22.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 48/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 150/2008

tat-18 ta’ Frar 2008

li jemenda l-ambitu tal-miżuri ta’ anti-dumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 130/2006 fuq l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 130/2006 (2) (“ir-Regolament oriġinali”) il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu tartariku li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. (“RPĊ”).

2.   L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI

2.1.   Proċedura

(2)

Il-Kummissjoni rċiviet talba minn CU Chemie Uetikon GmbH (“l-applikant”), importatur mill-Ġermanja, għal reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-applikant allega li l-hekk imsejjaħ tip D-(-) huwa prodott distint minn tipi oħra ta’ aċidu tartariku, minħabba l-istruttura molekolari speċifika tiegħu, li min-naħa tagħha tiddetermina l-karatteristiċi kimiċi speċifiċi li ma jinsabux f’tipi oħra tal-prodott ikkonċernat u għalhekk ma għandhomx ikunu soġġetti għall-miżuri msemmija hawn fuq.

(3)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm evidenza suffiċjenti biex jingħata bidu għal reviżjoni parzjali interim, il-Kummissjoni, fis-17 ta’ Marzu 2007, bdiet investigazzjoni (3) skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-investigazzjoni kienet limitata fl-iskop għad-definizzjoni tal-prodott kopert mill-miżuri fis-seħħ.

(4)

Il-Kummissjoni uffiċjaliment avżat lill-importatur applikant, lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u lill-partijiet kollha magħrufa li huma kkonċernati, bil-ftuħ ta’ din ir-reviżjoni. Il-kwestjonarji ntbagħtu lill-produtturi, importaturi, utenti u produtturi esportaturi tal-Komunità li kkooperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri preżenti. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ ftuħ.

(5)

Waslu żewġ tweġibiet għall-kwestjonarju u parti waħda ngħatat seduta.

(6)

Il-Kummissjoni fettxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa bl-għan li tevalwa jekk l-ambitu tal-miżuri għandux jiġi emendat u wettqet investigazzjonijiet fil-postijiet tal-kumpaniji li ġejjin:

CU Chemie Uetikon GmbH, Lahr, il-Ġermanja

Longchem Corporation, Hangzhou, iċ-Ċina.

(7)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006.

2.2.   Prodott ikkonċernat

(8)

Il-prodott ikkonċernat, kif iddefinit fir-Regolament oriġinali, huwa l-aċidu tartariku li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li fil-preżent huwa kklassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM 2918 12 00. Il-prodott ikkonċernat jintuża fl-inbid, fl-addittivi fix-xorb u l-ikel, bħala ritardant fil-ġibs u f’għadd ta’ prodotti oħra. jista’ jinkiseb jew mill-prodotti sekondarji meta jsir l-inbid, kif inhu l-każ tal-produtturi kollha tal-Komunità, jew permezz ta’ sinteżi kimika mill-komposti petrokimiċi, kif inhu l-każ tal-produtturi esportaturi kollha tar-RPĊ.

2.3.   Riżultati

(9)

L-aċidu tartariku hija molekola “kirali”, jiġifieri teżisti f’konfigurazzjonijiet ġeometriċi differenti. It-tipi “L-(+)” u “D-(-)” (minn issa ‘l quddiem aċidu tartariku “L” u “D” rispettivament), bil-molekoli tagħhom li huma immaġni tal-mera ta’ xulxin, huma ta’ rilevanza partikolari. Għal dawn it-tipi ta’ aċidu tartariku ssir distinzjoni f’referenzi ta’ l-industrija li huma aċċettati fil-wisa’ bħas-Servizzi għall-Astratti Kimiċi (Chemical Abstract Services “CAS”) jew l-Inventarju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi Attwalment fil-Kummerċ (European Inventory of Existing Commercial Chemical Substances “EINECS”). Dawn jistgħu jingħażlu minn xulxin malajr permezz ta’ test li jkejjel ir-rotazzjoni tad-dawl polarizzat. Id-direzzjoni tar-rotazzjoni għall-aċidu tartariku “L” hija pożittiva filwaqt li dik għall-aċidu tartariku “D” hija negattiva.

(10)

L-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ ikkonċentrat fuq l-aċidu tartariku li jeżisti fin-natura. Instab li l-prodott immanifatturat u mibjugħ mill-produtturi Ċiniżi kellu l-istess karatteristiċi bażiċi bħall-prodott ta’ l-industrija tal-Komunità, u kien f’kompetizzjoni ma’ dan ta’ l-aħħar għal biċċa kbira mill-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

(11)

L-aċidu tartariku “D”, min-naħa l-oħra, ma jinstabx fin-natura u jista’ jinkiseb biss permezz ta’ sinteżi kimika. Dan it-tip ta’ aċidu tartariku mhux immanifatturat mill-industrija tal-Komunità u ma għandux l-għarfien ta’ addittiv ta’ l-ikel fil-Komunità. L-applikazzjonijiet magħrufa tiegħu huma fl-industrija farmaċewtika, fil-produzzjoni ta’ ċerti sustanzi awżiljari li huma stess jiġu użati biex jipproduċu l-ingredjenti attivi tal-mediċini. Kemm l-aċidu tartariku “L” kif ukoll “D” jistgħu jintużaw f’dan it-tip ta’ applikazzjonijiet farmaċewtiċi, skond il-karatteristiċi li jridu jinkisbu fil-prodott aħħari. Madankollu, it-tipi “D” u “L” ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin fi ħdan xi applikazzjoni waħda. Dawn il-konklużjonijiet kienu kkonfermati bil-fatt li l-applikant, kumpanija li tipproduċi sustanzi awżiljari għall-industrija farmaċewtika, xtrat u użat kemm l-aċidu tartariku “L” kif ukoll “D” fil-manifattura tal-prodotti tagħha, minflok ma wżat tip wieħed biss (li jiswa anqas) ta’ aċidu tartariku.

(12)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-prezz ta’ l-aċidu tartariku “D” huwa minn 4 sa 5 darbiet ogħla minn dak ta’ tipi oħra ta’ aċidu tartariku, u dan huwa riżultat ta’ proċess ta’ produzzjoni differenti użat fil-manifattura tiegħu. Il-prezz ogħla jillimita s-suq ta’ l-aċidu tartariku “D” għal applikazzjonijiet kif imsemmija hawn fuq, fejn tipi oħra orħos ta’ aċidu tartariku ma jistgħux jintużaw. Bħala riżultat ta’ dawn id-differenzi fl-applikazzjoni u l-ispejjeż, id-daqs tas-suq għall-aċidu tartariku “D” huwa stmat li huwa anqas minn 1 % tas-suq ġenerali ta’ l-aċidu tartariku.

(13)

Fil-qosor, l-investigazzjoni wriet li l-aċidu tartariku “D” għandu sostanzjalment karatteristiċi fiżiċi u kimiċi differenti minn dawk ta’ l-aċidu tartariku “L” li huwa prodott mill-industrija tal-Komunità, u dan ifisser li ż-żewġ tipi mhumiex interskambjabbli u ma jikkompetux ma’ xulxin fis-suq tal-Komunità. Minħabba dawn id-differenzi bejn l-aċidu tartariku “D” u l-prodott investigat, il-konklużjoni hija li l-aċidu tartariku “D” ma għandux ikun kopert mill-ambitu tal-prodott tal-miżuri.

(14)

Il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq kienu bbażati fuq il-karatteristiċi ta’ l-aċidu tartariku “D” u għalhekk ma japplikawx għal xi taħlitiet ta’ aċidu tartariku “D” ma’ prodotti oħrajn.

(15)

Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq.

(16)

L-industrija tal-Komunità, filwaqt li ma merietx il-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni, esprimiet it-tħassib tagħha li l-eżenzjoni ta’ tip wieħed ta’ prodott tista’ tiffaċilita l-iskansar tal-miżuri.

(17)

Qed jitqies, iżda, li minħabba d-differenza fil-prezzijiet u l-kwantitajiet involuti, l-iskansar jista’ jinqabad malajr permezz tad-data ta’ l-istatistika. Barra minn hekk, l-aċidu tartariku “D” jingħaraf malajr minn tipi oħra permezz ta’ test ottiku kif imsemmi hawn fuq.

(18)

Il-Kummissjoni se tissorvelja d-data ta’ l-importazzjoni ta’ l-aċidu tartariku “D” u t-tipi l-oħra li huma soġġetti għal miżuri. Jekk il-kwantitajiet u/jew prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku “D” f’xi Stat Membru jkunu ‘l bogħod mill-bixra normali, il-Kummissjoni se tavża minnufih l-awtoritajiet tad-dwana rilevanti.

3.   APPLIKAZZJONI RETROATTIVA

(19)

Bis-saħħa ta’ dan ta’ hawn fuq, jitqies xieraq li jiġi emendat ir-Regolament oriġinali biex tiġi ċċarata d-definizzjoni tal-prodott u biex jiġi eskluż l-aċidu tartariku “D” mill-miżuri.

(20)

Billi din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni hija limitata għall-kjarifika ta’ l-ambitu tal-prodott u billi ma kienx maħsub li dan it-tip ta’ prodott jiġi kopert bil-miżuri oriġinali, biex ma titħallhiex issir ħsara konsegwenti lill-importaturi tal-prodott, jitqies xieraq li l-konklużjonijiet jibdew japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament oriġinali, inklużi kull importazzjoni soġġetta għal dazji proviżorji bejn it-30 ta’ Lulju 2005 u t-28 ta’ Jannar 2006. Barra minn hekk, b’mod partikolari fid-dawl tad-dħul fis-seħħ relattivament reċenti tar-Regolament oriġinali u tan-numru limitat mistenni ta’ talbiet għal rimborż, ma hemmx raġuni ta’ aktar importanza biex tiġi prevista applikazzjoni retroattiva ta’ din ix-xorta.

(21)

Konsegwentement, għal prodotti li mhumiex koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 130/2006 kif emendat b’dan ir-Regolament, id-dazji definittivi anti-dumping imħallsa jew imdaħħlin fil-kontijiet skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 130/2006 fil-verżjoni inizjali tiegħu għandhom jiġu rimborżati jew jintbagħtu lura.

(22)

Ir-rimborż jew ir-remissjoni għandha tiġi rikjesta mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skond il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(23)

Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data minn meta jiskadi r-Regolament (KE) Nru 130/2006 skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 130/2006 huwa b’dan mibdul b’li ġej:

“1.   Dazju definittiv ta’ anti-dumping huwa impost b’dan fuq importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku, eskluż l-aċidu tartariku D-(-)- b’rotazzjoni ottika negattiva ta’ mill-anqas 12.0 gradi, imkejla f’soluzzjoni ta’ ilma skond il-metodu deskritt fil-Farmakopoeia Ewropea, li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM ex 2918 12 00 (kodiċi TARIC 2918120090), u li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.”

Artikolu 2

Għall-prodotti mhux koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 130/2006 kif emendat b’dan ir-Regolament, id-dazji definittivi ta’ anti-dumping imħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru130/2006 fil-verżjoni inizjali tiegħu għandhom jitħallsu lura jew jiġu ngassati, skond l-Artikolu 236 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (4) Il-ħlas lura jew l-ingassar għandu jintalab mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skond il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada ta’ meta ssir il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-28 ta’ Jannar 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 23, 27.1.2006, p. 1.

(3)  ĠU C 63, 17.3.2007, p. 2.

(4)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).