16.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 337/86


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/116/KE

tal-15 ta' Diċembru 2008

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi l-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor bħala sustanzi attivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq (1) ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu valutati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor.

(2)

Għal dawn is-sustanzi attivi l-effetti fuq is-saħħa umana u l-ambjent ġew valutati skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikaturi. Barra minn dan, dawk ir-Regolamenti jsemmu liema huma l-Istati Membri relaturi li għandhom jissottomettu r-rapporti tal-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Għall-aclonifen u l-imidacloprid l-Istat Membru relatur kienet il-Ġermanja u l-informazzjoni kollha rilevanti ġiet sottomessa fil-11 ta’ Settembru 2006 u fit-13 ta’ Ġunju 2006 rispettivament. Għall-metazachlor l-Istat Membru relatur kien ir-Renju Unit u l-informazzjoni kollha rilevanti ġiet sottomessa fit-30 ta’ Settembru 2005.

(3)

Ir-rapporti tal-valutazzjoni ġew riveduti mill-Istati Membri u l-EFSA u preżentati lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Lulju 2008 għall-aclonifen, fid-29 ta’ Mejju 2008 għall-imidacloprid u fl-14 ta’ April 2008 għall-metazachlor fil-format tar-Rapporti Xjentifiċi EFSA (4). Dawn ir-rapporti ġew riveduti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u finalizzati fis-26 ta’ Settembru 2008 fil-format tar-rapporti tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni għall-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor.

(4)

Jidher mid-diversi eżaminazzjonijiet magħmula, li l-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor jistgħu jiġu mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew eżaminati u ddettaljati fir-rapporti tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, hu xieraq li dawn is-sustanzi attivi jiġu inklużi fl-Anness I, sabiex jiġi assigurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi jkunu iistgħu jingħataw skont id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Mingħajr ħsara għal dik il-konklużjoni, hu xieraq li tiġi akkwistata iżjed informazzjoni fuq ċertu punti speċifiċi. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprovdi li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tkun soġġetta għal xi kundizzjonijiet. Għaldaqstant, hu xieraq li jintalab li l-aclonifen ikun soġġett għal iżjed ittestjar għall-valutazzjoni ta’ residwi fi pjanti rotazzjonali u għall-konferma tal-valutazzjoni tar-riskju għal għasafar, mammiferi, organiżmi akkwatiċi u pjanti mhux fil-mira u li l-imidacloprid għandu jkun soġġett għal iżjed ittestjar għall-konferma tal-valutazzjoni tar-riskju għal operaturi u ħaddiema u r-riskju għall-għasafar u l-mammiferi u dawn l-istudji għandhom jiġu preżentati min-notifikatur. Barra minn dan, għall-metazachlor hu xieraq li tiġi akkwistata informazzjoni addizzjonali fuq ċertu punti speċifiċi. L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprovdi li inklużjoni tista’ tiġi riveduta fi kwalunkwe żmien jekk ikun hemm indikazzjonijiet li l-kriterji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma jkunux għadhom qed jiġu sodisfatti. In-notifikatur issottemetta informazzjoni li f’dan l-istadju jitqies li hu biżżejjed biex tiġi indirazzata r-rilevanza ta’ ċertu metaboliti. Madankollu, għadha ma ġietx finalizzata deċiżjoni fuq il-klassifikazzjoni tal-metazachlor skont id-Direttiva 67/548/KEE. Din id-deċiżjoni tista’ twassal għall-bżonn għal iżjed informazzjoni fuq dawn il-metaboliti. L-informazzjoni sottomessa min-notifikatur sabiex tiġi indirizzata r-rilevanza tal-metaboliti 479M04, 479M08, 479M09, 479M11 u 479M12 fir-rigward tal-kanċer, f’dan l-istadju, titqies li mhux biżżejjed. Madankollu, jekk tittieħed deċiżjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (5) li permezz tagħha l-metazachlor huwa klassifikat bħala “evidenza limitata li għandha effett karċinoġeniku”, ikun hemm bżonn iżjed informazzjoni dwar ir-rilevanza ta’ dawn il-metaboliti fir-rigward tal-kanċer. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprovdi li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I ma dik id-Direttiva tista’ tkun soġġetta għal kundizzjonijiet. L-inklużjoni tal-metazachlor, għaldaqstant, għandha tkun soġġetta għal kundizzjoni dwar is-sottomissjoni ta’ iżjed informazzjoni f’każ li s-sustanza tkun klassifikata taħt id-Direttiva 67/548/KEE.

(6)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessanti jingħataw ċans jippreparaw irwieħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ġodda li jkunu jirriżultaw mill-inklużjoni.

(7)

Mingħajr ħsara għall-obbligi definiti fid-Direttiva 91/414/KEE, b’konsegwenza tal-fatt li sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni sabiex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor sabiex jiġi assigurat li r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE ġew sodisfatti, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, jibdlu jew jieħdu lura, kif xieraq, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B’deroga mil-limitu taż-żmien imsemmi, għandu jiġi provdut perjodu itwal għas-sottomissjoni u l-valutazzjoni tad-dossier komplut mal-Anness III ta’ kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu intenzjonat skont il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

L-esperjenza miksuba mill-inklużjonijiet imsemmija fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE tas-sustanzi attivi valutati fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 (6) uriet li jista’ jkun hemm diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-obbligi ta’ dawk li għandhom awtorizzazzjonijiet eżistenti b’rabta mal-aċċess għad-dejta. Sabiex jiġu evitati iżjed diffikultajiet, għaldaqstant, jidher li hu meħtieġ li jiġu ċċarati l-obbligi tal-Istati Membri, b’mod speċjali l-obbligu li jiġi vverifikat li min ikollu l-awtorizzazzjoni juri aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ma’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix xi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew dawk li għandhom l-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati sal-ġurnata preżenti li jemendaw l-Anness I.

(9)

Għaldaqstant hu xieraq li tiġi emendata d-Direttiva 91/414/KEE.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE qed jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Jannar 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jgħaddu minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella tal-korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Frar 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif trid issir din ir-referenza.

Artikolu 3

1.   Skont id-Direttiva 91/414/KEE, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun meħtieġ, jemendaw jew jieħdu lura l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor bħala sustanzi attivi sal-31 ta’ Jannar 2010.

Sa dik id-data għandhom b’mod partikolari jivverifikaw li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet fl-Anness I mad-Direttiva relatati mal-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor, minbarra dawk identifikati fit-taqsima tal-parti B li tikkonċerna dik is-sustanza attiva, u li min ikollu l-awtorizzazzjoni jkollu aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti fl-Anness II ma’ dik id-Direttiva skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li fih l-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kienu tniżżlu fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Lulju 2009, l-Istati Membri għandhom jevalwaw mill-ġdid il-prodott skont il-prinċipji uniformi provduti fl-Anness VI mad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ma’ dik id-Direttiva u wara li jikkunsidraw il-parti B tat-taqsima fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li tikkonċerna l-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor rispettivament. Fuq il-bażi ta’ dik il-valutazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara din id-determinazzjoni l-Istati Membri għandhom:

(a)

f’każ li prodott ikun fih l-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor bħala l-unika sustanza attiva, fejn ikun meħtieġ, jemendaw jew jieħdu lura l-awtorizzazzjoni sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Jannar 2014; jew,

(b)

f’każ ta’ prodott li fih l-aclonifen, l-imidacloprid u l-metazachlor bħala wieħed mid-diversi sustanzi attivi, fejn ikun meħtieġ, jemendaw jew jieħdu lura l-awtorizzazzjoni sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Jannar 2014 jew sad-data ffissata għal din l-emenda jew irtirar fid-Direttiva jew id-Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi relevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, liema minnhom tiġi l-aħħar.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2009.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)  Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 149, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni esperta tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidji tas-sustanza attiva aclonifen (finalizzata l-31 ta’ Lulju 2008).

Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 148, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni esperta tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidji tas-sustanza attiva imidacloprid (finalizzata d-29 ta’ Mejju 2008).

Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 145, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni esperta tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidji tas-sustanza attiva metazachlor (finalizzata l-14 ta’ April 2008).

(5)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(6)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10.


ANNESS

Din it-tabella għandha tiġi miżjuda fit-tarf tat-tabella fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE:

Nru

Isem Komuni, Numri tal-Identifikazzjonis

Isem IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“221

Aclonifen

CAS No 74070-46-5

CIPAC No 498

2-chloro-6-nitro-3-phenoxyaniline

≥ 970 g/kg

L-impurità phenol għandha relevanza tossoloġika u qed jiġi stabbilit livell massimu ta’ 5 g/Kg.

L-1 ta’ Awwissu 2009

Il-31ta’ Lulju 2019

PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala erbiċida.

PARTI B

Fil-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-aclonifen għal użi oħra minbarra l-ġirasol, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-kriterji fl-Artikolu 4(1) (b), u għandhom jassiguraw li kwalunkwe dejta u informazzjoni neċessarji jiġu provduti qabel ma tingħata awtorizzazzjoni ta’ din ix-xorta.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport tar-reviżjoni fuq l-aclonifen, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tagħhom, kif finalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali tas-26 ta’ Settembru 2008 għandhom jiġu kkunsidrati.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

lill-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku kif manifatturat kummerċjalment għandu jkun appoġġjat b’dejta analitika xierqa. Il-materjal tat-test użat fid-dossiers tat-tossiċità għandu jiġi mqabbel u vverifikat ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku;

lill-protezzjoni tas-sigurtà tal-operaturi. Kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati għandhom jistabbilixxu l-applikazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali xieraq u miżuri għat-tnaqqis tar-riskju sabiex titnaqqas l-espożizzjoni;

lir-residwi f’uċuħ rotazzjonali u li ssir evalwazzjoni tal-espożizzjoni mid-dietà tal-konsumaturi;

lill-protezzjoni ta’ għasafar, mammiferi, organiżmi akkwatiċi, u pjanti mhux fil-mira. B’rabta ma’ dawn ir-riskji mhux identifikati, miżuri għat-tnaqqis tar-riskji, fosthom żoni bafer, għandhom jiġu applikati fejn xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu s-sottomissjoni ta’ iżjed studji dwar ir-residwi ta’ uċuħ rotazzjonali u informazzjoni rilevanti li jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskji għall-għasafar, mammiferi, organiżmi akkwatiċi u pjanti mhux fil-mira.

Għandhom jassiguraw li n-notifikatur jipprovdi din id-dejta u informazzjoni konfermatorja lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

222

Imidacloprid

CAS No 138261-41-3

CIPAC No 582

(E)-1-(6-Chloro-3-pyridinylmethyl)-N-nitroimidazolidin-2-ylideneamine

≥ 970 g/kg

L-1 ta’ Awwissu 2009

fil-31 ta’ Lulju 2019

PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala erbiċida.

Għall-protezzjoni ta’ organiżmi mhux fil-mira, b’mod partikolari naħal tal-għasel u għasafar, għall-użu bħala trattament taż-żrieragħ:

il-kisi taż-żerriegħa għandu jsir biss f’faċilitajiet professjonali għat-trattament taż-żrieragħ. Dawn il-faċilitajiet għandhom japplikaw l-aqwa metodi disponibbli sabiex jassiguraw li ma jkunx hemm ħelsien ta’ trabijiet waqt il-ħżin, it-trasport u l-applikazzjoni;

għandu jintuża tagħmir tal-applikazzjoni xieraq sabiex jiġi assigurat livell għoli ta’ inkorporazzjoni fil-ħamrija, tnaqqis kemm jista’ jkun ta’ tnixxija u fil-ħruġ tat-trab. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-tikketta taż-żrieragħ trattati tinkludi l-indikazzjoni li ż-żrieragħ ġew trattati bl-imidacloprid u tistabbilixxi l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju provduti fl-awtorizzazzjoni.

PARTI B

Fil-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-imidacloprid għal użi oħra minbarra t-tadam fis-serer, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-kriterji fl-Artikolu 4(1) (b), u għandhom jassiguraw li kwalunkwe dejta u informazzjoni neċessarji jiġu provduti qabel ma tingħata awtorizzazzjoni ta’ din ix-xorta.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, il-konlużjonijiet tar-rapport tar-reviżjoni dwar l-imidacloprid, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tagħhom, kif finalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Settembru 2008 għandhom jiġu kkunsidrati.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarmenti attenti:

għas-sigurtà tal-operatur u l-ħaddiem u jassiguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jispeċifikaw l-applikazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali xieraq;

għall-impatt fuq organiżmi akkwatiċi, artropodi mhux fil-mira, ħniex, u makroorganiżmi oħra tal-ħamrija u għandhom jassiguraw li l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jinkludu, fejn xieraq, miżuri għat-tnaqqis tar-riskju;

għall-protezzjoni tan-naħal tal-għasel, b’mod partikolari għal applikazzjonijiet tal-isprej u għandhom jassiguraw li l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jinkludu, fejn xieraq, miżuri għat-tnaqqis tar-riskji.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu s-sottomissjoni ta’:

informazzjoni biex jindirizzaw aħjar il-valutazzjoni tar-riskji għall-operaturi u l-ħaddiema;

informazzjoni biex jindirizzaw aħjar ir-riskju għall-għasafar u l-mammiferi.

Għandhom jassiguraw li n-notifikatur jipprovdi d-dejta u l-informazzjoni ta’ konferma lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva,

223

Metazachlor

CAS No 67129-08-2

CIPAC No 411

2-chloro-N-(pyrazol-1-ylmethyl)acet-2’,6’-xylidide

≥ 940 g/kg

L-impurità tal-manifattura tat-toluene għandha relevanza tossoloġika u qed jiġi stabbilit livell massimu ta’ 0.01 %.

fl-1 ta’ Awwissu 2009

Il-31 ta’ Lulju 2019

PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala erbiċida; applikazzjoni mass. ta’ 1.0 Kg/ha kull tielet sena fl-istess għalqa.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport tar-reviżjoni fuq il-metazachlor, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif finalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Settembri 2008 għandhom jiġu kkunsidrati.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti:

għas-sigurtà tal-operatur u jassiguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jirregolaw l-applikazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali xieraq;

għall-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi;

għall-protezzjoni tal-ilma tal-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonijiet ta-klima vulnerabbli.

Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju u għandhom jinbdew programmi tas-sorveljanza biex tiġi vverifikata l-kontaminazzjoni potenzjali tal-ilma tal-art mill-metaboliti 479M04, 479M08, 479M09, 479M11 u 479M12 f’żoni vulnerabbli, fejn xieraq.

Jekk il-metazachlor hu klassifikat skond id-Direttiva 67/548/KEE bħala ‘evidenza limita ta’ effett karċinoġeniku’, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu s-sottomissjoni ta’ iżjed informazzjoni dwar ir-rilevanza tal-metaboliti 479M04, 479M08, 479M09, 479M11 u 479M12 fir-rigward tal-kanċer..

Għandhom jassiguraw li n-notifikaturi jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur min-notifika ta’ din id-deċiżjoni tal-klassifikazzjoni.”


(1)  Iżjed dettalji fuq l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma provduti fir-rapport tar-reviżjoni.