3.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 323/31


DIRETTIVA 2008/102/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Novembru 2008

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE (3) tipprevedi li għandhom jiġu adottati ċerti miżuri skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4).

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE (5), li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jiġu mħassra wħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi supplimentat b’elementi ġodda mhux essenzjali.

(3)

Skond id-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE (6), sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat u li diġà huma fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu emendati skond il-proċeduri applikabbli.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa b’mod partikolari sabiex temenda ċerti Annessi għad-Direttiva 79/409/KEE fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku. Peress li dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 79/409/KEE, inter alia billi jissuplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Għaldaqstant, id-Direttiva 79/409/KEE għandha tiġi emendata skond dan.

(6)

Ġaladarba l-emendi għad-Direttiva 79/409/KEE li qed isiru minn din id-Direttiva huma ta’ natura teknika u jikkonċernaw biss il-proċedura tal-kumitat, mhux neċessarju li jiġu trasposti mill-Istati Membri. Għalhekk mhux neċessarju li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal dan il-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 79/409/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 15 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Għandhom jiġu adottati l-emendi neċessarji sabiex l-Annessi I u V jiġu adattati għall-progress tekniku u xjentifiku, kif ukoll l-emendi msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(4). Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 17(2).”;

(2)

L-Artikolu 17 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 17

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Addattament għall-Progress Tekniku u Xjentifiku.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 19 ta’ Novembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)   ĠU C 211, 19.8.2008, p. 46.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2008.

(3)   ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.

(4)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)   ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

(6)   ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.