21.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 162/13


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/62/KE

ta’ l-20 ta’ Ġunju 2008

li tipprevedi ċerti derogi għall-approvazzjoni ta’ landraces (tipi partikolari) u varjetajiet agrikoli li huma adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda minn tagħwir ġenetiku, u t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa ta’ dawk il-landraces u varjetajiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti ta’ l-għalf (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22a(1)(b) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22a(1)(b) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(6), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 21 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa tal-pitravi (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 30(1)(b) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 27(1)(b) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (6), u b'mod partikolari l-Artikolu 27(1)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Il-mistoqsijiet dwar il-bijodiversità u l-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti kibru fl-importanza tagħhom matul dawn l-aħħar snin, kif huwa rifless fi żviluppi differenti fuq livell internazzjonali u Komunitarju. L-eżempji jinkludu d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (7), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869/KE ta’ l-24 ta’ Frar 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (8), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 870/2004 tas-24 ta’ April 2004 li jistabbilixxi programm tal-Komunità dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1467/94 (9), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (10). Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja li tirregola t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti agrikoli, li huma d-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/56/KE u 2002/57/KE, sabiex jitqiesu dawn il-kwistjonijiet.

(2)

Sabiex ikunu żgurati l-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, għandhom jitkabbru landraces u varjetajiet li huma adattati b'mod naturali għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda mill-erożjoni ġenetika (“varjetajiet ta’ konservazzjoni”) kif ukoll jitqiegħdu fis-suq anki fejn ma jkunux konformi mar-rekwiżiti ġenerali b’rigward l-aċċettazzjoni ta’ varjetajiet u t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa. Sabiex jinkiseb dan il-għan huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti derogi fir-rigward ta’ l-aċċettazzjoni ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni, għall-inklużjoni fil-katalgi nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli kif ukoll għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa ta’ dawk il-varjetajiet.

(3)

Dawk id-derogi għandhom ikunu dwar ir-rekwiżiti sustantivi għall-approvazzjoni ta’ varjetà u r-rekwiżiti proċedurali previsti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/90/KE tas-6 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE fir-rigward tal-karatteristiċi li għandhom jiġu koperti bħala minimu mill-eżaminar u l-kundizzjonijiet minimi għall-eżaminar ta’ ċerti varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (11).

(4)

L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, ikunu awtorizzati li jadottaw id-dispożizzjonijiet tagħhom stess fir-rigward ta’ preċiżjoni, stabbiltà u uniformità. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fir-rigward tal-preċiżjoni u l-istabbiltà, minn ta’ l-inqas ikunu msejsa fuq il-karatteristiċi elenkati fil-kwestjonarju tekniku li jrid jimtela mill-applikant b'konnessjoni ma’ l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-varjetà kif imsemmi fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2003/90/KE. Fejn l-uniformità hija stabbilita fuq il-bażi ta’ off-types, id-dipożizzjonijiet għandhom jissejsu fuq standards definiti.

(5)

Għandhom jiġu pprovduti rekwiziti proċedurali li taħthom varjetà tista’ tiġi aċċettata mingħajr eżaminar uffiċjali. B’żieda ma’ dan, fir-rigward tad-denominazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti ċerti derogi mir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2002/53/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 930/2000 ta’ l-4 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-adattabilità tad-denominazzjonijiet ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli u speċi ta’ ħxejjex (12).

(6)

Fir-rigward tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni, għandha tiġi prevista deroga miċ-ċertifikazzjoni uffiċjali.

(7)

Biex ikun żgurat li t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni jseħħ fil-kuntest tal-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, għandhom jiġi previsti restrizzjoniijiet, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġjun ta’ l-oriġini. Sabiex jikkontribwixxu għall-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli ta’ dawn il-varjetajiet, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li japprovaw reġjuni addizzjonali fejn żerriegħa li taqbeż il-kwantitajiet meħtieġa biex tkun żgurata l-konservazzjoni tal-varjetà kkonċernata fir-reġjun ta’ oriġini tagħha tista’ titqiegħed fis-suq, dan sakemm dawn ir-reġjuni addizzjonali huma komparabbli fir-rigward ta’ ambjenti naturali u seminaturali. Biex ikun żgurat li r-rabta mar-reġjun ta’ oriġini tigi mħarsa, dan ma għandux japplika fejn Stat Membru japprova reġjuni addizzjonali ta’ produzzjoni.

(8)

Għandhom jiġu stabbiliti kwantitajiet massimi għat-tqegħid fis-suq ta’ kull varjetà ta’ konservazzjoni fi ħdan speċi waħda u kwantità sħiħa għall-varjetajiet kollha ta’ konservazzjoni fi ħdan speċi waħda flimkien. Biex ikun żgurat li dawn il-kwantitajiet ikunu rispettati, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-produtturi biex jinnotifikaw il-kwantitajiet tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni li beħsiebhom jipproduċu u għandhom jallokaw il-kwantitajiet lill-produtturi.

(9)

It-traċċabilità taż-żerriegħa u l-patata taż-żerriegħa għandha tiġi żgurata permezz ta’ rekwiżiti ta’ issiġillar u tikkettar xierqa.

(10)

Biex ikun żgurat li r-regoli previsti f’din id-Direttiva jkunu applikati b’mod xieraq, il-ġabra ta’ żrieragħ għandha tkun sorveljata, iż-żerriegħa għandha tkun ittestjata u wara għandhom jitwettqu kontrolli uffiċjali. L-ammonti ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni li jitqiegħdu fis-suq għandhom jiġu rrapurtati mill-fornituri lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(11)

Wara tliet snin il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-miżuri previsti f'din id-Direttiva, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet kwantitattivi, humiex effettivi.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Forestrija,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

KONTENUT U TIFSIRIET

Artikolu 1

Kontenut

1.   Fir-rigward ta’ l-ispeċi agrikoli koperti mid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/56/KE u 2002/57/KE, din id-Direttiva tistipula ċerti derogi, dwar il-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti permezz tat-tkabbir u t-tqegħid fis-suq:

(a)

għall-approvazzjoni ta’ l-inklużjoni fil-katalgi nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ speċi tal-pjanti agrikoli, kif previsit fid-Direttiva 2002/53/KE, ta’ landraces u varjetajiet li huma adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda minn tagħwir ġenetiku;

(b)

għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa ta’ landraces u varjetajiet bħal dawn.

2.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/56/KE u 2002/57/KE.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a)

“konservazzjoni in-situ” tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ambjent naturali tiegħu u, fil-każ ta’ speċi ta’ pjanti kkultivati, f'ambjenti kkultivati fejn dawn żviluppaw il-proprjetajiet distintivi tagħhom;

(b)

“tagħwir ġenetiku” tfisser telf ta’ diversità ġenetika bejn u ġewwa popolazzjonijiet u varjetajiet ta’ l-istess speċi biż-żmien, jew tnaqqis fil-bażi ġenetika ta’ speċi kawża ta’ intervenzjoni umana jew bidla fl-ambjent;

(ċ)

“landrace” tfisser sett ta’ popolazzjonijiet jew kloni ta’ speċi ta’ pjanti li huma adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet ambjentali tar-reġjun tagħhom;

(d)

“żerriegħa” tfisser żerriegħa u patata taż-żerriegħa, sakemm il-patata taż-żerriegħa ma tkunax eskluż espressament.

KAPITOLU II

APPROVAZZJONI TA’ VARJETAJIET TA’ KONSERVAZZJONI

Artikolu 3

Varjetà ta’ konservazzjoni

Fil-katalgi nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw il-landraces u l-varjetajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) soġġetti għar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 4 u 5. Landraces jew varjetajiet bħal dawn għandhom jitniżżlu fil-katalgu komuni tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli bħala “varjetajiet ta’ konservazzjoni”.

Artikolu 4

Rekwiżiti sostantivi

1.   Sabiex tkun approvata bħala varjetà ta’ konservazzjoni, landrace jew varjetà msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) għandha tippreżenta interess għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti.

2.   B’deroga mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/90/KE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw id-dispożizzjonijiet tagħhom stess fir-rigward ta’ preċiżjoni, stabbilità u uniformità ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni.

F’każijiet bħal dawn l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-preċiżjoni u l-istabbiltà ta’ l-anqas għandhom japplikaw il-karatteristiċi li huma msemmija:

(a)

fil-kwestjonarji tekniċi assoċjati mal-protokolli tat-test ta’ l-Uffiċċju Komunitarju dwar il-Varjetà tal-Pjanti (CPVO) elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/90/KE, li japplikaw għal dawk l-ispeċi, jew

(b)

fil-kwestjonarji tekniċi tal-linji ta’ gwida ta’ l-Unjoni Internazzjonali għall-Ħarsien ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPOV) elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2003/90/KE, li tapplika għal dawk l-ispeċi.

Għall-evalwazzjoni ta’ l-uniformità għandha tapplika d-Direttiva 2003/90/KE.

Madankollu, jekk il-livell ta’ uniformità huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ off-types, għandhom japplikaw standard tal-popolazzjoni ta’ 10 % u probabbiltà ta’ approvazzjoni ta’ mill-anqas 90 %.

Artikolu 5

Rekwiżiti proċedurali

B’deroga mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2002/53/KE, ma għandux ikun meħtieġ eżaminar uffiċjali jekk it-tagħrif li ġej huwa biżżejjed għad-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni:

(a)

deskrizzjoni tal-varjetà ta’ konservazzjoni u d-denominazzjoni tagħha;

(b)

ir-riżultati ta’ testijiet mhux uffiċjali;

(ċ)

għarfien miksub minn esperjenza prattika matul il-kultivazzjoni, ir-riproduzzjoni u l-użu, kif nnotifikat mill-applikant ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

(d)

tagħrif ieħor, b’mod partikolari minn awtoritajiet ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti jew minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti għal dan l-għan mill-Istati Membri.

Artikolu 6

L-esklużjoni ta’ l-approvazzjoni

Varjetà ta’ konservazzjoni ma għandhiex tiġi aċċettata għall-inklużjoni fil-katalgi nazzjonali tal-varjetajiet jekk:

(a)

hija diġà elenkata fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli bħala varjetà differenti minn varjetà ta’ konservazzjoni, jew tkun tneħħiet mill-katalgu komuni matul l-aħħar sentejn, jew matul l-aħħar sentejn mill-iskadenza tal-perjodu mogħti skond l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/53/KE, jew

(b)

hija mħarsa mid-dritt Komunitarju tal-varjetà tal-pjanti kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 (13), jew bid-dritt nazzjonali tal-varjetà tal-pjanti, jew l-applikazzjoni għal dritt bħal dan hija pendenti.

Artikolu 7

Denominazzjoni

1.   Fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni li kienu jafu bihom qabel il-25 ta’ Mejju 2000, l-Istati Membri jistgħu jippermettu derogi mir-Regolament (KE) Nru 930/2000, għajr għal meta derogi bħal dawn jiksru drittijiet preċedenti ta’ parti terza mħarsa skond l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Minkejja l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2002/53/KE, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw aktar minn isem wieħed għal varjetà jekk l-ismijiet huma magħrufa storikament.

Artikolu 8

Reġjun ta’ oriġini

1.   Meta Stat Membru jaċċetta varjetà ta’ konservazzjoni, dan għandu jidentifika r-reġjun, jew reġjuni, li fl-imgħoddi tkabbret il-varjetà fih u li ġiet adattata b’mod naturali għalih, minn hawn 'il quddiem “reġjun ta’ l-oriġini”. Għandu jqis ukoll tagħrif minn awtoritajiet ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti jew minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti għal dak l-għan mill-Istati Membri.

Fejn ir-reġjun ta’ l-oriġini jinsab f’aktar minn Stat Membru wieħed, dan għandu jiġi identifikat mill-Istati Membri kollha kkonċernati permezz ta’ ftehim komuni.

2.   L-Istat Membru jew Stati Membri li jwettqu l-identifikazzjoni tar-reġjun ta’ l-oriġini għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-reġjun identifikat.

Artikolu 9

Manutenzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-varjetà ta’ konservazzjoni trid tinżamm fir-reġjun ta’ l-oriġini tagħha.

KAPITOLU III

IL-PRODUZZJONI U T-TQEGĦID FIS-SUQ TAŻ-ŻERRIEGĦA

Artikolu 10

Ċertifikazzjoni

1.   B’deroga mir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 66/401/KEE, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 66/402/KEE, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/54/KE, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/56/KE u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/57/KE, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li żerriegħa ta’ varjetà ta’ konservazzjoni tista’ titqiegħed fis-suq jekk tkun konformi mal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Iż-żerriegħa għandha tkun ġejja minn żerriegħa prodotta skond il-prassi mfissra sew għall-manutenzjoni tal-varjetà.

3.   Iż-żerriegħa, għajr għaż-żerriegħa Oryza sativa, għandha tkun konformi mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata prevista fid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/56/KE u 2002/57/KE, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward tal-purità minima tal-varjetà u r-rekwiżiti dwar l-eżaminar uffiċjali jew l-eżaminar taħt superviżjoni uffiċjali.

Iż-żerriegħa ta’ Oryza sativa għandha tkun konformi mar-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni ta’ “żerriegħa ċċertifikata, it-tieni ġenerazzjoni” prevista fid-Direttiva 66/402/KEE, għajr għar-rekwiżiti fir-rigward tal-purità minima għall-varjetà u r-rekwiżiti dwar l-eżaminar uffiċjali jew l-eżaminar taħt superviżjoni uffiċjali.

Iż-żerriegħa għandu jkollha purità tal-varjetà suffiċjenti.

4.   Fir-rigward tal-patata taż-żerriegħa, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/56/KE rigward id-daqs ma għandux japplika.

Artikolu 11

Ir-reġjun tal-produzzjoni taż-żerriegħa

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żerriegħa ta’ varjetà ta’ konservazzjoni tista’ tiġi prodotta biss fir-reġjun ta’ l-oriġini.

Jekk il-kundizzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni previsti fl-Artikolu 10(3) ma jistgħux jiġu sodisfatti f’dak ir-reġjun, kawża ta’ problema ambjentali speċifika, l-Istati Membri jistgħu japprovaw reġjuni addizzjonali għall-produzzjoni taż-żerriegħa, filwaqt li jqisu tagħrif minn awtoritajiet ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti jew minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti għal dan l-għan mill-Istati Membri. Madankollu, iż-żerriegħa prodotta f’dawk ir-reġjuni addizzjonali jistgħu jintużaw esklussivament fir-reġjuni ta’ l-oriġini.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bir-reġjuni addizzjonali li beħsiebhom japprovaw għall-produzzjoni taż-żerriegħa skond il-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħrajn jistgħu, fi żmien 20 jum ta’ xogħol minn meta jirċievu dawk in-notifiki, jitolbu li l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Forestrija. Għandha tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 22a(1)(b) tad-Direttiva 66/401/KEE, l-Artikolu 22a(1)(b) tad-Direttiva 66/402/KEE, l-Artikolu 4(6), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2002/53/KE, l-Artikolu 30(1)(b) tad-Direttiva 2002/54/KE, l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 2002/56/KE u l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 2002/57/KE, kif xieraq, biex tistipula, jekk meħtieġ, restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet għall-għażla ta’ dawn ir-reġjuni.

Jekk la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma jagħmlu talba skond it-tieni sottoparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ japprova r-reġjuni addizzjonali għall-produzzjoni taż-żerriegħa kif innotifikat.

Artikolu 12

Ittestjar taż-żerriegħa

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitwettqu testijiet sabiex ikun ivverifikat li ż-żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni previsti fl-Artikolu 10(3).

Testijiet bħal dawn għandhom jitwettqu skond il-metodi internazzjonali attwali, jew, fejn dawn il-metodi ma jeżistux, skond kwalunkwe metodi xierqa.

2.   Għat-testijiet msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kampjuni jittieħdu minn ammonti omoġenji. Għandhom jiżguraw li r-regoli dwar il-piż ta’ l-ammont u l-piż tal-kampjun previsti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 66/401/KEE, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 66/402/KEE, l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2002/54/KE u l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2002/57/KE huma applikati.

Artikolu 13

Kundizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li żerriegħa ta’ varjetà ta’ konservazzjoni tista’ titqiegħed fis-suq biss soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ġiet prodotta fir-reġjun ta’ l-oriġini tagħha jew f’reġjun imsemmi fl-Artikolu 11;

(b)

it-tqegħid fis-suq iseħħ fir-reġjun ta’ oriġini tagħha.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1(b), Stat Membru jista’ jipprovdi reġjuni addizzjonali fit-territorju tiegħu għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ varjetà ta’ konservazzjoni, dan sakemm dawk ir-reġjuni huma komparabbli mar-reġjun ta’ oriġini fir-rigward ta’ l-ambjenti naturali u seminaturali ta’ dik il-varjetà.

Fejn l-Istati Membri japprovaw reġjuni addizzjonali bħal dawn, għandhom jiżguraw li l-ammont ta’ żerriegħa meħtieġa għall-produzzjoni ta’ mill-anqas il-kwantità ta’ żerriegħa msemmija fl-Artikolu 14 titwarrab biex titħares il-varjetà fir-reġjun ta’ oriġini tagħha.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħrajn dwar l-approvazzjoni ta’ reġjuni addizzjonali bħal dawn.

3.   Fejn Stat Membru japprova reġjuni addizzjonali għall-produzzjoni ta’ żerriegħa skond l-Artikolu 11, dan ma għandux juża d-deroga prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Restrizzjonijiet kwantitattivi

Kull Stat Membru għandu jiżgura li, għal kull varjetà ta’ konservazzjoni, il-kwantità ta’ żerriegħa li titqiegħed fis-suq ma taqbiżx 0.5 % taż-żerriegħa ta’ l-istess speċi użata f'dak l-Istat Membri fi staġun wieħed ta’ tkabbir, jew tal-kwantità meħtieġa biex jinżergħu 100 ettaru, skond liema minnhom tkun l-akbar kwantità. Għall-ispeċi Pisum sativum, Triticum spp., Hordeum vulgare, Zea mays, Solanum tuberosum, Brassica napus u Helianthus annuus, dak il-perċentwali ma għandux jaqbeż 0.3 %, jew il-kwantità meħtieġa biex jinżergħu 100 ettaru, skond liema tkun l-akbar kwantità.

Madankollu, il-kwantità totali ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni li jitqiegħdu fis-suq f’kull Stat Membri ma għandhiex taqbeż l-10 % taż-żerriegħa ta’ l-ispeċi kkonċernata użata kull sena fl-Istat Membru. F’każi fejn dan iwassal għal kwantità anqas minn dik meħtieġa biex jinżergħu 100 ettaru, l-ammont massimu ta’ żerriegħa ta’ l-ispeċi kkonċernati użat fis-sena fl-Istat Membru jista jiżdied biex jilħaq l-ammont meħtieġ biex jinżergħu 100 ettaru.

Artikolu 15

L-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jinnotifikawhom qabel il-bidu ta’ kull staġun ta’ produzzjoni bid-daqs u l-lokalità taż-żona għall-produzzjoni taż-żerriegħa.

2.   Jekk, skond in-notifiki msemmija fil-paragrafu 1, il-kwantitajiet stipulati fl-Artikolu 14 wisq probabbli jinqabżu, l-Istati Membri għandhom jallokaw lil kull produttur ikkonċernat il-kwantità li jista’ jqiegħed fis-suq fl-istaġun ta’ produzzjoni rispettiv.

Artikolu 16

Is-sorveljanza tal-ġabra taż-żrieragħ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw permezz ta’ sorveljanza uffiċjali li l-ġabra taż-żerriegħa ta’ varjetà ta’ konservazzjoni tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, b'attenzjoni partikolari fuq il-varjetà, il-lokalitajiet tal-produzzjoni taż-żerriegħa u l-kwantitajiet.

Artikolu 17

L-issiġillar ta’ pakketti u kontenituri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni tista’ titqiegħed fis-suq biss f’pakketti u kontenituri magħluqa li juru l-marka tas-siġill.

2.   Il-pakketti u kontenituri taż-żerriegħa għandhom jiġu ssiġillati mill-fornitur b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinfetħu mingħajr ma jsir dannu lis-sistema tas-siġill jew mingħajr ma titħalla evidenza li xi ħadd bagħbas it-tikketta tal-fornitur, jew il-pakkett jew il-kontenitur.

3.   Sabiex ikun żgurat issiġillar skond il-paragrafu 2, is-sistema ta’ ssiġillar għandu jkollha ta’ l-anqas it-tikketta jew it-twaħħil ta’ siġill.

Artikolu 18

It-tikkettar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pakketti jew kontenituri ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni jkollhom tikketta tal-fornitur jew nota stampata jew ittimbrata li tinkludi t-tagħrif li ġej:

(a)

il-kliem “Regoli u Standards tal-KE”;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-persuna responsabbli għat-twaħħil tat-tikketti jew il-marka ta’ l-identifikazzjoni tiegħu;

(ċ)

is-sena tas-siġill espressa bħala: “issiġillat…” (sena), jew, għajr għal patata taż-żerriegħa, is-sena ta’ l-aħħar teħid ta’ kampjuni għall-għanijiet ta’ l-aħħar ittestjar tal-ġelbin espress bħala: “kampjun…” (sena);

(d)

l-ispeċi;

(e)

id-denominazzjoni tal-varjetà ta’ konservazzjoni;

(f)

il-kliem “varjetà ta’ konservazzjoni”;

(g)

ir-reġjun ta’ l-oriġini;

(h)

fejn ir-reġjun tal-produzzjoni taż-żerriegħa huwa differenti mir-reġjun ta’ l-oriġini, l-indikazzjoni tar-reġjun tal-produzzjoni taż-żerriegħa;

(i)

in-numru ta’ referenza ta’ l-ammont mogħti mill-persuna responsabbli għat-twaħħil tat-tikketti;

(j)

il-piż nett jew gross iddikjarat, jew, għajr għall-patata taż-żerriegħa, in-numru ta’ żrieragħ iddikjarati;

(k)

fejn il-piż huwa indikat u fejn jintużaw pestiċidi mrammla, sustanzi ta’ pelleting jew addittivi solidi oħrajn, in-natura tat-trattament kimiku jew ta’ l-addittiv kif ukoll il-proporzjon approssimattiv bejn il-piż ta’ għanqud ta’ żerriegħa pura u l-piż totali għandhom ikunu indikati, għajr għall-patata taż-żerriegħa.

Artikolu 19

Kontroll ta’ wara uffiċjali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żerriegħa hija soġġetta għal kontroll ta’ wara uffiċjali bi spezzjonijiet għal għarrieda biex jivverifikaw l-identità u l-purità tal-varjetà.

KAPITLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 20

Ir-rappurtaġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri li joperaw fit-territorju tagħhom jirrappurtaw, għal kull staġun ta’ produzzjoni, l-ammont ta’ żerriegħa għal kull varjetà ta’ konservazzjoni li titqiegħed fis-suq.

L-Istati Membri għandhom jirrapurtaw, fuq talba tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri oħrajn, l-ammont ta’ żerriegħa ta’ kull varjetà ta’ konservazzjoni li jitqiegħed fis-suq fit-territorju tagħhom.

Artikolu 21

Notifika ta’ l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti msemmija fl-Artikoli 5(d), 8(1) u 11(1).

Artikolu 22

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 4, 13(2), 14 u 15 sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 23

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2009. Għandhom minnufih jibagħtu t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jibgaħtu t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Artikolu 24

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 25

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298/66. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/72/KE (ĠU L 329, 14.12.2007, p. 37).

(2)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309/66. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/55/KE (ĠU L 159, 13.6.2006, p. 13).

(3)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/117/KE (ĠU L 14, 18.1.2005, p. 18).

(5)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 60. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/908/KE (ĠU L 329, 16.12.2005, p. 37).

(6)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/117/KE.

(7)  ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

(8)  ĠU L 378, 23.12.2004, p. 1.

(9)  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 18.

(10)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 146/2008 (ĠU L 46, 21.2.2008, p. 1).

(11)  ĠU L 254, 8.10.2003, p. 7. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2007/48/KE (ĠU L 195, 27.7.2007, p. 29).

(12)  ĠU L 108, 5.5.2000, p. 3. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 920/2007 (ĠU L 201, 2.8.2007, p. 3).

(13)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.