11.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 8/2


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 15/2008

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2100/94 fir-rigward tal-jedd ta’ reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal dritt ta’ varjetà ta’ pjanti fil-Komunità

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar id-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (1) joħloq sistema Komunitarja għall-varjetajiet tal-pjanti li tippermetti l-għoti ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (CPVR), validi fil-Komunità kollha.

(2)

Fl-interess tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ huwa kunsiljabbli li s-CPVR ikunu aċċessibbli faċilment. Għalhekk, il-kondizzjonijiet għall-jedd ta’ reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għas-CPVR għandhom jiġu simplifikati u għandha tiġi introdotta sistema ta’ applikazzjoni waħda għall-applikanti kollha.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2100/94 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2100/94 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 12 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Il-jedd ta’ reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal dritt tal-varjetà ta’ pjanti fil-Komunità

Kull persuna fiżika jew ġuridika, jew kull korp li jikkwalifika bħala persuna ġuridika skond il-liġi applikabbli għal dak il-korp, jistgħu jirreġistraw applikazzjoni għad-dritt ta’ varjetà ta’ pjanti fil-Komunità.

Applikazzjoni tista’ ssir konġuntement minn żewġ persuni bħal dawn jew aktar.”;

(2)

fl-Artikolu 41(2) il-kliem “12(1)(b),” għandhom jitħassru;

(3)

l-Artikolu 52(4) għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“4.   Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll fir-rigward ta’ applikazzonijiet preċedenti li kienu reġistrati fi Stat ieħor.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)   ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 873/2004 (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 38).