31.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 202/48


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/82/KE

tat-30 ta' Lulju 2008

li temenda d-Direttiva 2008/38/KE dwar għalf maħsub bħala għajnuna tal-funzjoni tal-kliewi f'każ ta' insuffiċjenza kronika tal-kliewi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 93/74/KEE tat-13 ta' Settembru 1993 dwar l-għalf maħsub għal għanijiet ta' nutriment partikolari (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(c) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/38/KE tal-5 ta' Marzu 2008 li tistabbilixxi lista ta' użi maħsuba ta' l-għalf ta' l-annimali għal għanijiet ta' nutriment partikolari (2) tinkludi bħala għan ta' nutriment partikolari l-“għajnuna tal-funzjoni tal-kliewi f'każ ta' insuffiċjenza kronika tal-kliewi”.

(2)

Bir-Regolament (KE) Nru 163/2008 (3), il-Kummissjoni awtorizzat il-preparazzjoni ta' Lanthanum carbonate octahydrate bħala addittiv zootekniku fl-għalf għall-qtates. Din l-awtorizzazzjoni kienet ibbażata fuq opinjoni ta' l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza fl-Ikel tat-18 ta' Settembru 2007 (4). F'din l-opinjoni din l-Awtorità kkunsidrat li l-issupplimentar ta' dieti b'din il-preparazzjoni jwassal għal tnaqqis fl-eskrezzjoni tal-fosfru mill-awrina u żieda fl-eskrezzjoni mill-feċi, marbuta ma' tnaqqis fid-diġestibilità tal-fosfru apparenti. Hija kkonkludiet li din il-preparazzjoni tista' tnaqqas l-assorbiment ta' fosfru fil-qtates adulti.

(3)

Id-Direttiva 2008/38/KE diġà tinkludi għalf b'livell baxx ta' fosfru fil-linja “għajnuna tal-funzjoni tal-kliewi f'każ ta' insuffiċjenza kronika tal-kliewi”. L-istess effett pożittiv jista' jinkiseb jekk jitnaqqas l-assorbiment ta' fosfru li jinsab fl-għalf. Lanthanum carbonate octahydrate għandu għalhekk jiġi inkluż fil-linja “Għajnuna tal-funzjoni tal-kliewi f'każ ta' insuffiċjenza kronika tal-kliewi” fil-lista ta' użi maħsuba fil-Parti B ta' l-Anness I tad-Direttiva 2008/38/KE.

(4)

Id-Direttiva 2008/38/KE għalhekk għandha tiġi emendata skond dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 2008/38/KE qed jiġi emendat skond l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-20 ta' Frar 2009. Dawn għandhom jikkomunikaw mill-ewwel it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 30 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 237, 22.9.1993, p. 23. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 62, 6.3.2008, p. 9.

(3)  ĠU L 50, 23.2.2008, p. 3.

(4)  Il-Ġurnal ta' l-EFSA (2007) 542, 1-15.


ANNESS

Fil-Parti B ta' l-Anness I tad-Direttiva 2008/38/KE, il-linja ta' l-għan ta' nutriment partikolari “Għajnuna tal-funzjoni tal-kliewi f'każ ta' insuffiċjenza” tinbidel b'li ġej:

Għan ta' nutriment partikolari

Karatteristiċi nutrittivi essenzjali

Speċi jew kategorija ta' l-annimal

Dikjarazzjonijiet ta' l-ittekkettar

Tul ta' ħin rakkomandat għall-użu

Dispożizzjoni oħra

‘Għajnuna tal-funzjoni tal-kliewi f'każ ta' insuffiċjenza tal-kliewi (*)

Livell baxx ta' fosfru u livell ristrett ta' proteina iżda ta' kwalità għolja

Klieb u qtates

Sors(i) ta’ Proteina

Kalċju

Fosfru

Potassju

Sodju

Kontenut ta’ aċidi essenzjali grassi (jekk jiġu miżjuda)

Inizjalment sa 6 xhur (**)

Indika fuq il-pakkett, il-kontenitur jew it-tikketta: “Huwa rrakkommandat li tinkiseb l-opinjoni ta' veterinarju qabel l-użu jew qabel ma jiġi estiż il-perjodu ta’ l-użu.”

Indika fl-istruzzjonijiet għall-użu: “L-ilma għandu jkun disponibbli l-ħin kollu.”

jew

 

 

 

 

Tnaqqis ta' assorbiment ta' fosfru permezz ta' l-inkorporazzjoni ta' Lanthanum carbonate octahydrate

Qtates adulti

Sors(i) ta’ Proteina

Kalċju

Fosfru

Potassju

Sodju

Lanthanum carbonate octahydrate

Kontenut ta’ aċidi essenzjali grassi (jekk jiġu miżjuda)

Inizjalment sa 6 xhur (**)

Indika fuq il-pakkett, il-kontenitur jew it-tikketta: “Huwa rrakkommandat li tinkiseb l-opinjoni ta' veterinarju qabel l-użu jew qabel ma jiġi estiż il-perjodu ta’ l-użu.”

Indika fl-istruzzjonijiet għall-użu: “L-ilma għandu jkun disponibbli l-ħin kollu.”


(*)  Jekk xieraq il-manifattur jista’ wkoll jirrakkomanda l-użu għal insuffiċjenza tal-kliewi temporanja.

(**)  Jekk il-materjal ta’ l-għalf jiġi rrakkomandat għal insuffiċjenza tal-kliewi temporanja il-perjodu rrakkomandat ta’ l-użu għandu jkun minn ġimagħtejn sa erba’ ġimgħat.’