22.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 48/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 157/2008

tal-21 ta’ Frar 2008

li jiddetermina l-għajnuna msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 għall-ħażna privata tal-butir

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 41(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 105/2008 tal-5 ta’ Frar 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 dwar intervent fis-suq tal-butir (2) jistipula li l-ammont ta' għajnuna għall-ħażna privata msemmi fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 għandu jkun iffissat għal kull sena.

(2)

It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 jispeċifika li l-għajnuna għandha tiġi ffissata skond l-ispejjeż tal-ħażna u tax-xejra probabbli fil-prezzijiet tal-butir frisk u l-butir mill-ħażniet.

(3)

Rigward l-ispejjeż tal-ħażna, partikularment l-ispejjeż tad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti kkonċernati, għandhom jitqiesu l-ispejjeż għal kull jum ta' ħażna fil-kmamar tas-silġ u l-ispejjeż finanzjarji tal-ħażna.

(4)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 għandha tkun ikkalkolata għal kull tunnellata ta' butir għall-kuntratti konklużi fl-2008 fuq il-bażi ta' l-elementi li ġejjin:

EUR 15,62 għal spejjeż fissi tal-ħażna,

EUR 0,23 għall-ispejjeż ta' ħażna fil-kmamar tas-silġ għal kull jum ta' ħażna b'kuntratt,

ammont għal kull jum ta' ħażna b'kuntratt, maħdum fuq il-bażi ta' 90 % tal-prezz ta' l-intervent għall-butir fis-seħħ fil-jum li fih tibda l-ħażna b'kuntratt u fuq il-bażi ta' rata annwali ta' l-imgħax ta' 4.25 %.

2.   L-aġenzija ta’ intervent għandha tirreġistra d-data ta’ meta rċeviet l-applikazzjonijiet għall-iffirmar ta’ kuntratt kif imsemmi fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (KE) Nru 105/2008 kif ukoll bil-kwantitajiet korrispondenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn nofsinhar (ħin ta' Brussell) kull nhar ta' Tlieta bil-kwantitajiet koperti matul il-ġimgħa preċedenti b'dawk l-applikazzjonijiet.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Frar 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 160, 26.6.1999, p. 48. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1152/2007 (ĠU L 258, 4.10.2007, p. 3).

(2)   ĠU L 32, 6.2.2008, p. 3.