15.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 41/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 132/2008

ta’ l-14 ta’ Frar 2008

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 745/2004 li jistabbilixxi miżuri fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw minn annimali għall-konsum personali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 8(5) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997, li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 3(5), 16(3) u 17(7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (3), u b’ mod partikolari l-Artikolu 6(3) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 745/2004 (4) jistipula miżuri marbuta ma’ l-importazzjoni tal-laħam u prodotti tal-laħam u tal-ħalib u ta’ prodotti tal-ħalib għall-konsum personali. Dawk il-prodotti huma definiti b'referenza għal xi prodotti mniżżla fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/349/KE tas-26 ta’ April 2002 li tistabbilixxi l-lista ta’ prodotti li għandhom jiġu eżaminati fil-kmamar ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera skond id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (5).

(2)

Wara r-revoka tad-Deċiżjoni 2002/349/KE mis-17 ta’ Mejju 2007 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 rigward il-listi ta’ annimali u prodotti li se jibdew ikunu suġġetti għall-kontroll f'postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (6) u sabiex tiġi assigurata l-kjarezza, il-koerenza u t-trasparenza, huwa neċessarju li fir-Regolament (KE) Nru 745/2004 ikun hemm lista tal-prodotti li jaqgħu fil-firxa tagħha.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 745/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 745/2004 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘laħam u prodotti tal-laħam’ u ‘ħalib u prodotti tal-ħalib’ huma l-prodotti mniżżla fl-Anness V”.

(2)

It-test fl-Anness għal dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness V.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Frar 2008.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

(3)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(4)  ĠU L 122, 26.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 121, 8.5.2002, p. 6.

(6)  ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9.


ANNESS

“ANNESS V

Laħam u prodotti tal-laħam u ħalib u prodotti tal-ħalib imsemmija f'Artikolu 1(1)

kodiċi NM

Deskrizzjoni

Kwalifika u spjega

Ex Kapitolu 2

(0201 -0210 )

Laħam u ġewwieni li jittiekel.

Jeskludi s-saqajn taż-żrinġijiet

(kodiċi NM 0208 90 70 )

0401 -0406

Prodotti tal-ħalib

Kollha

0504 00 00

Imsaren, bżieżeq ta' l-urina u stonkijiet ta' l-annimali (għajr tal-ħut), sħaħ u biċċiet minnhom, friski, imkessħa, iffriżati, immellħa, fis-salmura, imqadda jew iffumigati.

Kollha

1501 00

Xaħam tal-ħnieżer (inkluż il-lardu) u xaħam tat-tjur, barra minn dak ta' l-intestatura 0209 jew 1503 .

Kollha

1502 00

Xaħmijiet ta’ annimali bovini, nagħaġ jew mogħoż, barra minn dawk ta’ l-intestatura 1503 .

Kollha

1503 00

Xaħam stearina, żejt tax-xaħam, oleostearin, żejt oleo, żejt tax-xaħam ta' dam, li mhux emulsifikat jew imħallat jew imħejji b'xi mod ieħor.

Kollha

1506 00 00

Xaħmijiet u żjut oħra mill-annimali u l-frazzjonijiet tagħhom, irfinuti jew le, iżda mhux immodifikati kimikament:

Kollha

1601 00

Zalzett u prodotti simili, ta' laħam, fdal tal-laħam jew demm; preparazzjonijiet ta' l-ikel ibbażati fuq dawn il-prodotti.

Kollha

1602

Laħam ieħor, fdalijiet oħra tal-laħam jew demm ippreparati jew ippreservati.

Kollha

1702 11 00

1702 19 00

Lattosju u ġulepp tal-lattosju.

Kollha

ex 1901

Estratt tax-xgħir; preparazzjonijiet ta’ l-ikel minn dqiq, xgħir u barli mitħun oħxon, trab tal-qamħ, lamtu jew estratt tax-xgħir, mingħajr kawkaw jew li fih anqas minn 40 % bħala piż ta’ kawkaw ikkalkolat kompletament bla xaħam, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra; preparazzjonijiet ta’ l-ikel minn prodotti ta’ l-intestaturi 0401 sa 0404 , mingħajr kawkaw jew li fihom anqas minn 5 % bħala piż ta’ kawkaw ikkalkolat kompletament bla xaħam, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-ħalib.

ex 1902

Għaġin, imsajjar jew mhux, u mimli jew mhux (bil-laħam jew xi sustanzi oħra) jew ippreparat mod ieħor, bħal spagetti, imqarrun, taljarini, lażanja, injokki, ravjul, kannelloni; couscous, sew jekk ippreparat jew le.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam.

ex 2004

Ħxejjex oħrajn ippreparati jew ippreservati mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċtu aċetiku, iffriżati, ħlief prodotti taħt l-intestatura 2006 .

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam.

ex 2005

Ħxejjex oħra ppreparati jew ippreservati b'mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċtu aċetiku, mhux iffriżati, ħlief għall-prodotti taħt l-intestatura 2006 :

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam.

ex 2103

Zlazi u preparazzjonijiet għal dan l-iskop; kondimenti mħallta u taħwir imħallat; dqiq u trab mitħun tal-mustarda u mustarda ppreparata.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 2104

Sopop u brodi u preparazzjonijiet għalihom; preparazzjonijiet omoġenizzati ta' ikel kompost.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 2105 00

Ġelat u silġ ieħor li jittiekel, sew jekk ikun fih il-kawkaw jew le.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-ħalib.

ex 2106

Preparazzjonijiet ta’ l-ikel mhux speċifikati jew inklużi band’oħra

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 2309

Preparazzjonijiet ta’ tip li jintuża għall-għalf ta’ l-annimali.

Ikel tal-pets, ikel li jomgħod il-kelb, u ikliet imħallta biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

Noti:

Kolonna 1

:

Fejn hu l-każ li huma biss ċerti prodotti taħt kwalunkwe kodiċi li hemm bżonn jiġu eżaminati taħt sorveljanza veterinarja, u ma teżisti ebda subdiviżjoni speċifika taħt dan il-kodiċi fin-nomenklatura ta' l-oġġetti, il-kodiċi hu mmarkat ‘Ex’ (per eżempju Ex19 01 : dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-ħalib iridu jiġu inklużi).

Kolonna 2

:

Id-deskrizzjoni ta' l-oġġetti hi dik kif imniżżla fil-kolonna ta' deskrizzjoni ta' l-Anness 1 tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87. Għal aktar spjegazzjoni ta' xi tkopri eżatt it-Tariffa Komuni tad-Dwana, jekk jogħġbok irreferi għall-aktar emenda riċenti ta' dak l-Anness.

Kolonna 3

:

Din il-kolonna tagħti d-dettalji tal-prodotti koperti.”