19.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 76/50


DIRETTIVA 2008/22/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

li temenda d-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 44 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/109/KE (4) tipprovdi li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5).

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li daħħlet proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u li huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia, billi jħassru xi wħud minn dawk l-elementi jew billi jissupplimentaw l-istrument b’elementi ġodda mhux essenzjali.

(3)

Skond id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (6) dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li diġa' daħlu fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/109/KE sabiex jiġu ċċarati l-aspetti tekniċi ta’ xi wħud mid-definizzjonijiet previsti taħt dik id-Direttiva, partikolarment it-tul massimu tas-solita short settlement cycle, il-kalendarju tal-ġranet tan-negozju, iċ-ċirkostanzi li fihom persuna kellha tiġi dwar drittijiet ta’ vot akkwistati jew trasferiti, il-kundizzjonijiet ta’ l-indipendenza li għandhom jiġu rispettati minn market makers u kumpaniji ta’ amministrazzjoni; sabiex jittieħed kont ta’ l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji; sabiex tiġi ċċarata n-natura tal-valutazzjoni ta’ l-awditur, sabiex jiġi definit il-kontenut minimu tas-sett imqassar ta’ stqarrrijiet finanzjarji uniċi; sabiex jiġu elaborati aktar il-proċeduri għan-notifika u l-iżvelar ta’ pożizzjonijiet importanti fil-kapital u kif ukoll il-proċeduri sabiex tiġi reġistrata informazzjoni regolata ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ta’ min joħroġ it-titoli; sabiex jiġu definiti standards minimi għad-disseminazzjoni ta’ l-informazzjoni regolata u għat-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ ħażna. Billi dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva 2004/109/KE, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi mhux essenzjali ġodda, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Id-Direttiva 2004/109/KE ipprovdiet għal limitu ta’ żmien għas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni. Fid-dikjarazzjoni tagħhom dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw li d-Deċiżjoni 2006/512/KE tipprovdi soluzzjoni orizzontali u sodisfaċenti għax-xewqa tal-Parlament Ewropew li janalizza l-implimentazzjoni ta’ l-istrumenti adottati taħt il-proċedura ta’ kodeċiżjoni u li, f’konformità ma’ dan, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni mingħajr limitu ta’ żmien. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw ukoll li huma se jiżguraw li l-proposti mmirati għat-tħassir tad-dispożizzjonijiet fl-istrumenti li jipprovdu għal limitu ta’ żmien għad-delega ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun. Wara l-introduzzjoni tal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi dak il-limitu ta’ żmien fid-Direttiva 2004/109/KE għandha titħassar.

(6)

Il-Kummissjoni għandha, b’intervalli regolari, tanalizza l-funzjonament tad-dispożizzjonijiet rigward is-setgħat implimentattivi mogħtija lilha biex tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiddeterminaw jekk il-limitu ta’ dawn il-setgħat u r-rekwiżiti proċedurali imposti fuq il-Kummissjoni humiex adegwati u jekk dawn jiżgurawx kemm l-effikaċja kif ukoll ir-responsabbiltà demokratika.

(7)

Id-Direttiva 2004/109/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

(8)

Ladarba l-emendi lid-Direttiva 2004/109/KE permezz ta’ din id-Direttiva huma ta’ natura teknika u jirrigwardaw biss il-proċedura ta’ kumitat, huma ma jeħtiġux traspożizzjoni mill-Istati Membri. Għalhekk, m’huwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal dan il-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2004/109/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sabiex jittieħed kont ta’ l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, skond il-poċedura msemmija fl-Artikoli 27(2) u (2a), tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni dwar id-definizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari:

(a)

tistabbilixxi, għall-fini tal-paragrafu 1(i)(ii), l-arranġamenti proċedurali li bihom min joħroġ titoli jista’ jagħmel l-għażla ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini;

(b)

taġġusta, fejn xieraq għall-fini ta’ l-għażla ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini msemmi fil-paragrafu 1 (i)(ii), il-perjodu ta’ tliet snin fir-rigward tar-riżultati mgħoddija ta’ min joħroġ it-titoli fid-dawl ta’ kull obbligu ġdid taħt il-liġi tal-Komunità sabiex ikunu aċċettati għan-negozju fuq suq regolat; u

(ċ)

tistabbilixxi, għall-fini tal-paragrafu 1(1), lista indikattiva tal-mezzi li m’għandhomx jitqiesu bħala mezzi elettroniċi, sabiex b’dan jittieħed f’kunsiderazzjoni l-Anness V għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (*1) skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 27(2).

Il-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).

(*1)   ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81).”;"

(2)

l-Artikolu 5(6) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu l-kliem “, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2),” għandhom jitħassru;

(b)

it-tielet subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-miżuri msemmija fil-punt (a) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 27(2). Il-miżuri, imsemmija fil-punti (b) u (ċ), imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom ijiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).

Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll il-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 1. Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(3)

l-Artikolu 9 (7) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex jittieħed kont ta’ l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji u tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafi 2, 4 u 5. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).

Il-Kummissjoni għandha tispeċifika t-tul massimu tax-‘short settlement cycle’ imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, flimkien mal-mekkaniżmi xierqa ta’ kontroll mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).

Minbarra dan, il-Kummissjoni tista’ tfassal lista ta’ l-avvenimenti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 27(2).”;

(4)

L-Artikolu 12(8) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-kliem “, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2),” għandhom jitħassru;

(b)

għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(5)

l-Artikolu 13(2) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-kliem “, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2),” għandhom jitħassru;

(b)

għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(6)

l-Artikoli 14(2), 17(4) u 18(5) għandhom jiġu rispettivament emendati kif ġej:

(a)

il-kliem “, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2),” għandhom jitħassru;

(b)

għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(7)

l-Artikolu 19(4) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu, il-kliem “, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2),” għandhom jitħassru;

(b)

għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-miżuri msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(8)

l-Artikolu 21(4) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu, il-kliem “skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2)” jitħassru;

(b)

għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-miżuri msemmija fl-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(9)

l-Artikolu 23 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Fil-kuntest tal-punt (ii) ta’ l-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha wkoll tadotta miżuri implimentattivi li jikkonċernaw il-valutazzjoni ta’ l-istandards relevanti għal dawk li joħorġu t-titoli minn iktar minn pajjiż wieħed. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(ii)

għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fil-kuntest tas-subparagrafu preċedenti, il-Kummissjoni għandha wkoll tadotta miżuri implimentattivi mmirati biex jistabbilixxu kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza fir-rigward ta’ standards ta’ responsabbiltà relevanti għal dawk li joħorġu t-titoli minn iktar minn pajjiż wieħed. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(b)

il-paragrafu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

il-kliem “, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2),” għandhom jitħassru;

(ii)

għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(ċ)

fil-paragrafu 7 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha wkoll tadotta miżuri implimentattivi mmirati biex jistabbilixxu kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza għall-finijiet ta’ l-ewwel subparagrafu. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2a).”;

(10)

l-Artikolu 27 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2a.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

(b)

il-paragrafi 3 u 4 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, u, wara din id-data, ta’ lanqas kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tirrivedi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-setgħat ta’ implimentazzjoni u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ dawk is-setgħat. Dan ir-rapport għandu jeżamina, partikolarment, il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi emendi għad-Direttiva preżenti sabiex tiżgura l-kamp ta’ applikazzjoni xieraq tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni. Il-konklużjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa ta’ emenda jew le għandha tiġi akkumpanjata minn dikjarazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal din il-konklużjoni. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva għal modifika tad-dispożizzjonijiet li jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula, fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)   ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45.

(2)   ĠU C 39, 23.2.2007, p. 1.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Novembru 2007 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2008.

(4)   ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(5)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni hekk kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(6)   ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.