26.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 23/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 67/2008

tal-25 ta’ Jannar 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3199/93 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ proċeduri għall-iżnaturar komplet ta’ l-alkoħol għall-iskopijiet ta'eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(4) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3199/93 (2) jipprevedi li l-iżnaturanti li huma użati f'kull Stat Membru bl-għanijiet li l-alkoħol jiġi żnaturat kompletament skond l-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/83/KEE jridu jiġu deskritti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Skond l-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/83/KEE, l-Istati Membri huma meħtieġa li jeżentaw mit-taxxa tas-sisa l-alkoħol li jkun ġie żnaturat kompletament skond ir-rekwiżiti ta' kwalunkwe Stat Membru, sakemm dawn ir-rekwiżiti jkunu ġew debitament innotifikati u aċċettati skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 u 4 ta' dak l-Artikolu.

(3)

Il-Bulgarija u r-Rumanija għarrfu liema żnaturanti fi ħsiebhom jużaw.

(4)

Fil-każ tal-Bulgarija, il-Kummissjoni għaddiet dan it-tagħrif lill-Istati Membri l-oħra fl-1 ta’ Jannar 2007, u fil-każ tar-Rumanija fid-9 ta’ Jannar 2007.

(5)

Waslu xi oġġezzjonijiet dwar ir-rekwiżiti nnotifikati. Għaldaqstant, ġiet segwita kif suppost il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 92/83/KEE u r-rekwiżiti komunikati mill-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jiddaħħlu fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 3199/93.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 3199/93 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tat-Taxxi tas-Sisa,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 3199/93 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Jannar 2008.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2005.

(2)  ĠU L 288, 23.11.1993, p. 12. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2023/2005 (ĠU L 326, 13.12.2005, p. 8).


ANNESS

Ma' l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 3199/93, jiżdiedu dawn il-paragrafi li ġejjin:

“Bulgarija

Għall-iżnaturar komplet ta’ l-alkoħol ethyl, il-kwantitajiet indikati ta’ dawn is-sustanzi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda ma’ 100 litru ta’ alkoħol ethyl b’kontenut effettiv minimu ta’ 90 % alkoħol f’termini ta’ volum:

5 litri ta' methylethylketone;

2 litri ta' alkoħol isopropyl;

0,2 grammi methylene blue.

Rumanija

Għal kull ettolitru ta' alkoħol pur:

1 gramma ta' denatonium benzoate,

2 litri ta' methylehtylketone (butanone), u

0,2 grammi methylene blue.”