|
11.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 8/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 14/2008
tas-17 ta’ Diċembru 2007
li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 386/90 dwar is-sorveljanza mwettqa fil-waqt ta’ l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli li jirċievu rifużjonijiet jew ammonti oħra
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 386/90 (1), għadd ta’ Stati Membri organizzaw mill-ġdid is-servizzi doganali tagħhom u dan wassal għal tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ uffiċċji doganali. L-introduzzjoni tal-proċeduri ta’ l-esportazzjoni tad-dwana pproċessati b’mod elettroniku b’kontroll iċċentralizzat naqqset ir-rilevanza ta’ l-uffiċċju doganali ta’ l-esportazzjoni bħala l-bażi għall-applikazzjoni tar-rati ta’ l-iċċekkjar. |
|
(2) |
Barra minn hekk, l-użu tat-tekniki ta’ l-immaniġġar tar-riskju inkluż l-analiżi tar-riskju, għandu jwassal għal tixrid tal-kontrolli fiżiċi fost l-esportaturi kollha. Madankollu, l-allokazzjoni effiċjenti tal-kontrolli għas-setturi u l-esportaturi kollha fejn għandhom ikunu ta’ prijorità, qed tkun imfixkla mir-rekwiżit li jiġu allokati rati minimi ta’ kontrolli fuq il-livell ta’ l-uffiċċju doganali ta’ l-esportazzjoni. Għalhekk, fl-interess ta’ l-effiċjenza u s-sempliċità u skond il-prinċipju ta’ l-immaniġġar komuni, dawk l-Istati Membri li japplikaw l-analiżi tar-riskju f’konformità mal-liġi Komunitarja għandu jkollhom l-opportunità li japplikaw ir-rata minima ta’ kontroll fuq livell nazzjonali, iktar milli fuq livell ta’ l-uffiċċju doganali ta’ l-esportazzjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 386/90 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3(2), tar-Regolament (KEE) Nru 386/90 għandu jiżdied subparagrafu li ġej:
“Jekk Stat Membru japplika t-tieni paragrafu, jista’ jagħżel ukoll li jissostitwixxi r-rata ta’ 5 % għal kull uffiċċju doganali b’rata ta’ 5 % għat-territorju kollu tiegħu. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni qabel japplika jew ma jkomplix japplika dan il-paragrafu.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SILVA
(1) ĠU L 42, 16.2.1990, p. 6. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 163/94 (ĠU L 24, 29.1.1994, p. 2).