19.3.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 76/42 |
DIRETTIVA 2008/18/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta’ Marzu 2008
li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar impriżi għal investimenti kollettivi f'titoli trasferibbli (UCITS), fir-rigward tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE (3) tistipula li għandhom jiġu adottati ċerti miżuri skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxu l-proċeduri biex ikunu eżerċitati s-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4). |
(2) |
Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta' miżuri ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jħassru xi wħud minn dawk l-elementi jew billi jissupplimentaw l-istrument b'elementi mhux essenzjali ġodda. |
(3) |
Konformement mad-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE (5), sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li jkunu diġa' fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli. |
(4) |
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 85/611/KEE billi tadotta emendi tekniċi li jiċċaraw id-definizzjonijiet sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi ta' dik id-Direttiva mal-Komunità kollha, u tallinja t-terminoloġija u tistabbilixxi definizzjonijiet konformement ma' atti sussegwenti dwar il-UCITS u materji relatati. Ladarba dawk il-miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali, u huma maħsuba biex jiġu emendati elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 85/611/KEE, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. |
(5) |
Id-Direttiva 85/611/KEE għandha għaldaqstant tiġi emendata kif meħtieġ. |
(6) |
Ladarba l-emendi lid-Direttiva 85/611/KEE permezz ta' din id-Direttiva huma ta' natura teknika u jikkonċernaw biss il-proċedura ta' kumitat, dawn ma jeħtiġux traspożizzjoni fl-Istati Membri. Għaldaqstant, m'huwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal dan il-għan, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi
L-Artikoli 53a u 53b tad-Direttiva 85/611/KEE huma sostitwiti b'dan li ġej:
“Artikolu 53a
Il-Kummissjoni għandha tadotta emendi tekniċi għal din id-Direttiva fl-oqsma li ġejjin:
(a) |
kjarifika tad-definizzjonijiet biex tkun żgurata applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva mal-Komunità kollha; |
(b) |
konformità tat-terminoloġija u t-tfassil ta' definizzjonijiet skond atti sussegwenti tal-UCITS u materji relatati. |
Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 53b(2).
Artikolu 53b
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tat-Titoli Ewropej, imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE (*).
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-diżpożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J. LENARČIČ
(1) ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Lulju 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 2008.
(3) ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 79, 24.3.2005, p. 9).
(4) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(5) ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.