5.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 3/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 3/2008

tas-17 ta’ Diċembru 2007

dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 2826/2000 (1) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2701/1999 (2), il-Komunità tista’ twettaq azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni fis-suq intern u fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, għal ċertu numru ta’ prodotti agrikoli. Ir-riżultati sa issa kienu inkoraġġanti ħafna.

(2)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba, il-prospettivi ta’ l-iżvilupp tas-swieq sew ġewwa kif ukoll barra l-Komunità, kif ukoll tal-kuntest tal-kummerċ internazzjonali, huwa f’loku li tiġi żviluppata politika globali u koerenti ta’ l-informazzjoni u l-promozzjoni dwar il-prodotti agrikoli u l-modi ta’ produzzjoni tagħhom flimkien mal-prodotti ta’ l-ikel ibbażati fuq il-prodotti agrikoli, fis-suq intern u fis-swieq ta’ pajjiż terzi, madankollu, mingħajr ma tħajjar għall-konsum ta’ prodott abbażi ta’ l-oriġini partikolari tiegħu.

(3)

Għal finijiet ta’ ċarezza, jeħtieġ li jitħassru r-Regolamenti (KE) Nru 2702/1999 u (KE) Nru 2826/2000, u li jinbidlu b’Regolament wieħed, filwaqt li jinżammu l-ispeċifiċitajiet ta’ l-azzjonijiet skond fejn isiru.

(4)

Din il-politika tissupplimenta u ssaħħaħ b’mod siewi l-azzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri, partikolarment billi ġġib ‘il quddiem l-immaġni ta’ dawn il-prodotti fost il-konsumaturi fil-Komunità u fil-pajjiżi terzi, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kwalità, l-aspetti nutrittivi u dawk tas-sikurezza ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u tal-modi ta’ produzzjoni. Attività bħal din, billi tgħin ħalli jinfetħu swieq ġodda f’pajjiżi terzi, x’aktarx ukoll li jkollha effett moltiplikattiv fuq l-inizjattivi nazzjonali u privati.

(5)

Jeħtieġ li jiġu definiti l-kriterji ta’ l-għażla tas-setturi u l-prodotti kkonċernati, kif ukoll it-temi u s-swieq li se jaħdmu fuqhom il-programmi Komunitarji.

(6)

Jeħtieġ li l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fil-pajjiżi terzi jirrigwardaw sew il-prodotti li jibbenefikaw minn rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni kif ukoll oħrajn li ma jibbenefikawx minnhom.

(7)

It-twettiq ta’ l-azzjonijiet jeħtieġ li jkun żgurat fil-qafas ta’ programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni. Jeħtieġ li, f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet li jridu jsiru fis-suq intern u biex jiġu żgurati l-koerenza u l-effikaċità tal-programmi, jiġu stabbiliti l-linji gwida li, għal kull prodott jew settur ikkonċernat, jiddefinixxu l-orjentamenti ġenerali rigward il-fatturi essenzjali tal-programmi komunitarji kkonċernati.

(8)

Fid-dawl tal-karattru tekniku tal-ħidmiet li jridu jsiru, jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tkun assistita minn kumitat ta’ esperti fil-komunikazzjoni jew tirrikorri għal assistenti tekniċi.

(9)

Jeħtieġ li jiġu definiti l-kriterji tal-finanzjament ta’ l-azzjonijiet. B’regola ġenerali, huwa f’loku li l-Komunità tassumi biss parti mill-ispejjeż ta’ l-azzjonijiet, sabiex tirresponsabilizza sew lill-organizzazzjonijiet li jkunu qed jipproponuhom kif ukoll lill-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, f’xi każijiet eċċezzjonali, jista’ jkun f’loku li l-Istat Membru kkonċernat ma jiġix obbligat jieħu sehem finanzjarju. F’dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar is-sistemi Komunitarji dwar l-oriġini, il-produzzjoni organika u t-tikkettar, kif ukoll is-simboli grafiċi li dwarhom jipprovdu r-regolamenti dwar l-agrikoltura, partikolarment għar-reġjuni l-aktar periferiċi, jista’ jkun iġġustifikat finanzjament bi sħab bejn il-Komunità u l-Istati Membri, minħabba l-ħtieġa ta’ tagħrif adegwat dwar dawn il-miżuri li huma relattivament riċenti.

(10)

Huwa f’loku li jiġi pprovdut li t-twettiq ta’ l-azzjonijiet jiġi fdat, bi proċeduri adegwati, f’idejn organizzazzjonijiet li jkollhom l-istruttura u l-kompetenzi meħtieġa, sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet magħżula jagħtu l-aħjar riżultat għan-nefqa.

(11)

Minħabba l-esperjenza miksuba u r-riżultati milħuqa mill-Kunsill Internazzjonali taż-żejt taż-żebbuġa, huwa f’loku, madankollu, li jiġi pprovdut li l-Komunità tkun tista’ tkompli tafda f’idejh it-twettiq ta’ azzjonijiet fil-qasam tal-kompetenza tiegħu. Jeħtieġ ukoll li tkun tista’ tirrikorri għall-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali simili li hemm għal prodotti oħra.

(12)

Bil-għan li jkun hemm verifika sew tat-twettiq tajjeb tal-programmi kif ukoll ta’ l-impatt ta’ l-azzjonijiet, jeħtieġ li jkun ipprovdut monitoraġġ effikaċi min-naħa ta’ l-Istati Membri, kif ukoll valutazzjoni tar-riżultati min-naħa ta’ organizzazzjoni indipendenti.

(13)

Jeħtieġ li l-infiq relatat mal-finanzjament ta’ l-azzjonijiet li dwarhom jipprovdi dan ir-Regolament jiġi ttrattat, skond il-każ, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (3).

(14)

Jeħtieġ li jiġu deċiżi l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament preżenti, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.   L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni tal-prodotti agrikoli u tal-mod ta’ produzzjoni tagħhom kif ukoll tal-prodotti ta’ l-ikel ibbażati fuq prodotti agrikoli, li jsiru fis-suq intern jew fil-pajjiżi terzi u li jissemmew fl-Artikolu 2, fil-kundizzjonijiet ipprovduti f’dan ir-Regolament, jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Komunità, għal kollox jew parzjalment.

Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu implimentati fil-qafas ta’ programm ta’ informazzjoni u promozzjoni.

2.   L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 la għandhom ikunu orjentati skond marki kummerċjali u lanqas iħajru għall-konsum ta’ prodott skond l-oriġini partikolari tiegħu. L-oriġini ta’ prodott li jkun is-suġġett ta’ azzjoni madankollu jista’ jiġi indikat, meta din id-deżinjazzjoni tkun qiegħda ssir skond ir-regoli tal-Komunità.

Artikolu 2

Azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni

1.   L-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) huma dawn li ġejjin:

(a)

Azzjonijiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi, ta’ promozzjoni pubbliċitarja, partikolarment bil-għan li jenfasizzaw il-karatteristiċi intrinsiċi u l-vantaġġi tal-prodotti Komunitarji, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-kwalità, is-sikurezza ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, il-metodi tal-produzzjoni speċifiċi, l-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, it-tikkettar, il-benessri ta’ l-annimali u r-rispett ta’ l-ambjent.

(b)

Kampanji ta’ informazzjoni, partikolarment dwar is-sistemi Komunitarji rigward id-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini protetti (DOP), l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IOP), l-ispeċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti (STG) u l-produzzjoni organika, kif ukoll rigward sistemi oħra tal-Komunità li jikkonċernaw l-istandards tal-kwalità u t-tikkettar tal-prodotti agrikoli u ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u dwar is-simboli grafiċi pprovduti bil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Komunità;

(ċ)

Azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar is-sistema Komunitarja ta’ l-inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifikati (n.k.p.r.s.), inbejjed b’indikazzjoni ġeografika u xarbiet alkoħoliċi b’indikazzjoni ġeografika jew indikazzjoni tradizzjonali riservata;

(d)

Studji ta’ valutazzjoni tar-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni.

2.   Fis-suq intern, l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) jistgħu jieħdu s-sura ta’ parteċipazzjoni f’wirjiet, fieri u espożizzjonijiet ta’ importanza nazzjonali jew Ewropea, partikolarment bil-ħolqien ta’ posti maħsuba biex jivvalorizzaw l-immaġni tal-prodotti Komunitarji.

3.   Fil-pajjjiżi terzi, l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) jistgħu wkoll jieħdu s-suriet li ġejjin:

(a)

azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar is-sistema Komunitarja ta’ l-inbejjed tal-mejda;

(b)

parteċipazzjoni f’wirjiet, fieri u espożizzjonijiet ta’ importanza internazzjonali, partikolarment bil-ħolqien ta’ posti maħsuba biex jivvalorizzaw l-immaġni tal-prodotti Komunitarji;

(ċ)

studji ta’ swieq ġodda, meħtieġa għat-tkabbir tas-swieq;

(d)

missjonijiet kummerċjali ta’ livell għoli.

Artikolu 3

Is-setturi u l-prodotti kkonċernati

1.   Is-setturi u l-prodotti li jistgħu jiġu koperti bl-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) fis-suq intern għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-opportunità tal-valorizzazzjoni tal-kwalità, tal-karattru tipiku, tal-metodi speċifiċi ta’ produzzjoni, ta’ l-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tas-sikurezza alimentari, tal-benessri ta’ l-annimali jew tar-rispett ta’ l-ambjent tal-prodotti kkonċernati, permezz ta’ kampanji tematiċi jew indirizzati lejn pubbliku partikolari ta’ mira;

(b)

il-prattika ta’ sistema ta’ tikkettar li tgħarraf lill-konsumaturi, u ta’ sistemi għat-traċċabbiltà u l-kontroll tal-prodotti;

(ċ)

il-ħtieġa li jiġu affrontati problemi speċifiċi jew ekonomiċi f’settur partikolari;

(d)

l-opportunità li jingħata tagħrif dwar is-sinifikat tas-sistemi Komunitarji rigward id-DOP/IĠP, l-STG u l-prodotti organiċi;

(e)

l-opportunità li jingħata tagħrif dwar is-sinifikat tas-sistema Komunitarja rigward l-n.k.p.r.s., inbejjed b’indikazzjoni ġeografika u xarbiet alkoħoliċi b’indikazzjoni ġeografika jew indikazzjoni tradizzjonali riservata.

2.   Għandhom ikunu eliġibbli għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), li jsiru f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-prodotti li ġejjin:

(a)

prodotti maħsuba għall-konsum dirett jew għall-ipproċessar, li għalihom hemm opportunitajiet ta’ esportazzjoni jew possibbiltajiet ta’ swieq ġodda fil-pajjiżi terzi, partikolarment mingħajr l-għoti ta’ rifużjonijiet;

(b)

prodotti tipiċi jew ta’ kwalità b’valur miżjud qawwi.

Artikolu 4

Il-listi ta’ temi, prodotti u pajjiżi li jistgħu jkunu s-suġġetti ta’ azzjonijiet

Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), l-elenki ta’ temi u prodotti msemmija fl-Artikolu 3, kif ukoll tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Dawn l-elenki għandhom jiġu rriveduti kull sentejn. Madankollu, fejn meħtieġ, dawn l-elenki jistgħu jiġu emendati fl-intervall, bl-istess proċedura.

Meta jkunu qed jintgħażlu l-pajjiżi terzi, għandhom jitqiesu s-swieq tal-pajjiżi terzi li fihom hemm domanda reali jew potenzjali.

Artikolu 5

Linji gwida

1.   Għall-promozzjoni fis-suq intern, għal kull settur jew prodott magħżul, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), il-linji ta’ gwida li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ l-istrateġija li għandha tiġi segwita għall-proposti ta’ programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni.

Dawn il-linji ta’ gwida għandhom jagħtu indikazzjonijiet ġenerali, b’mod partikolari dwar:

(a)

l-għanijiet u l-miri li għandhom jintlaħqu;

(b)

l-indikazzjoni ta’ temi jew temi li għandhom ikunu s-suġġett ta’ l-azzjonijiet magħżula;

(ċ)

it-tipi ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu;

(d)

it-tul taż-żmien ta’ dawn il-programmi;

(e)

skond is-swieq u t-tipi ta’ l-azzjonijiet previsti, it-tqassim indikattiv tas-somma disponibbli għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità fit-twettiq tal-programmi.

F’ dak li għandu x’ jaqsam mal-promozzjoni tal-frott u l-ħxejjex friski, tingħata attenzjoni partikolari għall-azzjonijiet ta’ promozzjoni indirizzati lit-tfal fl-istabbilimenti tat-tagħlim.

2.   Għall-promozzjoni fil-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), linji ta’ gwida li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ l-istrateġija li għandha tiġi segwita għall-proposti ta’ programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni, għall-prodotti kollha msemmija fl-Artikolu 3(2) jew għal uħud minnhom.

Artikolu 6

L-organizzazzjonijiet inkarigati bit-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni

1.   Għat-twettiq ta’ l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (c), il-paragrafu 2, u l-paragrafu 3(a), (b) u (c), f’konformità mal-linji ta’ gwida msemmija fl-Artikolu 5(1), u b’riserva tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu preżenti, l-organizzazzjoni(jiet) professjonali jew interprofessjonali rappreżentattiva/i tas-settur(i) kkonċernat(i) fi Stat Membru jew għadd ta’ Stati Membri, jew fuq il-livell Komunitarju, għandha/hom tistabbilixxi/jistabbilixxu proposti għal programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni ta’ tul massimu ta’ tliet snin.

2.   Meta l-azzjonijiet ta’ promozzjoni f’pajjiżi terzi jiġu deċiżi fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, il-Komunità tista’ twettaqhom permezz tal-Kunsill Internazzjonali għaż-żejt taż-żebbuġa.

Għas-setturi l-oħra, il-Komunità tista’ tfittex l-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li joffru garanziji simili.

Artikolu 7

It-tfassil u t-trażmissjoni tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet li jipprovdu dwar il-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni.

L-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) għandu/hom jeżamina(w) kemm ikunu opportuni l-proposti ta’ programmi, u jivverifika(w) il-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament, flimkien mal-linji ta’ gwida mfassla skond l-Artikolu 5 u ma’ l-ispeċifikazzjonijiet rispettivi tagħhom. Għandhom ukoll jivverifikaw li l-programmi kkonċernati joffru valur tajjeb għan-nefqa.

Wara li jeżamina(w) il-programmi(i), l-Istat(i) Membru/i għandu/hom jistabbilixxi/u elenku tal-programmi magħżula, fil-limitu tal-krediti disponibbli, u għandu/hom jikkommetti/u lilu/lilhom nnifsu/nfushom għal sehem fil-finanzjament tagħhom, jekk ikun il-każ.

2.   L-Istat(i) Membru/i għandu/hom jibgħat/jibagħtu lill-Kummissjoni l-elenku tal-programmi msemmija fil-paragrafu 1, it-tielet inċiż, flimkien ma’ kopja ta’ dawn il-programmi.

Jekk lill-Kummissjoni jirriżultalha li programm li jkun ġie ppreżentat jew inkella wħud minn dawn l-azzjonijiet ma jkunx/ux konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet li jsiru fis-suq intern, mal-linji ta’ gwida msemmija fl-Artikolu 5, jew li ma joffrux valur tajjeb għall-infiq, fi żmien li għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) bl-ineliġibbiltà tal-programm kollu jew ta’ parti minnu. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ dan it-tip matul dan il-perjodu, il-programm għandu jitqies eliġibbli.

L-Istat(i) Membru/i għandu/hom jikkunsidra(w) osservazzjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tagħmillu/tagħmlilhom, u jibgħat/jibagħtu lil din ta’ l-aħħar il-programmi rriveduti bi qbil ma’ l-organizzazzjoni(jiet) proponenti msemmija fl-Artikolu 6(1), fi żmien li għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 8

L-għażla tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni

1.   Il-Kumissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), għandha tiddeċiedi dwar l-għażla tal-programmi u l-baġits korrispondenti. Il-prijorità għandha tingħata għall-programmi proposti minn diversi Stati Membri, jew li jipprevedu azzjonijiet f’diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi.

2.   F’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), il-Kummissoni tista’ tiddefinixxi limiti aktar baxxi jew ogħla f’dak li jirrigwarda l-ispiża reali tal-programmi magħżula skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawn il-limiti jistgħu jinbidlu skond in-natura tal-programmi kkonċernati. Il-kriterji applikati jistgħu jiġu ddeterminati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 9

Il-proċedura fin-nuqqas ta’ programmi ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni għas-suq intern

1.   Fin-nuqqas ta’ programmi li għandhom isiru fis-suq intern, għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(b), ippreżentata(i) skond l-Artikolu 6(1), l-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) għandu/hom jiddefinixxi/u, fuq il-bażi tal-linji ta’ gwida msemmija fl-Artikolu 5(1), programm u l-ispeċifikazzjoni tiegħu, u jagħżel/jagħżlu permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti l-organizzazzjoni nkarigata bit-twettiq tal-programm li jkun(u) qiegħed/qegħdin jikkommetti/u lilu/lilhom nnifsu/nfushom għall-kofinanzjament tiegħu.

2.   L-Istat(i) Membru/i għandu/hom iressqu lill-Kummissjoni l-programm magħżul skond il-paragrafu 1, flimkien ma’ opinjoni motivata dwar:

(a)

kemm ikun opportun il-programm;

(b)

il-konformità tal-programm u ta’ l-organizzazzjoni proposti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u, jekk ikun il-każ, mal-linji ta’ gwida applikabbli;

(ċ)

il-valutazzjoni tal-valur li l-programm joffri għan-nefqa.

3.   Għall-finijiet ta’ l-eżami tal-programmi min-naħa tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(1).

4.   F’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), il-Kummissoni tista’ tiddefinixxi limiti aktar baxxi jew ogħla f’dak li jirrigwarda l-ispiża reali tal-programmi magħżula skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu preżenti. Dawn il-limiti jistgħu jinbidlu skond in-natura tal-programmi kkonċernati. Il-kriterji applikati jistgħu jiġu ddeterminati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 10

Azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li għandhom isiru fuq inizjattiva tal-Kummissjoni

Wara l-informazzjoni tal-kumitati msemmija fl-Artikolu 16(1) jew jekk ikun il-każ, tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (5), tal-kumitat permanenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ġeografiċi protetti stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (6) jew tal-kumitat permanenti għall-ispeċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti stabbilit bl-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 ta’ l-20 ta’ Marzu 2006 dwar l-ispeċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti ta’ prodotti agrikoli u prodotti ta’ l-ikel (7), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li twettaq waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

għal azzjonijiet li għandhom isiru fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi:

(i)

l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(d) ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) u (c), u l-paragrafu 2, ta’ dan ir-Regolament, meta l-azzjonijiet ikunu ta’ interess Komunitarju jew meta ma tkun tressqet l-ebda proposta f’lokha skond l-Artikoli 6 u 9 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

għal azzjonijiet li għandhom isiru fil-pajjiżi terzi:

(i)

l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(3)(d) ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a), u l-paragrafu 3(a), (b) u (c), ta’ dan ir-Regolament, meta l-azzjonijiet ikunu ta’ interess Komunitarju jew meta ma tkun tressqet l-ebda proposta f’lokha skond l-Artikoli 6 u 9 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

L-organizzazzjonijiet inkarigati bit-twettiq ta’ dawn l-azzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni, abbażi ta’ sejħa għall-offerti miftuħa jew ristretta, għandha tagħżel:

(a)

l-assistenti tekniċi li possibbilment ikunu meħtieġa għall-valutazzjoni tal-proposti ta’ programmi, pprovduti bl-Artikolu 7(2), inklużi l-organizzazzjonijiet ta’ twettiq proposti;

(b)

l-organizzazzjoni(jiet) inkarigata/i bit-twettiq ta’ l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10.

2.   Wara kompetizzjoni bil-mezzi adegwati, l-organizzazzjoni proponenti għandha tagħżel l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw il-programmi magħżula f’konformità ma’ l-Artikolu 7(1).

Madankollu, f’ċerti kundizzjonijiet li għandhom jiġu determinati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), l-organizzazzzjoni proponenti tista’ tkun awtorizzata timplimenta hija stess ċerti partijiet tal-programm.

3.   L-organizzazzjonijiet inkarigati bit-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni jeħtiġilhom ikollhom għarfien espert tal-prodotti u s-swieq ikkonċernati, u jiddisponu mill-mezzi meħtieġa biex jiżguraw it-twettiq l-aktar effikaċi possibbli ta’ l-azzjonijiet, filwaqt li jqisu d-dimensjoni Komunitarja tal-programmi kkonċernati.

Artikolu 12

Il-monitoraġġ tal-programmi

1.   Grupp tal-monitoraġġ, magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, ta’ l-Istati Membri kkonċernati u l-organizzazzjonijiet proponenti, għandu jiżgura l-monitoraġġ tal-programmi magħżula msemmija fl-Artikoli 8 u 9.

2.   L-Istati Membri kkonċernati huma responsabbli għat-twettiq tajjeb tal-programmi magħżula msemmija fl-Artikoli 8 u 9, kif ukoll għall-ħlasijiet relatati. L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li l-materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni li jiġi prodott fil-kuntest tal-programmi msemmija jkun konformi mar-regoli Komunitarji.

Artikolu 13

Il-Finanzjament

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Komunità għandha tiffinanzja l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 għal kollox. Il-Komunità għandha tiffinanzja għal kollox ukoll l-ispiża relatata għall-assitenti tekniċi magħżula skond l-Artikolu 11(1)(a).

2.   Is-sehem finanzjarju tal-Komunità fil-programmi magħżula msemmija fl-Artikoli 8 u 9 ma għandux jaqbeż il-50 % ta’ l-ispiża reali tal-programmi. Fil-każ ta’ programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni ta’ tul ta’ sentejn jew tliet snin, is-sehem għal kull sena ta’ twettiq ma għandux jaqbeż dan il-livell massimu.

Il-persentaġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu huwa ta’ 60 % għall-azzjonijiet ta’ promozzjoni ta’ frott u ħxejjex maħsuba speċifikament għat-tfal fl-istabbilimenti tat-tagħlim tal-Komunità.

3.   L-organizzazzjonijiet proponenti għandhom jieħdu sehem fil-finanzjament tal-programmi li jkunu pproponew talanqas għal-livell ta’ 20 % ta’ l-ispiża reali tal-programmi, filwaqt li l-bqija tal-finanzjament għandu jsir mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), b’kunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tas-sehem finanzjarju tal-Komunità msemmi fil-paragrafu 2.

Il-partijiet rispettivi ta’ l-Istati Membri u ta’ l-organizzazzjonijiet proponenti għandhom ikunu definiti meta l-programm jitressaq lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(2).

Il-pagamenti li jagħmlu l-Istati Membri jew l-organizzazzjonijiet proponenti jistgħu jkunu ġejjin minn dħul parafiskali jew minn kontributi obbligatorji.

4.   Fejn japplika l-Artikolu 6(2), il-Komunità, wara li tapprova l-programm, għandha tagħti kontribut adegwat lill-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata.

5.   Għall-programmi msemmija fl-Artikolu 9, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli minn dik il-parti tal-finanzjament mhux ipprovduta mill-Komunità.

Il-finanzjament min-naħa ta’ l-Istati Membri jista’ jkun ġej minn dħul parafiskali.

6.   L-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat ma għandhomx japplikaw għas-sehem finanzjarju ta’ l-Istati Membri, u lanqas għas-sehem finanzjarju li jkun ġej minn dħul parafiskali jew minn kontributi obbligatorji ta’ l-Istati Membri jew ta’ l-organizzazzjonijiet proponenti fil-każ tal-programmi li jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ Komunitarju skond l-Artikolu 36 tat-Trattat, li l-Kummissjoni tkun għażlithom skond l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

L-infiq Komunitarju

Il-finanzjament Komunitarju ta’ l-azzjonjiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jsir, skond il-każ, f’konformità ma’ l-Artikolu 3(1)(d), jew ma’ l-Artikolu 3(2)(b), tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

Artikolu 15

Il-proċeduri ta’ l-implimentazzjoni

Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 16

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat ta’ Ġestjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli stabbilit mill-Artikolu 195 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (8).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi definit għal xahar.

Artikolu 17

Konsultazzjoni

Qabel ma l-Kummissjoni tistabbilixxi l-elenki pprovduti fl-Artikolu 4, tiddefinixxi l-linji ta’ gwida pprovduti fl-Artikolu 5, tapprova l-programmi msemmija fl-Artikoli 6 u 9, tiddeċiedi dwar azzjonijiet skond l-Artikolu 10 jew tadotta l-proċeduri ta’ applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 15, tista’ tikkonsulta:

(a)

il-grupp konsultattiv “promozzjoni tal-prodotti agrikoli” stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/391/KE (9);

(b)

gruppi tekniċi ad hoc ta’ ħidma, magħmula minn membri tal-Kumitati ta’ Ġestjoni jew minn esperti fil-qasam tal-promozzjoni u tal-pubbliċità.

Artikolu 18

Rapport

Qabel il-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll kwakunkwe proposta li tkun f’lokha, jekk ikun il-każ.

Artikolu 19

Revoka

Ir-Regolamenti (KE) Nru 2702/1999 u (KE) Nru 2826/2000 b’dan huma mħassra.

Ir-referenzi li jsiru għar-Regolamenti mħassra għandhom jiġu mifhuma li jkunu qed isiru għal dan ir-Regolament, u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrispondenza li tingħata fl-Anness.

Artikolu 20

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2826/2000 dwar l-azzjonijiet ta’ tagħrif u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern (ĠU L 328, 23.12.2000, p. 2). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1182/2007 (ĠU L 273, 17.10.2007, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2702/1999 ta’ l-14 ta’ Diċembru 1999 dwar miżuri sabiex jipprovdu t-tagħrif fuq, u jippromwovu, il-prodotti agrikoli f’pajjiżi terzi u Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2826/2000 (ĠU L 327, 21.12.1999, p. 7. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2060/2004). Ir-Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 2060 (ĠU L 357, 2.12.2004, p. 3).

(3)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1437/2007 (ĠU L 322, 7.12.2007, p. 1).

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(5)  ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1319/2007 (ĠU L 293, 10.11.2007, p. 3).

(6)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Ir-Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(7)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(9)  ĠU L 120, 24.4.2004, p. 50.


ANNESS

TABELLA TA’ KORRISPONDENZA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 19

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 2702/1999

Ir-Regolament (KE) Nru 2702/1999

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3(2)

Artikolu 4

Artikolu 3(2), l-aħħar subparagrafu

Artikolu 5(1)

Artikolu 4

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(2)

Artikolu 6

Artikolu 5(3)

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu, u l-paragrafu 2

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(4),(5) u (6)

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 7(a)

Artikolu 10

Artikolu 8(1) u (2)

Artikolu 11

Artikolu 8(3) u (4)

Artikolu 12

Artikolu 9(1) sa (4)

Artikolu 13(1) sa (4)

Artikolu 13(5)

Artikolu 9(5)

Artikolu 13(6)

Artikolu 10

Artikolu 14

Artikolu 11

Artikolu 15

Artikolu 12

Artikolu 16

Artikolu 12a

Artikolu 17

Artikolu 13

Artikolu 18

Artikolu 14

Artikolu 19

Artikolu 15

Artikolu 20

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 2826/2000

Ir-Regolament (KE) Nru 2826/2000

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3(1)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5(1)

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu, u l-paragrafu 2

Artikolu 7(1)

Artikolu 6(3)

Artikolu 7(2)

Artikolu 6(4) sa (6)

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 7a

Artikolu 10

Artikolu 8

Artikolu 11(1)

Artikolu 9

Artikolu 13

Artikolu 10(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 10(2) u (3)

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 14

Artikolu 12

Artikolu 15

Artikolu 13

Artikolu 16

Artikolu 13(a)

Artikolu 17

Artikolu 14

Artikolu 18

Artikolu 15

Artikolu 19

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 20