18.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 75/64


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 246/2008

tas-17 ta' Marzu 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1043/2005 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq xi prodotti agrikoli esportati fil-forma ta’ prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I tat-Trattat, u l-kriterji biex jiġi ffissat l-ammont ta’ dawn ir-rifużjonijiet

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli (1), u partikolarment l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 8(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005 (2) jagħmel referenza fid-dettall għall-frekwenza ta' l-iffissar tar-rati ta' rifużjoni għall-prodotti bażiċi tar-Regolamenti msemmija fl-Artikolu 1(1) esportati fil-forma ta' prodotti mhux ta' l-Anness I.

(2)

Ir-rifużjonijiet jistgħu, skond ir-Regolamenti msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, jingħataw meta l-kondizzjonijiet interni u esterni tas-suq hekk jiġġustifikaw. Fejn il-qagħda tas-suq ma tiġġustifikax l-għoti ta' rifużjonijiet l-iffissar perjodiku jista' jiġi sospiż.

(3)

It-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 3448/93 jagħmel referenza għall-istess proċedura għall-għoti ta' rifużjonijiet fuq il-prodotti agrikoli kkonċernati meta jiġu esportati fl-istat mhux ipproċessat.

(4)

Għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni u armonizzazzjoni huwa xieraq li jiġi adattat l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005.

(5)

Ir-Reġolament (KE) Nru 1043/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għal kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw il-kummerċ ta' prodotti agrikoli pproċessati mhux elenkati fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 14

L-iffissar tar-rata ta' rifużjoni, kif stipulat fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1784/2003 u d-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu tar-Regolamenti l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, għandhom jitwettqu kull xahar għal kull 100 kg ta' prodotti bażiċi.

B'deroga mill-ewwel paragrafu:

(a)

għall-prodotti bażiċi elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, ir-rifużjoni tista' tiġi stabbilita skond skeda oħra ta' żmien iddeterminata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 3448/93;

(b)

ir-rata tar-rifużjoni fuq il-bajd tat-tjur fil-qoxra, frisk jew ippreżervat, u bajd mhux fil-qoxra u isfar tal-bajd, adattat għall-konsum mill-bniedem, frisk, imnixxef jew ippreżervat mod ieħor, mhux miżjud biz-zokkor, għandha tkun stabbilita għall-istess perjodu bħal dik għar-rifużjonijiet fuq dawk il-prodotti esportati mhux ipproċessati.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmula, fi Brussell, 17 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 318, 20.12.1993, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2580/2000 (ĠU L 298, 25.11.2000, p. 5).

(2)  ĠU L 172, 5.7.2005, p. 24. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1496/2007 (ĠU L 333, 19.12.2007, p. 3).