21.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 162/20


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/63/KE

ta’ l-20 ta’ Ġunju 2008

dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(Verżjoni kodifikata)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 86 (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 88/301/KEE tas-16 ta’ Mejju 1988 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjoni (1) ġiet emendata b’mod sostanzjali (2). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2)

Fl-Istati Membri kollha, it-telekomunikazzjonijiet kienu, kollha jew f'parti, monopolju ta’ l-Istat ġeneralment mogħti f’forma ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi lil korp jew korpi responsabbli milli jipprovdu u joperaw l-infrastruttura ta’ network u l-provvista ta’ servizzi relatati. Dawk id-drittijiet, b’danakollu, ħafna drabi jmorru lil hinn mill-provvista ta’ servizzi għall-użu tan-network u jestendu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ l-utenti t-tagħmir tat-terminals għall-konnessjoni man-network. L-aħħar deċennji raw żviluppi tekniċi kbar fin-networks fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, u l-pass ta’ żvilupp kien mgħaġġel b’mod partikolari fil-qasam ta’ tagħmir tat-terminals.

(3)

L-Istati Membri, bħala reazzjoni għall-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi, irrevedew l-għotjiet tagħhom ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Iż-żieda kbira f’tipi ta’ tagħmir tat-terminals u l-possibbiltà ta’ użu multiplu tat-terminals ifisser li l-utenti għandhom ikollhom għażla ħielsa bejn diversi tipi ta’ tagħmir disponibbli jekk għandhom jibbenefikaw bis-sħiħ mill-avvanzi teknoloġiċi li seħħew fis-settur.

(4)

L-eżistenza tad-drittijiet esklussivi għandha l-effett li tirrestrinġi l-moviment ħieles tat-tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet, kemm rigward l-importazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ dan it-tagħmir, inkluż it-tagħmir bis-satellita, għaliex ċerti prodotti ma’ jitqegħdux fis-suq, kif ukoll rigward il-konnessjoni, id-dħul fis-servizz jew il-manutenzjoni għaliex, meta jitqiesu l-karatterisitiċi tas-suq u b’mod partikolari d-diversità u n-natura teknika tal-prodotti, il-monopolju m’għandux inċentiv biex jipprovdi servizzi relatati mal-prodotti li ma jkunx ikkummerċjalizza jew importa, kif ukoll lanqas biex jallinja l-prezzijiet ma’ l-ispejjeż, għaliex ma jkunx hemm theddida ta’ kompetizzjoni minn intrapriżi li jkunu ġodda fis-suq. Meta wieħed iqis il-fatt li fil-biċċa l-kbira tas-swieq hemm varjetà kbira ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjonijiet, kwalunkwe dritt speċjali li direttament jew indirettament jillimita l-għadd ta’ intrapriżi awtorizzati li jimpurtaw, iqiegħdu fis-suq, jikkonnettjaw, idaħħlu fis-servizz u jsewwu tagħmir bħal dan, jista’ jkollu l-istess xorta ta’ effetti bħall-għotja ta’ drittijiet esklussivi. Drittijiet esklussivi u speċjali bħal dawn jikkostitwixxu miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwalitattivi inkompatibbli ma’ l-Artikolu 28 tat-Trattat. Huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġu aboliti d-drittijiet esklussivi kollha eżistenti fl-importazzjoni, fit-tqegħid fis-suq, fil-konnessjoni, fid-dħul fis-servizz u fil-manutenzjoni tat-tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet, kif ukoll dawk id-drittijiet li għandhom effetti ta’ l-istess natura, jiġifieri, dawk id-drittijiet speċjali kollha minbarra dawk li jikkonsistu f’vantaġġi legali jew regolatorji konferiti fuq intrapriża waħda jew aktar u li jaffettwaw biss il-ħila ta’ intrapriżi oħra biex jidħlu fl-attivitajiet fuq imsemmija fl-istess żona ġeografika taħt kondizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti.

(5)

Id-drittijiet speċjali jew esklussivi dwar it-tagħmir tat-terminals jiġu eżerċitati b’mod illi, fil-prattika, jiżvantaġġjaw apparat minn Stati Membri oħra, notevolment billi ma jħallux lill-utenti jagħżlu b’mod ħieles dak it-tagħmir li l-aħjar jaqdi l-ħtiġijiet tagħhom skond il-prezz u l-kwalità, irrispettivament mill-oriġini tiegħu. Għalhekk l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet mhux kompatibbli ma’ l-Artikolu 31 tat-Trattat fl-Istati Membri kollha.

(6)

Il-provvista ta’ servizzi ta’ installazzjoni u manutenzjoni tat-tagħmir huwa fattur prinċipali fix-xiri jew kiri ta’ dan it-tagħmir. Iż-żamma ta’ drittijiet esklussivi f’dan il-qasam huwa ekwivalenti għaż-żamma ta’ drittijiet esklussivi fit-tqegħid fis-suq. Dawn id-drittijiet għandhom għalhekk jitneħħew sabiex it-tneħħija tad-dritt ta’ l-importazzjoni esklussiva u drittijiet tat-tqegħid fis-suq ikollha effett prattiku.

(7)

Il-manutenzjoni tat-tagħmir tat-terminals huwa servizz skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 50 tat-Trattat. Is-servizz in-kwistjoni, li mil-lat kummerċjali huwa ħaġa waħda mat-tqegħid fis-suq tat-tagħmir tat-terminals, għandu jiġi pprovdut liberament skond l-Artikolu 49 tat-Trattat u b’mod partikolari meta jiġi pprovdut minn persunal kwalifikat.

(8)

Is-sitwazzjoni tas-swieq tkompli tipproduċi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati bit-Trattat. Minbarra dan, l-iżvilupp tal-kummerċ qed ikun affettwat b’tali mod li dan ikun kuntrarju għall-interessi tal-Komunità. Kompetizzjoni aktar b’saħħitha fis-suq tat-tagħmir tat-terminals teħtieġ l-introduzzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi trasparenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali msemmija fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/5/KE tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (3) u jippermettu l-moviment ħieles tat-tagħmir tat-terminals. Min-naħa tagħha, din it-trasparenza neċessarjament tirrikjedi l-pubblikazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi.

(9)

Id-drittijiet speċjali jew esklussivi għall-importazzjoni u t-tqegħid fis-suq tat-tagħmir tat-terminals bħal dawn iġibu sitwazzjoni li hija kuntrarja għall-iskop ta’ l-Artikolu 3(g) tat-Trattat, li jipprovdi għall-istituzzjoni ta’ sistema li ma tippermettix id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, u teħtieġ bilfors li ma tiġix eliminata l-kompetizzjoni. L-Istati Membri għandhom l-obbligu skond l-Artikolu 10 tat-Trattat, li jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola l-kisba ta’ l-iskopijiet tat-Trattat, inkluż l-Artikolu 3(g). Id-drittijiet esklussivi għat-tagħmir tat-terminals għandhom għalhekk jitqiesu bħala inkompatibbli ma’ l-Artikolu 82 tat-Trattat flimkien ma’ l-Artikolu 3, u l-għotja jew iż-żamma ta’ dawn id-drittijiet minn Stat Membru hija pprojbita taħt l-Artikolu 86(1) tat-Trattat.

(10)

Sabiex l-utenti jkollhom aċċess għat-tagħmir tat-terminals ta’ l-għażla tagħhom, huwa meħtieġ li jkunu magħrufa u magħmula b’mod trasparenti l-karatteristiċi ta’ l-interface tan-network pubbliku li magħhom ikunu ser jiġu mqabbda t-tagħmir tat-terminals. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li l-karatteristiċi jiġu ppubblikati u li l-utenti jkollhom aċċess għall-interface tan-network pubbliku.

(11)

Biex ikunu jistgħu jqiegħdu fis-suq it-tagħmir tat-terminals tagħhom, il-fabbrikanti għandhom ikunu jafu liema speċifikazzjonijiet tekniċi jridu jissodisfaw il-prodotti tagħhom. L-Istati Membri għandhom għalhekk jifformalizzaw u jippubblikaw l-ispeċifikazzjonijiet, u għandhom jgħarrfuhom lill-Kummissjoni f’forma ta’ abbozz, skond id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni (4). Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu estiżi għall-prodotti importati minn Stati Membri oħra biss safejn ikunu meħtieġa sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti essenzjali speċifikati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/5/KE li jistgħu jkunu meħtieġa leġittimament skond il-liġi tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom, f’kull każ, iħarsu l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat, li jirrikjedu illi Stat Membru li qiegħed jimporta għandu jippermetti li tagħmir tat-terminals manifatturat legalment u mqiegħed fis-suq fi Stat Membru ieħor, jiġi importat fit-territorju tiegħu.

(12)

Sabiex tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet jiġu applikati b’mod trasparenti, oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni, is-sorveljanza kontinwa ta’ l-applikazzjoni tagħhom ma tistax titħalla f’idejn kompetitur fis-suq tat-tagħmir tat-terminals minħabba konflitt ovvju ta’ interessi. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw illi l-kontroll jingħata lil entita' indipendenti ta’ l-operatur tan-network u ta’ kull kompetitur ieħor fis-suq fil-kwistjoni.

(13)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(1)

“tagħmir tat-terminals”:

(a)

ifisser tagħmir direttament jew indirettament konness ma’ l-interface ta’ network tat-telekomunikazzjoni pubblika sabiex jibgħat, jipproċessa jew jirċievi informazzjoni; f’kull każ, direttament jew indirettament, il-konnessjoni tista’ ssir bil-wajer, fibra ottika jew b’mod elettromanjetiku; konnessjoni hija indiretta jekk jitqiegħed tagħmir bejn it-terminal u l-interface tan-network;

(b)

tagħmir ta’ stazzjon terrestri bis-satellita;

(2)

“tagħmir ta’ stazzjon terrestri bis-satellita” tfisser it-tagħmir kollu li jkun kapaċi biex jiġi użat għat-trasmissjoni (trasmissjoni biss), għat-trasmissjoni u r-riċeviment (trasmissjoni/ riċeviment), jew għar-riċeviment biss (riċeviment biss) tas-sinjali ta’ radjukomunikazzjoni permezz tas-satelliti jew sistemi oħra bbażati fuq l-ispazju;

(3)

“intrapriża” tfisser korp pubbliku jew privat, li jiġi mogħti minn Stat Membru drittijiet speċjali jew esklussivi għall-implimentazzjoni, it-tqegħid fis-suq, il-kollegament, it-tqegħid fis-servizz ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjoni jew manutenzjoni ta’ dan it-tagħmir;

(4)

“drittijiet speċjali” tfisser drittijiet li jingħataw minn Stat Membru lil għadd limitat ta’ intrapriżi, permezz ta’ strument leġislattiv, regolatorju jew amministrativ, li, f’ċerta żona ġeografika,

(a)

jillimita għal tnejn jew aktar l-għadd ta’ intrapriżi bħal dawn, b’mod ieħor milli skond kriterji oġġettivi, proporzjonali u mhux diskriminatorji, jew

(b)

jinnomina, b’mod ieħor milli skond il-kriterji msemmija fil-punt (a), bosta intrapriżi li jikkompetu, jew

(ċ)

jikkonferixxi fuq kwalunkwe intrapriża jew intrapriżi, b’mod ieħor milli skond il-kriterji msemmija fil-punt (a) u (b), il-vantaġġi legali u regolatorji kollha li sostanzjalment jaffettwaw il-ħila ta’ kull intrapriża oħra li timporta, tqiegħed fis-suq, tikkonnettja, iddaħħal fis-servizz u/jew tqiegħed fis-servizz tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet fl-istess żona ġeografika taħt kondizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti.

Artikolu 2

L-Istati Membri li taw drittijiet speċjali jew drittijiet esklussivi lill-intrapriżi għandhom jassiguraw li d-drittijiet esklussivi kollha jiġu rtirati, kif ukoll dawk id-drittijiet speċjali li:

(a)

jillimitaw għal tnejn jew aktar l-għadd ta’ l-intrapriżi b’mod ieħor milli skond kriterji oġġettivi, proporzjonali u mhux diskriminatorji, jew

(b)

jinnominaw, b’mod ieħor milli skond il-kriterji msemmija fil-punt (a), bosta intrapriżi li jikkompetu.

Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda u l-abbozzi ta’ leġislazzjoni introdotti għal dak il-għan.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-operaturi ekonomiċi jkollhom id-dritt li jimportaw, iqiegħdu fis-suq, jikkonnettjaw, iqiegħdu fis-servizz u jagħmlu manutenzjoni fuq tagħmir tat-terminals.

Minkejja dan, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

fil-każ ta’ tagħmir ta’ stazzjon terrestri bis-satellita, jirrifjutaw li jippermettu li dan it-tagħmir jiġi konness man-network pubbliku tat-telekomunikazzjonijiet jew jinġieb fis-servizz fejn dan ma jissodisfax ir-regolamenti tekniċi komuni adottati skond id-Direttiva 1999/5/KE jew, fl-assenza tiegħu, il-ħtieġa essenzjali stabbilita fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva; fl-assenza ta’ regoli tekniċi komuni jew ta’ kondizzjonijiet regolatorji armonizzati, ir-regoli nazzjonali għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-ħtiġiet essenzali u għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skond id-Direttiva 98/34/KE fejn id-Direttiva hekk titlob;

(b)

fil-każ ta’ tagħmir ieħor tat-terminals, jirrifjutaw li jippermettu li dan it-tagħmir jiġi konness man-network pubbliku tat-telekomunikazzjonijiet fejn dan it-tagħmir ma jissodisfax ir-regolamenti komuni relevanti adottati skond id-Direttiva 1999/5/KE jew, fl-assenza tiegħu, il-ħtiġiet essenzali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik di-Direttiva;

(ċ)

jirrikjedu operaturi ekonomiċi li jkollhom fil-pussess tagħhom kwalifika teknika approprjata sabiex jikkonnettjaw, iqiegħdu fis-servizz u jagħmlu manutenzjoni fuq tagħmir tat-terminals fuq bażi ta’ kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jaraw li l-utenti jkollhom aċċess għal punti ġodda ta’ interfaces pubbliċi u li l-karatteristiċi fiżiċi ta’ dawn il-punti jiġu ppubblikati mill-utenti tan-network pubbliku tat-telekomunikazzjonijiet.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-ispeċifikazzjonijiet għal tagħmir tat-terminals jiġu formalizzati u ppubblikati.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f’forma ta’ abbozz lill-Kummissjoni skond id-Direttiva 98/34/KE.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tiġi delegata lill-korp li jkun indipendenti mill-intrapriżi pubbliċi jew privati li joffri oġġetti u/jew servizzi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

Artikolu 7

Fl-aħħar ta’ kull sena l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport li jippermettilha li tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2, 3, u 6 humiex qed jiġu mħarsa.

Sinopsis tar-rapport jinstab fl-Anness I.

Artikolu 8

Id-Direttiva 88/301/KEE, kif emendata mid-Direttiva mniżżla fl-Anness II, Parti A hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 9

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 131, 27.5.1988, p. 73. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 94/46/KE (ĠU L 268, 19.10.1994, p. 15).

(2)  Ara l-Anness II, Parti A.

(3)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81).


ANNESS I

Sinopsi tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 7

Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 2

Tagħmir tat-terminals li għalih qiegħda tiġi jew ġiet modifikata l-leġislazzjoni.

Skond il-kategorija tat-tagħmir tat-terminals:

data ta’ adozzjoni tal-miżura jew

data ta’ l-introduzzjoni ta’ l-abbozz jew

data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura.

Implimentazzjoni ta’ l- Artikolu 3

tagħmir tat-terminals, li l-kollegament u/jew it-tqegħid fis-servizz tiegħu kien limitat,

kwalifiki tekniċi meħtieġa, waqt li tingħata referenza tal-pubblikazzjoni tagħhom.

Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 4

referenza ta’ pubblikazzjoni li fihom jiġu speċifikati l-karatteristiċi,

għadd ta’ punti ta’ l-interface ta’ netwerks pubbliċi eżistenti,

għadd ta’ punti ta’ l-interface ta’ netwerks pubbliċi emendati.

L-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 6

ħatra tal-korp jew korpi indipendenti.


ANNESS II

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendi tagħha

(imsemmi fl-Artikolu 8)

Direttiva tal-Kummissjoni 88/301/KEE

(ĠU L 131, 27.5.1988, p. 73)

Direttiva tal-Kummissjoni 94/46/KE

(ĠU L 268, 19.10.1994, p. 15)

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmi fl-Artikolu 8)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

88/301/KEE

94/46/KE

8 ta’ Awwissu 1995


ANNESS III

Tabella ta’ korrelazzjoni

Direttiva 88/301/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1, kliem tal-bidu

Artikolu 1, kliem tal-bidu

Artikolu 1, l-ewwel inċiż, l-ewwel u t-tieni frażi

Artikolu 1(1)(a)

Artikolu 1, l-ewwel inċiż, l-aħħar frażi

Artikolu 1 (1)(b)

Artikolu 1, it-tieni inċiż

Artikolu 1(3)

Artikolu 1, it-tielet inċiż, kliem tal-bidu

Artikolu 1(4), kliem tal-bidu

Artikolu 1, it-tielet inċiż, l-ewwel sub-inċiż

Artikolu 1(4)(a)

Artikolu 1, it-tielet inċiż, it-tieni sub-inċiż

Artikolu 1(4)(b)

Artikolu 1, it-tielet inċiż, it-tielet sub-inċiż

Artikolu 1(4)(ċ)

Artikolu 1, ir-raba’ inċiż

Artikolu 1(2)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3, l-ewwel frażi

Artikolu 3, l-ewwel paragrafu

Artikolu 3, it-tieni frażi

Artikolu 3, it-tieni paragrafu, kliem tal-bidu

Artikolu 3, l-ewwel inċiż

Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (a)

Artikolu 3, it-tieni inċiż

Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (b)

Artikolu 3, it-tielet inċiż

Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (ċ)

Artikolu 4, l-ewwel paragrafu

Artikolu 4

Artikolu 4, it-tieni paragrafu

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2), l-ewwel frażi

Artikolu 5, l-ewwel paragrafu

Artikolu 5(2), it-tieni frażi

Artikolu 5, it-tieni paragrafu

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 7

Artikolu 10

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 11

Artikolu 10

Anness I

Anness II

Anness I

Anness II

Anness III