29.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 24/30 |
DIRETTIVA 2008/2/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Jannar 2008
dwar il-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija
(Verżjoni kodifikata)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 74/347/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija (3) ġiet emendata b’mod sostanzjali diversi drabi (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, id-Direttiva msemmija għandha tiġi kkodifikata. |
(2) |
Id-Direttiva 74/347/KEE hija waħda mid-Direttivi separati li għandhom x’jaqsmu mas-sistema ta’ l-approvazzjoni tat-tip KE prevista fid-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati (5), u li stabbiliet preskrizzjonijiet tekniċi dwar il-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija. Dawn il-preskrizzjonijiet tekniċi jikkonċernaw l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri sabiex jippermettu l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip KE, prevista mid-Direttiva 2003/37/KE għal kull tip ta’ trattur. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/37/KE fir-rigward ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati ta’ dawn il-vetturi japplikaw għal din id-Direttiva. |
(3) |
Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi kif stabbiliti fil-Parti B ta’ l-Anness II, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
1. “Trattur għall-agrikoltura jew għall-forestrija” tfisser kull vettura bil-mutur, mgħammra bir-roti jew b’ċineg mingħajr tarf u li jkollha għall-anqas żewġ fusien, li l-funzjoni prinċipali tagħha tinsab fil-qawwa tal-ġibda tagħha u li tkun diżinjata b’mod speċjali sabiex tirmonka, timbotta, iġġorr jew tħaddem għodod, makkinarju jew karrijiet intiżi għall-użu fl-agrikoltura jew fil-forestrija. Din tista’ jkun mgħammra sabiex iġġorr tagħbija jew passiġġieri.
2. Din id-Direttiva għandha tapplika biss għal tratturi definiti fil-paragrafu 1 li jkunu mgħammra b’tyres pnewmatiċi u li jkollhom veloċità massima, skond id-disinn tagħhom, ta’ bejn is-6 u l-40 km/siegħa.
Artikolu 2
L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tat-tip KE jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal trattur għal raġunijiet relatati mal-wipers tal-windscreen jekk dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.
Artikolu 3
L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jirreġistra jew jipprojbixxi l-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta’ tratturi għal raġunijiet relatatimal-wipers tal-windscreen jekk dawn dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.
Artikolu 4
L-emendi meħtieġa sabiex jiġu adattati r-rekwiżiti ta’ l-Anness I għall-progress tekniku għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2003/37/KE.
Artikolu 5
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 6
Id-Direttiva 74/347/KEE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fil-Parti A ta’ l-Anness II, hija b'dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u ma’ l-applikazzjoni tad-Direttivi kif stabbiliti fil-Parti B ta’ l-Anness II.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.
Artikolu 7
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Mejju 2008.
Artikolu 8
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Strasburgu, 15 ta’ Jannar 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J. LENARČIČ
(1) ĠU C 161, 13.7.2007, p. 35.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2007 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2007.
(3) ĠU L 191, 15.7.1974, p. 5. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/54/KE (ĠU L 277, 10.10.1997, p. 24).
(4) Ara l-Anness II, Parti A.
(5) ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81).
ANNESS I
FIRXA TAL-VIŻJONI
DEFINIZZJONIJIET U REKIŻITI
1. DEFINIZZJONIJIET
1.1. Firxa tal-viżjoni
“Firxa tal-viżjoni” tfisser id-direzzjonijiet kollha ‘l quddiem u laterali li fihom is sewwieq tat-trattur ikun jista’ jara.
1.2. Punt ta’ referenza
“Punt ta’ referenza” tfisser il-pożizzjoni, stabbilita permezz tal-konvenzjoni, ta’ l għajnejn tas-sewwieq tat-trattur nozjonalment lokalizzati f’punt partikolari. Il-punt ta’ referenza qiegħed fil-wita parallela sal-wita medjana lonġitudinali tat-trattur u jgħaddi miċ-ċentru tas-sedil, 700 mm vertikalment ‘il fuq mil-linja ta’ l-interċezzjoni ta’ dik il-wita u l-wiċċ tas-sedil u 270 mm fid-direzzjoni tal-parti li twieżen il-pelvi mill-wita vertikali li tgħaddi mix-xifer ta’ quddiem tal-wiċċ tas-sedil u perpendikulari għall-wita medjana lonġitudinali tat-trattur (il-Figura 1). Il-punt ta’ referenza hekk stabbilit huwa relatat mas-sedil meta ma jkunx okkupat u mwaħħal fil-pożizzjoni ċentrali speċifikata mill-manifattur tat-trattur.
1.3. Nofs-ċirku tal-viżjoni
“In-nofs-ċirku tal-viżjoni” tfisser in-nofs-ċirku deskritt mir-raġġ ta’ 12-il metru madwar punt li jinsab fil-wita orizzontali tat-triq vertikalment ‘l isfel mill-punt ta’ referenza, b’tali mod li, meta tħares lejn id-direzzjoni taċ-ċaqliq, l-ark tan-nofs-ċirku jkun quddiem it-trattur, filwaqt li d-dijametru li jgħaqqad in-nofs-ċirku jkun f’angoli ta’ 90 grad ma’ l-assi lonġitudinali tat-trattur (il-Figura 2).
1.4. L-effett maskra
L-effett maskra ifisser il-kordi tas-setturi tas-semi-ċirku tal-viżjoni li ma jistax jidher minħabba l-komponenti strutturali bħal roof-pillars, gradi tad-dħul ta’ l-arja jew exhaust stacks u l-kwadru tal-windscreen.
1.5. Is-settur tal-viżjoni
“Is-settur tal-viżjoni” tfisser dik il-parti tal-firxa tal-viżjoni mdawra:
1.5.1. |
minn fuq, permezz ta’ wita orizzontali li tgħaddi mill-punt ta’ referenza; |
1.5.2. |
fil-wita tat-triq, miż-żona li qiegħda ‘l barra min-nofs-ċirku tal-viżjoni, u tifforma l-kontinwazzjoni tas-settur tan-nofs-ċirku tal-viżjoni, li l-korda tiegħu hija 9,5 m twila, perpendikulari għall-wita parallela mal-wita medjana lonġitudinali tat-trattur li tgħaddi miċ-ċentru tas-sedil tas-sewwieq u tinqasam minn dik il-wita. |
1.6. Iż-żona miknusa mill-wipers tal-windscreen
“Iż-żona miknusa tal-wipers tal-windscreen” tfisser iż-żona tal-wiċċ ta’ barra tal-windscreen miknusa mill-wipers tal-windscreen.
2. REKWIŻITI
2.1. Ġenerali
It-tratturi għandhom ikunu mibnija u mgħammra b’tali mod li, fit-traffiku tat-triq u fl-użu fl-irziezet u fil-foresti s-sewwieq ikollu firxa tal-viżjoni xierqa, taħt kull kundizzjoni normali marbuta ma’ l-użu tat-toroq ewlenin u għal xogħol maħdum fl għelieqi u fil-foresti. Is-settur tal-viżjoni huwa kkunsidrat adegwat meta s-sewwieq ikollu, sakemm ikun possibbli, viżjoni ta’ parti minn kull rota ta’ quddiem u meta r-rekwiżiti li ġejjin ikunu mwettqa.
2.2. L-ivverifikar tas-settur tal-viżjoni
2.2.1. Il-proċedura sabiex ikunu stabbiliti l-effetti maskra
2.2.1.1. It-trattur għandu jitqiegħed fuq wiċċ orizzontali kif muri fil-Figura 2. Fuq livell ta’ appoġġ orizzontali b’punt ta’ riferenza, għandu jkun hemm immuntati żewġ punti ta’ sorsi ta’ dawl, eż. 2 × 150 W, 12 V, 65 mm bogħod minn xulxin u allokati simmetrikament rigward il-punt ta’ riferenza. L-appoġġ irid ikun idur fuq il-punt taċ-ċentru tiegħu madwar fus vertikali mill-punt tar-riferenza. Għall-iskop tal-kejl ta’ l effetti maskra, l-appoġġ għandu jkun hekk allineat li l-linja li tgħaqqad iż-żewġ sorsi tad-dawl tkun perpendikulari mal-linja li tgħaqqad il-komponent maskra u l-punt tar-referenza.
L-overlaps silwett (l-iktar dell profond) proġettati fuq is-semi-ċirku tal-viżjoni mill-komponent maskra meta s-sorsi tad-dawl jinxtegħlu simultanjament jew alternattivament għandhom ikunu mkejla skond il-punt 1.4 (Figura 3).
2.2.1.2. L-effetti maskra ma għandhomx jaqbżu is-700 mm.
2.2.1.3. L-effetti maskra dovuti għall-komponenti strutturali li jmissu magħhom fuq 80 mm wisa’ għandhom ikunu konfigurati hekk illi jkun hemm intervall ta’ mhux inqas minn 2 200 mm - imkejla bħala korda tas-semi ċirku tal-viżjoni - bejn iċ-ċentri ta’ żewġ effetti maskra.
2.2.1.4. Ma jistax ikun hemm aktar minn sitt effetti maskra fin-nofs-ċirku tal-viżjoni u mhux aktar minn tnejn ġewwa s-settur tal-viżjoni definit fil-punt 1.5.
2.2.1.5. Barra s-settur tal-viżjoni, l-effetti maskra li jaqbżu s-700 mm imma li ma jaqbżux l-1 500 mm, huma, madankollu permissibbli jekk il-komponenti li jikkawżawhom ma jkunux jistgħu jiġu ri-iddisinjati jew ri-allokati: fuq kull naħa jista’ jkun hemm total ta’ wieħed miż-żewġ effetti maskra, wieħed li ma jaqbiżx is-700 mm u l-ieħor li ma jaqbiżx l-1 500 mm, jew inkella dawk iż-żewġ effetti maskra, li ebda wieħed minnhom ma jaqbeż l-1 200 mm.
2.2.1.6. Il-blind spots kawżati minn mirja li juru wara tat-tip approvat jistgħu ma jkunux ikkunsidrati jekk id-disinn ta’ dawn il-mirja huwa tali li ma jkunux jistgħu jkunu installati f’xi mod ieħor.
2.2.2. Id-determinazzjoni matematika ta’ l-effett maskra għall-viżjoni binokulari:
2.2.2.1. bħala alternattiva għall-proċedura stabbilità f’punt 2.2.1, l-aċċettabbiltà ta’ l effetti maskra individwali jistgħu jkunu ddeterminati matematikament. Ir-rekwiżiti tal-punti 2.2.1.2. sa 2.2.1.6. għandhom japplikaw rigward id-daqs, id-distribuzzjoni u n-numru ta’ l-effetti maskra;
2.2.2.2. għall-viżjoni binokulari b’distanza inter-okulari ta’ 65 mm, l-effett maskra espress f’mm jingħata mill-formula:
li fiha:
a |
hija d-distanza f’millimetri bejn il-viżjoni mfixkla tal-komponent u l-punt ta’ referenza mkejjel matul ir-raġġ viżwali li jgħaqqad il-punt ta’ referenza, ċ ċentru tal-komponent u d-dawra tan-nofs-ċirku tal-viżjoni; |
b |
hija l-wisa’ f’millimetri tal-viżjoni mfixkla tal-komponent imkejla orizzontalment u perpendikulari għar-raġġ viżwali. |
2.3. Il-metodi tat-test referut taħt il-punt 2.2 jistgħu jiġu mibdula b’oħrajn jekk ta’ l-aħħar jistgħu juru li huma ekwivalenti.
2.4. Iż-żona trasparenti tal-windscreen
Għall-għan tad-determinazzjoni ta’ l-effetti maskra fis-settur tal-viżjoni, l effetti maskra dovuti għall-kwadru tal-windscreen u ta’ kwalunkwe ostaklu ieħor jistgħu, skond id-dispożizzjonijiet tal-punt 2.2.1.4, jkunu ikkunsidrati bħala effett singolu, sakemm id-distanza bejn l-iktar punti ‘il barra ta’ dan l-effett maskra ma taqbiżx is-700 mm.
2.5. Il-wipers tal-windscreen
2.5.1. It-tratturi li jkollhom windscreens imwaħħla għandhom ikunu mgħammra wkoll b’wipers tal-windscreen imħaddma bil-mutur. Iż-żona mimsuħa minn dawn il-wipers għandha tiggarantixxi l-vizjoni bla xkiel ‘il quddiem li tikkorrispondi għal korda tan-nofs-ċirku ta’ viżjoni li tkun għallanqas 8 m twila fi ħdan is-settur tal-viżjoni.
2.5.2. Ir-rata ta’ l-operazzjoni tal-wipers tal-windscreen għandha tkun għallanqas 20 ċiklu kull-minuta.
ANNESS II
PARTI A
Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendi suċċessivi tagħha (imsemmija fl-Artikolu 6)
Direttiva 74/347/KEE tal-Kunsill |
|
Direttiva 79/1073/KEE tal-Kummissjoni |
|
Direttiva 82/890/KEE tal-Kunsill |
Rigward ir-referenzi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 74/347/KEE biss |
Direttiva 97/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
Rigward ir-referenzi fl-ewwel punt ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 74/347/KEE biss |
PARTI B
Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni (imsemmija fl-Artikolu 6)
Direttiva |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
Data ta’ applikazzjoni |
74/347/KEE |
2 ta’ Jannar 1976 (*) |
|
79/1073/KEE |
30 ta’ April 1980 |
|
82/890/KEE |
22 ta’ Ġunju 1984 |
|
97/54/KE |
22 ta’ Settembru 1998 |
23 ta’ Settembru 1998 |
(*) Skond l-Artikolu 3(a), miżjud b’punt 2 ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 79/1073/KEE:
“1. B’effett mill-1 ta’ Mejju 1980 l-ebda Stat Membru ma jista’, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mas-settur tal-viżjoni tat-tratturi:
— |
jirrifjuta rigward xi tip ta’ trattur, biex jagħti l-approvazzjoni tat-tip KEE, biex joħroġ id-dokument li hemm riferenza għalih fl-aħħar inċiż ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 74/150/KEE, jew biex jagħti approvazzjoni tat-tip nazzjonali, |
— |
jew jipprojbixxi d-dħul fis-servizz ta’ tratturi, |
ekk is-settur tal-viżjoni ta’ dan it-tip ta’ trattur jew dawn it-tipi ta’ tratturi jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.
2. B’effett mill-1 ta’ Ottubru 1980 l-Istati Membri:
— |
ma jistgħux iktar joħorġu d-dokument li hemm riferenza għalih fl-aħħar inċiż ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 74/150/KEE fir-rigward ta' tip ta’ trattur li fih is-settur tal-viżjoni ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, |
— |
ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali fir-rigward ta' tip ta’ trattur li s-settur tal-viżjoni tiegħu ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. |
3. B’effett mill-1 ta’ Jannar 1983, l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu d-dħul fis-servizz ta’ kwalunkwe trattur li s-settur tal-viżjoni tiegħu ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”
ANNESS III
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Direttiva 74/347/KEE |
Din id-Direttiva |
Artikoli 1 sa 3 |
Artikoli 1 sa 3 |
Artikolu 3(a) |
Tabella nota (*), Anness II |
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
Artikolu 5(1) |
— |
Artikolu 5(2) |
Artikolu 5 |
— |
Artikoli 6 u 7 |
Artikolu 6 |
Artikolu 8 |
Anness |
Anness I |
Anness, punti 1 sa 2.3 |
Anness I, punti 1 sa 2.3 |
Anness, punt 2.4 |
— |
Anness, punt 2.5 |
Anness I, punt 2.4 |
Anness, punt 2.6 |
Anness I, punt 2.5 |
Anness, figuri 1, 2 u 3 |
Anness I, figuri 1, 2 u 3 |
— |
Anness II |
— |
Anness III |