18.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 75/49


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 241/2008

tas-17 ta’ Marzu 2008

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea-Bissaw

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien ma’ l-Artikolu 300(2) u (3), l-ewwel paragrafu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Komunità nnegozjat mar-Repubblika tal-Ginea-Bissau Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd li jipprovdi lil bastimenti Komunitarji opportunitajiet ta’ sajd fl-ilmijiet li l-Ginea-Bissau għandha sovranità jew ġurisdizzjoni fuqhom f’dak li għandu x’jaqsam mas-sajd.

(2)

B’riżultat ta’ dawk in-negozjati ġie inizjalat Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd fit-23 ta’ Mejju 2007.

(3)

Huwa fl-interess tal-Komunità li tapprova dak il-Ftehim.

(4)

Huwa importanti li jiġi definit il-mod li bih jitqassmu l-opportunitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea-Bissaw (2) huwa approvat f’isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   L-opportunitajiet ta’ sajd stabbiliti bil-Protokoll għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)

is-sajd għall-gambli:

Spanja

1 421 GRT

L-Italja

1 776 GRT

Il-Greċja

137 GRT

Il-Portugall

1 066 GRT

(b)

is-sajd għall-ħut u ċ-ċefalopodi:

Spanja

3 143 GRT

L-Italja

786 GRT

Il-Greċja

471 GRT

(ċ)

bastimenti bit-tartarun u bastimenti bil-konz tal-wiċċ li jistadu għat-tonn

Spanja

10 bastimenti

Franza

9 bastimenti

Il-Portugall

4 bastimenti

(d)

bastimenti bil-qasab u x-xlief:

Spanja

10 bastimenti

Franza

4 bastimenti

2.   Jekk l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jeżawrixxux l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti mill-Protokoll għall-Ftehim, il-Kummissjoni tista’ tqis applikazzjonijiet għal liċenzji mingħand kwalunkwe Stat Membru ieħor.

Artikolu 3

L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu skond il-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta’ kull stokk maqbuda fiż-żona tas-sajd tal-Ginea-Bissaw f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 500/2001 ta’ l-14 ta’ Marzu 2001 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 dwar is-sorveljanza tal-qbid meħuda mid-dgħajjes tas-sajd tal-Komunità f’ibħra ta’ pajjiżi terzi u fl-ibħra miftuħa (3).

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex b’hekk tintrabat il-Komunità.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  Opinjoni mogħtija fil-11 ta’ Marzu 2008.

(2)   ĠU L 342, 27.12.2007, p. 5.

(3)   ĠU L 73, 15.3.2001, p. 8.