14.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 156/22


RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Mejju 2008

dwar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi Kadmju u Ossidu tal-kadmju

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2243)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/446/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 793/93 is-sustanzi li ġejjin kienu identifikati bħala sustanzi ta’ prijorità għall-valutazzjoni skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 143/97 (2) tas-27 ta’ Jannar 1997 li jikkonċerna t-tielet lista ta’ sustanzi ta’ prijorità kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93

Kadmju,

Ossidu tal-kadmju.

L-Istati Membri maħtura bħala rapporteurs skond ir-Regolamenti (KEE) Nru 793/93 u (KE) Nru 143/97 temmew l-attivitajiet tal-valutazzjoni tar-riskju għall-bniedem u għall-ambjent għal dawk is-sustanzi skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 tat-28 ta’ Ġunju 1994 li jistipula l-prinċipji għal studju dwar ir-riskji lill-bniedem u l-ambjent ta’ materjali eżistenti (3) u ssuġġerew strateġija biex ikunu limitati r-riskji skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93.

(2)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE) kien ikkonsultat u dan ħareġ opinjonijiet dwar l-evalwazzjonijiet ta’ riskju li saru mir-rapporteurs. L-opinjonijiet ġew ippubblikati fuq il-websajt tal-Kumitat Xjentifiku.

(3)

Ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u aktar riżultati ta’ l-istrateġiji biex ikunu limitati r-riskji huma stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni korrispondenti (4).

(4)

Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, huwa xieraq li jkunu rakkomandati ċerti miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għal ċerti sustanzi.

(5)

Il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju rakkomandati għall-ħaddiema għandhom ikunu kkunsidrati fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-ħaddiema, meqjusa li tipprovdi qafas xieraq biex jiġu limitati r-riskji tas-sustanzi rilevanti sa fejn meħtieġ.

(6)

Il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju li għalihom tipprovdi din ir-rakkomandazzjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KEE) Nru 793/93,

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

TAQSIMA 1

KADMJU

(CAS Nru 7440-43-9; Einecs Nru 231-152-8)

Miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għall-ħaddiema (1) u għall-ambjent (2,3,4)

1.

L–impjegaturi li jużaw il-kadmju għall-użi identifikati bħala ta’ tħassib fil-valutazzjoni tar-riskju għandhom jikkunsidraw kwalunkwe gwida speċifika għas-settur żviluppata fuq livell nazzjonali bbażata fuq il-gwida prattika u ta’ natura li ma torbotx, kif stipulat fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE. (5)

2.

Skond id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati, fil-permessi maħruġa taħt id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet, valuri tal-limitu għall-emissjonijiet jew parametri ekwivalenti jew il-miżuri tekniċi rigward il-Kadmju, sabiex l-installazzjonijiet ikkonċernati joperaw skond l-aqwa metodi disponibbli (minn hawn ’il quddiem BAT) waqt li jikkunsidraw il-karatteristiċi tekniċi ta’ l-installazzjonijiet ikkonċernati, il-pożiżżjoni ġeografika u l-kundizzjonijiet ambjentali lokali tagħhom.

3.

L-emissjonijiet lokali fl-ambjent għandhom, fejn ikun meħtieġ, ikunu kkontrollati minn regoli nazzjonali biex jiżguraw li ma jkun mistenni l-ebda riskju għall-ambjent.

4.

It-tagħrif kollu disponibbli, inkluża dejta futura dwar l-ilma ħafif, għandu jitqies meta jitfasslu Standards ta’ Kwalità Ambjentali (minn hawn ‘il quddiem “EQS”) fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (7)

TAQSIMA 2

OSSIDU TAL-KADMJU

(CAS Nru 1306-19-0; Einecs Nru 215-146-2)

Miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għall-ħaddiema (5) u għall-ambjent (6, 7, 8)

5.

L-impjegaturi li jużaw l-ossidu tal-kadmju għall-użi identifikati bħala ta’ tħassib fil-valutazzjoni tar-riskju għandhom jikkunsidraw kwalunkwe gwida speċifika għas-settur żviluppata fuq livell nazzjonali bbażata fuq il-gwida prattika u ta’ natura li ma torbotx, kif stipulat fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE.

6.

Skond id-Direttiva 2008/1/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati, fil-permessi maħruġa taħt id-Direttiva 2008/1/KE, għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet, valuri tal-limitu għall-emissjonijiet jew parametri ekwivalenti jew il-miżuri tekniċi rigward il-Kadmju sabiex l-installazzjonijiet joperaw skond il-BAT waqt li jikkunsidraw il-karatteristiċi tekniċi ta’ l-installazzjonijiet ikkonċernati, il-pożiżżjoni ġeografika u l-kundizzjonijiet ambjentali lokali tagħhom.

7.

L-emissjonijiet lokali fl-ambjent għandhom, fejn ikun meħtieġ, ikunu kkontrollati minn regoli nazzjonali biex jiżguraw li ma jkun mistenni l-ebda riskju għall-ambjent.

8.

It-tagħrif kollu disponibbli, inkluża dejta futura dwar l-ilma ħafif, għandu jitqies meta jitfasslu l-EQS fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2000/60/KE.

TAQSIMA 3

DESTINATARJI

9.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lis-setturi kollha li jimpurtaw, jipproduċu, jittrasportaw, jaħżnu, jifformulaw fi preparazzjoni jew ipproċessar ieħor, jużaw, jarmu jew jirkurpraw is-sustanzi u lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)   ĠU L 25, 28.1.1997, p. 13.

(3)   ĠU L 161, 29.6.1994, p. 3.

(4)   ĠU C 149, 14.6.2008, p. 6.

(5)   ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21).

(6)   ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

(7)   ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 60).