiskadu l-aktar tard nhar l-4 ta’ Lulju 2011.
2. Persunal li għandu attestazzjoni maħruġa taħt skemi ta’ kwalifikazzjoni eżistenti għall-attivitajiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 2(1) għandhom jitqiesu bħala li għandhom ċertifikat provviżorju.
L-Istati Membri għandhom jidentifikaw attestazzjonijiet li jikkwalifikaw bħala ċertifikati provviżorji għall-kategorija korrispondenti li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 4(2).
3. Persunal b’esperjenza professjonali fl-attivitajiet korrispondenti għall-kategoriji msemmija fl-Artikolu 4 (2), akkwistati qabel id-data li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 5(2) ta’ Regolament (KE) Nru 842/2006, għandu jinħariġlu ċertifikat minn entità deżinjata minn Stat Membru.
Iċ-ċertifikat provviżorju għandu jindika l-kategorija li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 4(2) u d-data ta’ skadenza.
Artikolu 7
Ċertifikazzjoni ta’ kumpaniji
1. Kumpaniji li ssir referenza agħalihom fl-Artikolu 2(2) għandu jkollhom ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 8 jew 9.
2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafu 1 ma għandux japplika għal perjodu li ma għandux imur lil hinn mid-data msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-kumpaniji involuti f’waħda jew aktar mill-attivitajiet stipulati fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament qabel id-data li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 5 (2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006.
Artikolu 8
Ċertifikati tal-kumpaniji
1. Korp ta’ ċertifikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10 għandu joħroġ ċertifikat lil kumpanija għal waħda jew aktar mill-attivitajiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(2) bil-kundizzjoni li l-kumpanija tilħaq ir-rekwiżiti segwenti:
|
(a) |
timpjega persunal ċertifikat skond l-Artikolu 5, għall-attivitajiet li jeħtieġu ċertifikazzjoni, f’għadd suffiċjenti li jkopri l-volum mistenni ta’ attivitajiet; |
|
(b) |
tipprova li l-għodod u proċeduri neċessarji huma disponibbli lill-persunal li qiegħed jagħmel l-attivitajiet li għalihom hija meħtieġa ċ-ċertifikazzjoni. |
2. Iċ-ċertifikat għandu jkun fih talanqas dan li ġej:
|
(a) |
l-isem tal-korp ta’ ċertifikazzjoni, l-isem sħiħ tad-detentur, in-numru taċ-ċertifikat, u d-data ta’ l-iskadenza, jekk ikun il-każ; |
|
(b) |
l-attivitajiet li d-detentur huwa intitolat jagħmel |
|
(ċ) |
id-data tal-ħruġ u l-firma ta’ min joħroġ iċ-ċertifikat. |
Artikolu 9
Ċertifikati provviżorji għall-kumpaniji
1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-kumpaniji li għaliha issir referenza fl-Artikolu 2(2) skond il-paragrafi 2 jew 3, jew il-paragrafi 2 u 3, ta’ dan l-Artikolu.
Iċ-ċertifikati provviżorji li għalihom issir referenza fil-paragrafi 2 u 3 jiskadu sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Lulju 2011.
2. Kumpaniji ċertifikati taħt skemi ta’ ċertifikazzjoni eżistenti għal attivitajiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(2) għandhom ikunu detenuri għal ċertifikati provviżorji
L-Istati Membri għandhom jidentifikaw attestazzjonijiet li jikkwalifikaw bħala ċertifikati provviżorji għall-attivitajiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(2) li d-detentur huwa intitolat jagħmel.
3. Kumpaniji li jimpjegaw persunal li għandu ċertifikat għall-attivitajiet li għalihom hemm bżonn ċertifikazzjoni għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 2(2) għandu jinħarġilhom ċertifikat provviżorju minn entità deżinjata minn Stat Membru.
Iċ-ċertifikat provviżorju għandu jindika l-attivitajiet li d-detentur huwa intitolat li jagħmel u d-data ta’ skadenza.
Artikolu 10
Korp ta’ ċertifikazzjoni
1. Il-liġi jew regolament nazzjonali għandu jipprovdi għall-korp ta’ ċertifikazzjoni, jew tali korp għandu jkun deżinjat minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew entitajiet oħra intitolati li joħorġu ċertifikati lil persunal jew kumpaniji involuti f’waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2.
Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jkun indipendenti u imparzjali fl-attivitajiet li jagħmel.
2. Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi u japplika proċeduri għall-ħruġ, is-sospensjoni u l-irtirar ta’ ċertifikati.
3. Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jżomm rendikont li jippermetti l-verifiki ta’ l-istat ta’ persuna jew kumpanija ċertifikata. Ir-rendikont għandu juri li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni ġie effettivament implimentat. Rendikont għandu jinżamm għall-perjodu minimu ta’ 5 snin.
Artikolu 11
Korp ta’ valutazzjoni
1. Korp ta’ valutazzjoni deżinjat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jew entitajiet oħra li jistgħu jagħmlu hekk, għandhom jorganizzaw eżamijiet għall-persunal imsemmija fl-Artikolu 2(1). Korp ta’ ċertifikazzjoni li għalih issir referenza fl-Artikolu 10 jista’ jikkwalifika bħala korp ta’ valutazzjoni.
Il-korp ta’ valutazzjoni għandu jkun indipendenti u imparzjali fl-attivitajiet li jagħmel.
2. Eżamijiet għandhom ikunu ppjanati u strutturati b’tali mod li jiżgura li l-ħiliet u l-għarfien minimi mniżżla fl-Anness huma koperti.
3. Il-korp ta’ valutazzjoni għandu jadotta proċeduri ta’ rappurtaġġ u jżomm rendikonti sabiex jiżgura d-dokumentazzjoni ta’ riżultati kemm individwali kif ukoll kollettivi tal-valutazzjoni.
4. Il-korp ta’ valutazzjoni għandu jiżgura li l-eżaminaturi assenjati għal test għandhom l-għarfien dovut tal-metodi ta’ eżami u dokumenti rilevanti kif ukoll kompetenza xierqa fil-qasam li fih qiegħed isir l-eżami. Għandu wkoll jiżgura li t-tagħmir, għodod u materjali meħtieġa huma disponibbli għat-testijiet prattiċi.
Artikolu 12
Notifika
1. Sa l-4 ta’ Lulju 2008, l-Istati Membri għandom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw sistema ta’ ċertifikazzjoni skond l-Artikoli 6 jew 9, jew it-tnejn li huma.
2. Sa l-4 ta’ Jannar 2009, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fejn applikabbli, bl-entitajiet deżinjati sabiex jinħarġu ċertifikati provviżorji u bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali skond liema dokumenti maħruġa minn sistemi ta’ ċertifikazzjoni eżistenti jitqiesu bħala ċertifikati provviżorji.
3. Sa l-4 ta’ Jannar 2009, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u dettalji ta’ korpi ta’ ċertifikazzjoni għall-persunal u kumpaniji koperti bl-Artikolu 10 u bit-titli ta’ ċertifikati għall-persunal li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 5 u kumpaniji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 8, billi jużaw il-forma stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 308/2008.
4. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw in-notifika mibgħuta skond il-paragrafu 3 b’informazzjoni rilevanti ġdida, u jissottomettu l-istess lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
Artikolu 13
Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku
1. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati maħruġa fi Stati Membri oħra għandu japplika biss għal ċertifikati maħruġa skond l-Artikolu 5 għall-persunal u l-Artikolu 8 għall-kumpaniji.
2. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li min għandu ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor jipprovdi traduzzjoni taċ-ċertifikat b’lingwa uffiċjali oħra tal-Komunità.
Artikolu 14
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 2 ta’ April 2008.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2003/108/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 106).
(3) Ara paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(4) ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/540/KE (ĠU L 198, 31.7.2007, p. 35).
ANNESS
Rekwiżiti minimi f’dak illi jirrigwarda ħiliet u għarfien li għandhom ikunu koperti minn korpi ta’ valutazzjoni
|
1. |
L-eżami għal kull Kategorija imsemmija fl-Artikolu 4(2) għandu jkun fih dan li ġej:
|
|
2. |
L-eżami għandu jkopri kull wieħed mill-gruppi ta’ ħiliet u għarfien 1, 2, 3, 4, 5 u 10. |
|
3. |
L-eżami għandu jkopri talanqas wieħed mill-gruppi ta’ hiliet u għarfien 6, 7, 8 u 9. Il-kandidat ma għandux ikun jaf minn qabel l-eżami dwar liema wieħed minn dawn l-erba’ komponenti ser ikun eżaminat. |
|
4. |
Jekk ikun hemm kaxxa waħda biss fil-kolonni tal-kategorija li tikkorrispondi għal għadd ta’ kaxex (għadd ta’ ħiliet u għarfien) fil-kolonni tal-ħiliet u l-għarfien, dan ifisser li mhux neċessarjament il-ħiliet u l-għarfien kollha għandhom jiġu eżaminati matul l-eżami. |
|
|
KATEGORIJI |
||||
|
ĦILIET U GĦARFIEN |
I |
II |
III |
IV |
|
|
1 |
Termodinamika bażika |
||||
|
1.01 |
Jaf l-unitajiet standard ta’ kejl bażiċi ISO għal temperaura, pressjoni, massa, densità, enerġija |
T |
T |
— |
T |
|
1.02 |
Jifhem it-teorija bażika ta’ sistemi ta’ refriġerazzjoni: termodinamika bażika (terminoloġija prinċipali, parametri u proċessi bħal ‧Superheat‧, ‧High Side‧, Sħana ta’ Kompressjoni (‧Heat of Compression‧), ‧Enthalpy‧, Effett ta’ Refriġerazzjoni (‧Refrigeration Effect‧), ‧Low Side‧, Sottotkessih (‧Sub-cooling‧)), proprjetajiet u trasformazzjonijiet termodinamiċi ta’ refriġeranti inkluża l-identifikazzjoni ta’ taħlitiet zeotropiċiu u stati fluwidi. |
T |
T |
— |
— |
|
1.03 |
Juża t-tabelli u l-grafiċi rilevanti u jinterpretahom fil-kuntest ta’ verifikazzjoni ta’ tnixxija indiretta (inkluża verifikazzjoni ta’ sistema tajba ta’ operazzjoni): grafika log p/h, tabella ta’ saturazzjoni ta’ refriġerant, grafika ta’ ċiklu singolu ta’ refriġerazzjoni bil-kompressjoni. |
T |
T |
— |
— |
|
1.04 |
Jiddeskrivi l-funzjoni tal-komponenti bażiċi tas-sistema (kumpressur, evaporatur, kundensatur, valvoli ta’ espansjoni termostatika) u t-trasformazzjoni termodinamika tar-refriġerant. |
T |
T |
— |
— |
|
1.05 |
Jaf l-operazzjoni bażika tal-komponenti li ġejjin li jintużaw f’sistema ta’ refriġerazzjoni u r-rwol u l-importanza tagħhom għall-prevenzjoni u identifikazzjoni ta’ tnixxija ta’ refriġerant. (a) valvoli (volvoli ballun, dijaframmi, valvoli globu, valvoli ta’ rilaxx), (b) kontrolli ta’ temperatura u pressjoni, (ċ) ħġieġ ta’ spezzjoni ottika u indikaturi ta’ umdità, (d) kontrolli kontra l-iffriżar, (e) protetturi tas-sistema, (f) apparat ta’ kejl bħat-termometru manifold, (g) sistemi ta’ kontroll taż-żejt, (h) riċevituri, (i) separaturi ta’ likwidu u żejt |
— |
— |
— |
|
|
2 |
Impatt ambjentali ta’ refriġeranti u regolamenti ambjentali korrispondenti |
||||
|
2.01 |
Għandu tagħrif bażiku dwar it-tibdil fil-klima u l-Protokoll ta’ Kjoto. |
T |
T |
T |
T |
|
2.02 |
Għandu jkollu tagħrif bażiku tal-kunċett ta’ Potenzjal ta’ Tisħin Globali (GWP), l-użu ta’ gassijiet serra fluworinati u sustanzi oħra refriġeranti, l-impatt ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fluworinati fuq il-klima (ordni ta’ manjitudni tal-GWP tagħhom) u dispożizzjonijiet relattivi tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 u Regolamenti rilevanti li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. |
T |
T |
T |
T |
|
3 |
Verifiki qabel ma tinbeda operazzjoni, wara perjodu twil ta’ nuqqas ta’ użu, wara manutenzjoni jew xogħol ta’ tiswija, jew matul l-operazzjoni |
||||
|
3.01 |
Jagħmel test ta’ pressjoni sabiex jivverifika s-saħħa tas-sistema |
P |
P |
— |
— |
|
3.02 |
Jagħmel test ta’ pressjoni sabiex jivverifika kemm is-sistema hija tajba |
||||
|
3.03 |
Juża pompa li tneħħi l-arja |
||||
|
3.04 |
Jevakwa s-sistema sabiex ineħħi l-arja u l-umdità skond prattika standard |
||||
|
3.05 |
Jimla d-dejta fir-rendikonti tat-tagħmir u jimla rapport dwar test jew aktar u dwar il-verifiki li saru matul l-eżami |
T |
T |
— |
— |
|
4 |
Verifiki għal tnixxija |
||||
|
4.01 |
Kun af il-potenzjali ta’ punti ta’ tnixxija ta’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata u pompa tas-sħana |
T |
T |
— |
T |
|
4.02 |
Jivverifika t-tagħmir qabel ma jivverifika t-tnixxija u jidentifika l-informazzjoni rilevanti fuq kwalunkwe kwistjoni li tiġi ripetuta jew oqsma problematiċi li jitolbu attenzjoni speċjali |
T |
T |
— |
T |
|
4.03 |
Jagħmel spezzjoni viżiva u manwali tas-sistema kollha skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1516/2007 tad-19 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi skond Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rekwiżiti ta’ verifikazzjoni ta’ tnixxija standard għal tagħmir fiss ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata u pompi tas-sħana li fihom xi gassijiet serra fluworinati.1 (1) |
P |
P |
— |
P |
|
4.04 |
Jagħmel verifika għat-tnixxija fis-sistema billi juża metodu indirett skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1516/2007 u l-manwal ta’ struzzjoni tas-sistema |
P |
P |
— |
P |
|
4.05 |
Juża strumenti ta’ kejl li jinġarru bħal settijiet ta’ manometri, termometri u multimetri sabiex ikejjel Volt/Amp/Ohm fil-kuntest ta’ metodi indiretti għal verifiki ta’ tnixxija, u jinterpreta l-parametri mkejla. |
P |
P |
— |
P |
|
4.06 |
Jagħmel verifika għal tnixxija tas-sistema billi juża wieħed mill-metodi diretti msemmija fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1516/2007. |
P |
— |
— |
— |
|
4.07 |
Jagħmel verifika għal tnixxija tas-sistema billi jtuża wieħed mill-metodi diretti li ma jirrikjedix indħil fiċ-ċirkuwitu tar-refriġerazzjoni, li ssir referenza għalihom fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1516/2007. |
— |
P |
— |
P |
|
4.08 |
Juża apparat elettroniku li jkun jista’ jsib it-tnixxija |
P |
P |
— |
P |
|
4.09 |
Jimla d-dejta fir-rendikonti tat-tagħmir |
T |
T |
— |
T |
|
5 |
Maniġġjar tas-sistema u refriġerant b’mod kompatibbli ma’ l-ambjent matul l-istallazzjoni, manutenzjoni, servisjar jew irkupru |
||||
|
5.01 |
Jikkonnettja u jiskonnettja apparat ta’ kejl u linji bl-anqas emissjonijiet |
P |
P |
— |
— |
|
5.02 |
Ibattal u jimla ċilindru ta’ refriġerant fi stat kemm likwidu kif ukoll ta’ fwar |
P |
P |
P |
— |
|
5.03 |
Juża sett ta’ rkupru biex jirkupra refriġerant u jikkonnettja u jiskonnettja s-sett ta’ rkupru b’emissjonijiet minimi |
P |
P |
P |
— |
|
5.04 |
Ineħħi żejt ikkontaminat F-gas mis-sistema |
P |
P |
P |
— |
|
5.05 |
Jidentifika l-istat tar-refriġerant (likwidu, fwar) u l-kundizzjoni (subimkessaħ, saturat jew superimsaħħan) qabel ma jiġi kkargat, sabiex jtiżgura metodu tajjeb u volum ta’ l-ikkargar. Jimla s-sistema b’refriġerant (kemm fil-fażi likwida u dik ta’ fwar) mingħajr telf tar-refriġerant |
P |
P |
— |
— |
|
5.06 |
Juża l-miżien sabiex jiżen ir-refriġerant |
P |
P |
P |
— |
|
5.07 |
Jimla r-rendikont tat-tagħmir bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-refriġerant irkuprat jew miżjud |
T |
T |
— |
— |
|
5.08 |
Jaf ir-rekwiżiti u proċeduri għal maniġġar, ħażna u trasportazzjoni ta’ żjut u refriġeranti kontaminati |
T |
T |
T |
— |
|
6 |
Komponent: stallazzjoni, tqegħid fl-operazzjoni u manutenzjoni ta’ kumpressuri reċiprokanti, ‧screw and scroll‧, singoli jew b’żewġ stadji |
||||
|
6.01 |
Jispjega l-funzjonament bażiku ta’ kumpressur (inklużi kontrolli ta’ kapaċità u sistema ta’ lubrikazzjoni) u riskji ta’ tnixxija ta’ lubrikant jew emissjoni assoċjati ma’ l-istess. |
T |
T |
— |
— |
|
6.02 |
Jistalla kumpressur proprjament, inkluż tagħmir ta’ kontroll u sikurezza, sabiex ma jiġru l-ebda tnixxija jew emissjoni maġġuri ladarba s-sistema tibda taħdem |
P |
— |
— |
— |
|
6.03 |
Jirranġa is-swiċes ta’ sikurezza u kontroll |
P |
— |
— |
— |
|
6.04 |
Jirranġa l-valvoli ta’ ġbid u ħruġ |
||||
|
6.05 |
Jivverifika s-sistema ta’ ritorn taż-żejt |
||||
|
6.06 |
Jistartja u jitfi kumpressur u jivverifika l-kundizzjoni tajba tal-kumpressur, inkluż billi jieħu l-kejl matul it-tħaddim tal-kumpressur |
P |
— |
— |
— |
|
6.07 |
Jikteb rapport dwar il-kundizzjoni tal-kumpressur li jidentifika kwalunkwe problema fit-tħaddim tal-kumpressur li tista’ tagħmel dannu lis-sistema u eventwalment twassal għal tnixxija jew ħruġ ta’ refriġerant jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni |
T |
— |
— |
— |
|
7 |
Komponent: stallazzjoni, tqegħid f’operazzjoni u manutenzjoni ta’ kundensaturi ta’ arja mkessħa u ilma |
||||
|
7.01 |
Jispjega l-funzjonar bażiku ta’ kundensatur u riskji ta’ tnixxija assoċjati miegħu |
T |
T |
— |
— |
|
7.02 |
Jirranġa kontroll ta’ tneħħija ta’ pressjoni tal-kundensatur |
P |
— |
— |
— |
|
7.03 |
Jistalla kundensatur proprjament, inklużi tagħmir ta’ kontroll u sikurezza, sabiex ma jiġru l-ebda tnixxija jew emissjoni maġġuri ladarba s-sistema tibda taħdem |
P |
— |
— |
— |
|
7.04 |
Jirranġa is-swiċes ta’ sikurezza u kontroll |
P |
— |
— |
— |
|
7.05 |
Jivverifika l-linji ta’ ħruġ u tal-likwidu |
||||
|
7.06 |
Inaddaf gassijiet li ma jikkundensawx barra mill-kundensatur billi juża apparat ta’ tnaddif ta’ refriġerazzjoni |
P |
— |
— |
— |
|
7.07 |
Jistartja u jitfi l-kunsdensatur u jivverifika l-kundizzjoni tajba tal-kumpressur, inkluż billi jtieħu l-kejl matul it-tħaddim tal-kundensatur. |
P |
— |
— |
— |
|
7.08 |
Jivverifika l-wiċċ tal-kundensatur |
P |
— |
— |
— |
|
7.09 |
Jikteb rapport dwar il-kundizzjoni tal-kundensatur li jidentifika kwalunkwe problema fit-tħaddim tal-kundensatur li tista’ tagħmel dannu lis-sistema u eventwalment twassal għal tnixxija jew ħruġ ta’ refriġerant jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni |
T |
— |
— |
— |
|
8 |
Komponent: stallazzjoni, tqegħid f’operazzjoni u manutenzjoni ta’ tagħmir ta’ evaporazzjoni ta’ arja mkessħa u ilma |
||||
|
8.01 |
Jispjega l-funzjonar bażiku ta’ tagħmir ta’ evaporazzjoni (inkluża sistema ta’ kontra l-iffriżar) u riskji ta’ tnixxija assoċjati miegħu |
T |
T |
— |
— |
|
8.02 |
Jirranġa kontroll ta’ pressa ta’ evaporazzjoni tat-tagħmir ta’ evaporazzjoni |
P |
— |
— |
— |
|
8.03 |
Jistalla tagħmir ta’ evaporazzjoni inklużi tagħmir ta’ kontroll u sikurezza, sabiex ma jiġru l-ebda tnixxija jew emissjoni maġġuri ladarba s-sistema tibda taħdem |
P |
— |
— |
— |
|
8.04 |
Jirranġa is-swiċes ta’ sikurezza u kontroll |
P |
— |
— |
— |
|
8.05 |
Jivverifika li l-linji tal-pajpijiet tal-likwidu u ġbid qegħdin fil-pożizzjoni tajba |
||||
|
8.06 |
Jivverifika l-linja tal-pajp tal-gas sħun kontra l-friża |
||||
|
8.07 |
Jirranġa l-valvola ta’ regolament tal-pressjoni ta’ l-evaporazzjoni |
||||
|
8.08 |
Jistartja u jitfi t-tagħmir ta’ evaporazzjoni u jivverifika l-kundizzjoni tajba ta’ l-istess tagħmir, inkluż billi jieħu l-kejl matul it-tħaddim tiegħu. |
P |
— |
— |
— |
|
8.09 |
Jivverifika l-wiċċ tat-tagħmir ta’ evaporazzjoni |
P |
— |
— |
— |
|
8.10 |
Jikteb rapport dwar il-kundizzjoni tat-tagħmir ta’ evaporazzjoni li jidentifika kwalunkwe problema fit-tħaddim ta’ l-istess tagħmir li tista’ tagħmel dannu lis-sistema u eventwalment twassal għal tnixxija jew ħruġ ta’ refriġerant jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni |
T |
— |
— |
— |
|
9 |
Komponent: stallazzjoni, tqegħid f’operazzjoni u għoti ta’ service ta’ Valvoli ta’ Espansjoni Termostatiċi (TEV) u komponenti oħra |
||||
|
9.01 |
Jispjega t-tħaddim bażiku ta’ tipi differenti ta’ regolaturi ta’ espansjoni (valvoli ta’ espansjoni termostatiċi, tubi kapillari) u riskji ta’ tnixxija assoċjati ma’ l-istess |
T |
T |
— |
— |
|
9.02 |
Jistalla valvoli fil-pożizzjoni t-tajba |
P |
— |
— |
— |
|
9.03 |
Jirranġa TEV mekkanika/elettronika |
P |
— |
— |
— |
|
9.04 |
Jirranġa termostati mekkaniċi u elettroniċi |
||||
|
9.05 |
Jirranġa l-valvola ta’ regolament tal-pressa |
||||
|
9.06 |
Jirranġa limitaturi ta’ pressa elettroniċi u mekkaniċi |
||||
|
9.07 |
Jivverifika l-iffunzjonar ta’ separatur ta’ żejt |
P |
— |
— |
— |
|
9.08 |
Jivverifika l-kundizzjoni tal-filtru ta’ l-apparat ta’ tnixxif |
||||
|
9.09 |
Jikteb rapport dwar il-kundizzjoni ta’ dawn il-komponenti li jidentifika kwalunkwe problema fit-tħaddim ta’ l-istess li tista’ tagħmel dannu lis-sistema u eventwalment twassal għal tnixxija jew ħruġ ta’ refriġerant jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni |
T |
— |
— |
— |
|
10 |
Pajpijiet: kif tibni sistema ta’ pajpijiet tajba fi stallazzjoni ta’ rfriġerazzjoni |
||||
|
10.01 |
Jiwweldja, jibbrejżja u/jew jissaldja ġonot maħlulin ma’ tubi u pajpijiet tal-metall li jistgħu jintużaw f’refriġerazzjoni, arja kundizzjonata jew sistemi ta’ pompi tas-sħana |
P |
P |
— |
— |
|
10.02 |
Jagħmel/jivverifika l-pajp u appoġġi tal-komponenti |
P |
P |
— |
— |