17.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 338/69


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-4 ta' Diċembru 2008

dwar il-kriterji għall-esportazzjoni ta' skart radjoattiv u fjuwil użat lejn pajjiżi terzi

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7570)

(2008/956/Euratom)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 33, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 124, it-tieni inċiż, tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-sorveljanza u l-kontroll tal-ġarr ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 16 (2) tagħha,

Billi:

(1)

Il-prinċipji tal-ħarsien mir-radjazzjoni maqbula fil-livell internazzjonali jiffurmaw il-bażi ta' miżuri ta' protezzjoni kontra l-periklu ta' radjazzjoni jonizzanti li joħroġ minn skart radjoattiv u fjuwil użat;

(2)

Biex prinċipji tali jkollhom effett, għandhom jagħmlu parti minn sistema regolatorja nazzjonali;

(3)

Skond il-kultura ta' sikurezza li teżisti fil-Komunità rigward l-attivitajiet li jinvolvu sustanzi radjoattivi jeħtieġ indipendenza effettiva tar-rwoli bejn l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi biex tiġi żgurata ġestjoni xierqa ta' skart radjoattiv jew fjuwil użat;

(4)

Id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta' ġarr ta' skart radjoattiv jew fjuwil użat lejn pajjiżi terzi hi r-responsabiltà tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta;

(5)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li qed jesportaw għandhom jiffurmaw opinjoni, f'konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 16(1)(c) tad-Direttiva 2006/117/Euratom, dwar il-kapaċità amministrattiva u teknika tal-pajjiżi terzi għas-sikurezza fil-ġestjoni ta' skart radjoattiv u fjuwil użat, kif ukoll l-adegwatezza tal-istrutturi regolatorji tagħhom;

(6)

Fl-implimetazzjoni ta' dawk il-kriterji, l-Istati Membri għandhom japplikaw prinċipju ta' ġerarkija fosthom;

(7)

Il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza fil-Ġestjoni ta' Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza fil-Ġestjoni ta' Skart Radjoattiv hija l-istrument legali rilevanti internazzjonali u fundamentali li jindirizza s-sikurezza ta' fjuwil użat u l-ġestjoni ta' skart radjoattiv;

(8)

Barra mill-konformità mas-sett ta' kriterji, għall-awtorizzazzjoni ta' ġarr ta' skart radjoattiv jew fjuwil użat lejn pajjiżi terzi, jistgħu jiġu kkunsidrati kwistjonijiet oħra, bħalkwistjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, etiċi, xjentifiċi u kwistjonijiet ta' sikurezza pubblika;

(9)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/117/Euratom jittratta d-dritt li għandu Stat Membru jew impriża fl-Istat Membru li se jaslilhom skart radjoattiv biex jiġi pproċċessat jew se jaslilhom materjal ieħor bl-iskop tal-irkupru ta’ materjal mill-iskart radjoattiv, biex wara t-trattament jintbagħat lura lejn il-pajjiż tal-oriġini. Jipprovdi wkoll li d-Direttiva 2006/117/Euratom ma taffettwax id-dritt ta' Stat Membru jew impriża f'dak l-Istat Membru li fih se jintbagħat fjuwil użat biex jiġi pproċessat mill-ġdid, li tibgħat skart radjoattiv irkuprat mill-operazzjoni tar-riproċessar lejn il-pajjiż tal-oriġini;

(10)

Il-kriterji stabbiliti minn din ir-rakkomandazzjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv stabbilit skondt l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2006/117/Euratom;

B'DAN TIRRAKKOMANDA:

(1)

Ir-rekwiżiti ewlenin relatati mal-esportazzjoni ta' skart radjoattiv jew fjuwil użat f'pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 16(1)(c) tad-Direttiva 2006/117/Euratom għandhom ikunu kif ġej:

(a)

għandhom jiġu stabbiliti u nfurzati provvedimenti nazzjonali xierqa għall-protezzjoni radjoloġika għall-ħaddiema u għall-pubbliku ġenerali għandhom ikunu konsistenti mal-istandards internazzjonali approvati rilevanti dwar il-ħarsien mir-radjazzjoni;

(b)

għandu jiġi stabbilit qafas leġislattiv koerenti għar-regolazzjoni ta' attivitajiet li jinvolvu periklu minn sustanzi radjoattivi, fosthom skart radjoattiv u fjuwil użat;

(c)

awtoritajiet regolatorji indipendenti u effikaċi għandhom jiġu stabbiliti bil-kompetenza li joħorġu l-liċenzji, li jagħmlulhom reviżjoni, li jivvalutaw it-talbiet, li jkunu inkarigati bil-funzjonijiet ta' infurzar u ta' spezzjoni u li jkollhom riżorsi adegwati;

(d)

għandha tkun provduta allokazzjoni ċara ta' responsabilitajiet tal-korpi involuti fil-passi ta' ġestjoni ta' fjuwil użat u ta' skart radjoattiv, partikolarment bejn l-operaturi u l-awtoritajiet regolatorji;

(e)

għall-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat, sistema ta' rappurtra lil awtoritajiet bħal dawn, inkella ta’ awtorizzazzjoni mingħandhom;

(f)

l-assigurazzjoni li r-responsabiltà prinċipali għas-sikurezza fil-ġestjoni ta' fjuwil użat jew ta' skart radjoattiv taqa' fuq id-detentur tal-liċenzja rilevanti u li kull detentur ta' liċenzja tali jissodisfa r-responsabilitajiet tiegħu;

(g)

id-disponibbiltà ta' personal ikkwalifikat kif meħtieġ għall-attivitajiet relatati ma' sikurezza waqt il-ħajja operattiva ta' faċililtà għall-ġestjoni ta' fjuwil użat u skart radjoattiv; u ta' riżorsi finanzjarji adegwati biex is-sikurezza tal-faċilitajiet għall-ġestjoni ta' fjuwil użat u skart radjoattiv waqt il-ħajja operattiva tagħhom u għad-dekommissjonar jiġu appoġġjati;

(h)

l-istabbiliment u l-infurzar ta' reġim nazzjonali xieraq għar-responsabiltà legali lejn partijiet terzi;

(i)

l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' kwalità xierqa li jikkonċernaw is-sikurezza fil-ġestjoni ta' fjuwil użat u skart radjoattiv;

(j)

miżuri protettivi u korrettivi adegwati, li jinkludu l-għoti ta' informazzjoni lill-gruppi ta' popolazzjoni kkonċernati u l-preparazzjoni u l-ittestjar tal-pjanijiet ta' emerġenza, li japplikaw fil-każ ta' emerġenza radjoloġika sabiex jikkontrollaw ir-rilaxx u li jtaffu l-effetti tiegħu.

(2)

Sabiex issir evalwazzjoni dwar jekk intlaħqux jew le r-rekwiżiti msemmijin hawn fuq għall-esportazzjonijiet ta' skart radjoattiv u fjuwil użat lejn pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom jieħdu in konsiderazzjoni l-konformità tal-pajjiżi terzi ma' dawn il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kriterji prinċipali:

is-sħubija fl-IAEA u l-aderenza suċċessiva mal-istandards ta' sikurezza relevanti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika;

l-iffirmar u r-ratifikar tal-Konvenżjoni Konġunta dwar is-Sikurezza fil-Ġestjoni tal-Iskart Radjoattiv u s-Sikurezza fil-Ġestjoni tal-Fjuwil Użat, u l-konformità magħha, li permezz ta' hekk tintwera r-rieda li jiġu sodisfatti l-obbligi li ġejjin mill-Konvenzjoni Konġunta u li juru konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti li jindirizzaw is-sikurezza fil-ġestjoni ta' fjuwil użat u tal-iskart radjoattiv;

l-iffirmar u r-ratifika tal-Konvenżjoni dwar il-Ħarsien Fiżiku tal-Materjal Nukleari u l-emendi tagħha bħala espressjoni tal-obbligu, flimkien mal-prevenzjoni, ir-rilevament u s-sanzjonijiet relatati mar-reati marbutin ma' materjal nukleari

l-iffirmar u r-ratifika tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (CNS) u l-konformità magħha bħala l-aktar strument importanti fil-qasam tas-sikurezza nukleari li fih ukoll dispożizzjonijiet importanti dwar l-istat ta' preparazzjoni għall-emerġenza u l-ħarsien mir-radjazzjoni;

is-sottomissjoni tal-faċilitajiet ta' fjuwil użat għall-ftehim ta' salvagwardji IAEA b'konnessjoni mal-iffirmar u r-ratifika tat-Trattat ta' Nonproliferazzjoni (TNP) u l-protokolli relatati li juru li l-fjuwil nukleari mhux qed jintuża bl-ebda b'mod ieħor ħlief għall-użu b'intenzjonijiet paċifiċi;

l-iffirmar u r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar Responsabbiltà Ċivili għal Ħsara Nukleari, il-Protokoll li Jamenda il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar Responsabiltà Ċivili għal Ħsara Nukleari, il-Konvenzjoni dwar Kumpens Supplementari għall-Ħsara Nukleari jew il-Konvenzjoni dwar Resposabiltà lejn Partijiet Terzi fil-Qasam tal-Enerġija Nukleari tad-29 ta' Lulju 1960, kif emendatata mill-Protokol Addizzjonali tat-28 ta' Jannar 1964 u mill-Protokoll tas-16 ta' Novembru 1982 (il-Konvenzjoni ta' Pariġi) jew il-konformità ma' xi att minnhom, sabiex jintwera li d-detentur tal-liċenzja jġorr ir-responsabilitajiet prinċipali fil-każ ta' ħsara nukleari.

(b)

Kriterji addizzjonali:

l-iffirmar u r-ratifika tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f'Każ ta' Aċċident Nukleari u Emerġenza Radjoloġika (AC), u l-Konvenzjoni dwar in-Notifikar Bikri ta' Aċċidenti Nukleari (ENC) u l-konformità magħhom, biex jintwera li f'każ ta' emerġenza radjoloġika tingħata informazzjoni xierqa lill-popolazzjoni affettwata u li jiġu applikati miżuri protettivi u korrettivi adegwati li jikkontrollaw ir-rilaxx u jtaffu l-effetti tiegħu;

il-konformità mal-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw is-sikurezza fit-trasport ta' oġġetti perikolużi, partikolarment is-SOLAS u l-Konvenzjonijiet ta' Chicago, biex tintwera li effettivament qed isiru verifiki effikaċi rigward it-trasport bil-baħar u bl-ajru ta' oġġetti perikolużi.

(3)

Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, meta jkunu qed jikkunsidraw jekk jawtorizzawx jew le konsenji ta' skart radjoattiv jew fjuwil użat lejn pajjiżi terzi, jistgħu jqisu punti oħra, bħalma huma kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, etiċi, xjentifiċi u affarijiet ta' sigurtà pubblika.

(4)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri se jikooperaw bil-għan li jsir skambju ta' informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 4 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 337, 05.12.2006, p. 21.