19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 340/71


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/123/KE

tat-18 ta' Diċembru 2008

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, dwar prodotti kosmetiċi, bl-għan li taddatta l-Annessi II u VII tagħha skond il-progress tekniku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti tal-Konsumatur,

Billi:

(1)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti tal-Konsumatur (The Scientific Committee on Consumer Products, l-SCCP), fl-opinjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2006 wasal għall-konklużjoni li “Għalkemm il-4-aminobenzoic acid (PABA) fil-preżent huwa awtorizzat u jintuża bħala dlik għall-protezzjoni mir-raġġi tax-xemx, waqt il-proċess tal-evalwazzjoni tad-dossier ħareġ ċar li l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni ma kinitx tikkonforma mal-istandards u l-linji gwida attwali”. Sabiex iwettaq analiżi tajba tar-riskju tal-4-aminobenzoic acid, l-SCCP kien jeħtieġ dossier ġdid b’dejta addizzjonali dwar is-sikurezza li tikkonforma ma’ standards moderni u l-linji gwida tal-SCCP, li jitressaq mill-industrija tal-kosmetiċi qabel l-1 ta’ Lulju 2007.

(2)

L-industrija tal-kosmetiċi ma ressqet l-ebda dejta addizzjonali dwar is-sikurezza kif mitlub mill-SCCP fl-opinjoni tagħhom tal-20 ta’ Ġunju 2006.

(3)

Mingħajr analiżi tar-riskju tajba, il-4-aminobenzoic acid ma jistax jitqies sikur għall-użu bħala filter tal-UV fil-kosmetiċi u għaldaqstant għandu jitħassar mill-Anness VII u jitniżżel fl-Anness II tad-Direttiva 76/768/KEE.

(4)

Fir-rigward tad-Diethylamino Hydroxybenzoyl Hexyl Benzoate (INCI), fl-opinjoni tiegħu tal-15 ta’ April 2008, l-SCCP wasal għall-konklużjoni li l-użu ta’ din is-sustanza f’konċentrazzjoni massima ta’ 10 % fi prodotti kosmetiċi, inkluż il-prodotti ta’ protezzjoni mix-xemx, ma joħloq ebda riskju lill-konsumatur. Sabiex jiġi estiż l-ambitu tal-użu awtorizzat ta’ din is-sustanza, il-kolonna “c” tal-entrata 28 għandha tkun emendata fl-Anness VII tad-Direttiva 76/768/KEE.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi II u VII għad-Direttiva 76/768/KEE huma emendati skond l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-8 ta' Lulju 2009 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fil-punt 3 tal-Anness ta’ din id-Direttiva mit-8 ta' Lulju 2009.

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fil-punti 1 u 2 tal-Anness ta’ din id-Direttiva mit-8 ta' Ottubru 2009.

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169.


ANNESS

Id-Direttiva 76/768/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

Fl-Anness II, l-entrata 167 “Esters ta’ 4-aminobenzoic acid, bil-grupp ta’ ammini ħieles, għajr dak mogħti fl-Anness VII, Parti 2” tiġi sostitwita b’“4- aminobenzoic acid u l-esters tiegħu, bil-grupp ta’ ammini ħieles”.

(2)

Fl-Anness VII, l-entrata 1 tiġi mħassra.

(3)

Fl-Anness VII, fl-entrata 28, il-kliem “fil-prodotti ta’ protezzjoni mix-xemx” jiġi mħassar minn kolonna “c”.