26.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 23/30


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-10 ta’ Jannar 2008

dwar miżuri li jħaffu l-bidliet għall-ewro fil-ġejjieni

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6912)

(2008/78/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

Filwaqt li l-ewwel grupp ta’ parteċipanti esperjenzaw fażi ta’ bidla twila li matulha l-ewro kienet il-munita tagħhom iżda l-flus kontanti ta’ l-ewro kienu għadhom ma ddaħħlux, ħafna mill-pjanijiet nazzjonali eżistenti għal bidliet fil-ġejjieni jipprevedu d-dħul tal-muniti u tal-karti ta’ l-ewro dakinhar stess ta’ l-adozzjoni ta’ l-ewro. Din id-differenza u d-disponibilità kbira ta’ flus kontanti ta’ l-ewro jimplikaw li l-Istati Membri li qed jippreparaw għall-adozzjoni ta’ l-ewro għandhom jimplimentaw strateġija differenti minn dik użata bejn l-1999 u l-2002;

(2)

F’dawn iċ-ċirkustanzi differenti, id-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2000 dwar miżuri li jħaffu t-tħejjija ta’ l-operaturi ekonomiċi għall-bidla għall-ewro (1) ma jindirizzawx b’mod xieraq il-mistoqsijiet li joħorġu mill-bidla fil-kuntest. Għalhekk, sabiex ikun ikkunsidrat dan il-kuntest il-ġdid u jkun hemm tagħlim mill-esperjenza miksuba matul l-introduzzjoni tal-flus kontanti ta’ l-ewro fl-2002, fl-2007 u fl-2008, Rakkomandazzjoni ġdida għandha tiġi adottata,

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

Artikolu 1

It-tmexxija ta’ l-organizzazzjoni tal-bidla

1.   L-Istati Membri għandhom iwaqqfu strutturi xierqa u mfassla sabiex jippjanaw, jikkoordinaw u jiffaċilitaw it-tħejjijiet kollha neċessarji għad-dħul ta’ l-ewro.

2.   Pjan nazzjonali ta’ bidla li jkopri l-aspetti kollha ta’ l-organizzazzjoni tal-bidla għall-ewro għandu jiġi ppreparat, diskuss mar-rappreżentanti ta’ l-operaturi ekonomiċi ewlenin (l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-qasam tal-bejgħ u x-xiri bl-imnut, il-kumpaniji CIT, l-industrija tal-bejgħ, l-għaqdiet tal-konsumaturi, il-kmamar tal-kummerċ, eċċ.) u aġġornat regolarment.

Artikolu 2

It-tħaffif tat-tħejjija taċ-ċittadini għall-ewro

1.   Il-liġi nazzjonali għandha timponi l-wiri doppju tal-prezzijiet u ta’ ammonti oħra ta’ flus li jridu jitħallsu, jiġu mislufa jew imnaqqsa. Il-wiri doppju obbligatorju għandu jibda mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni uffiċjali mill-Kunsill tar-rata ta’ konverżjoni ffissata irrevokabbilment bejn il-munita nazzjonali u l-ewro. L-Istati Membri għandhom jiskuraġġixxu lill-bejjiegħa bl-imnut milli jużaw il-wiri doppju qabel l-adozzjoni uffiċjali tar-rata ta’ konverżjoni. L-Istati Membri għandhom ukoll jitolbu l-wiri separat ta’ kull ħlas impost min-negozji talli jaċċettaw il-ħlasijiet bl-ewro fil-perjodu minn meta tiġi ffissata r-rata ta’ konverzjoni sad-dħul ta’ l-ewro. M’għandux jitħalla l-użu ta’ rata ta’ konverżjoni differenti minn dik adottata mill-Kunsill. Il-wiri doppju għandu jibqa’ obbligatorju għal perjodu minimu ta’ sitt xhur u perjodu massimu ta’ sena wara d-dħul ta’ l-ewro. Wara għandu jitwaqqaf, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jidraw għal kollox il-munita l-ġdida.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu mgħarrfa sew dwar l-arranġamenti għall-bidla għall-ewro, dwar id-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-karti u tal-muniti ta’ l-ewro u dwar il-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-flus kontanti ta’ l-ewro, u għandhom jgħinu liċ-ċittadini jitgħallmu l-iskala ta’ valur il-ġdida. Din il-kampanja ta’ tagħrif għandha tinżamm għal ċertu żmien wara d-dħul ta’ l-ewro. B’mod partikulari, għandhom jitwaqqfu programmi speċjali ta’ tagħrif għal nies vulnerabbli (bħalma huma l-anzjani, in-nies bi problemi ta’ mard fiżiku, sensorjali jew mentali, eċċ.) kif ukoll għan-nies li m’għandhomx aċċess faċli għat-tagħrif (bħall-immigranti u n-nies bla saqaf fuq rashom, l-analfabeti u n-nies li ma jifhmux il-prinċipji bażiċi tal-matematika, eċċ.).

3.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-intrapriżi għandhom jorganizzaw korsijiet ta’ taħriġ sabiex l-impjegati li jkunu qed jaħdmu bil-flus kontanti regolarment jidraw l-ewro u b’hekk jiżguraw għarfien aħjar, identifikazzjoni tajba tal-karatteristiċi ta’ sigurtà u manipulazzjoni iktar ta’ malajr tal-muniti u tal-karti ta’ l-ewro. Barra minn hekk, għandhom jiġu organizzati korsijiet ta’ taħriġ prattiku rikorrenti għal nies bi problemi tal-vista, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw memorja sensorja tal-munita l-ġdida.

4.   L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jipprovdu lin-negozji, u l-iktar lill-SMEs, b’tagħrif preċiż dwar l-iskeda tal-bidla u r-regoli legali, tat-taxxa u tal-kontabilità relevanti. L-għaqdiet tan-negozju, iċ-ċentri ta’ tagħrif dwar l-ewro, il-kmamar tan-negozju u tal-kummerċ u l-konsulenti tan-negozju għandhom jiżguraw li n-negozji li jkollhom x’jaqsmu magħhom jħejju ruħhom tajjeb u jkunu kapaċi jwettqu t-tranżazzjonijiet bl-ewro mid-data tad-dħul tiegħu.

5.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jgħarrfu lill-klijenti tagħhom dwar il-konsegwenzi prattiċi tal-bidla għall-ewro. B’mod partikulari, għandhom jiġbdulhom l-attenzjoni għall-fatt li dawn mhux ħa jkunu jistgħu jagħmlu ħlasijiet iktar bil-miktub jew iżommu kontijiet b’xi waħda mill-unitajiet tal-munita nazzjonali l-qadima tagħhom wara d-data tad-dħul ta’ l-ewro.

6.   In-negozji għandhom jieħdu miżuri biex ikabbru l-għarfien ta’ l-impjegati tagħhom u, għal dan il-għan, jorganizzaw attivitajiet ta’ taħriġ għall-membri tal-persunal tagħhom li jkollhom x’jaqsmu mal-pubbliku.

7.   L-Istati Membri għandhom iżommu taħt għajnejhom it-tħejjijiet ta’ l-operaturi ekonomiċi għall-bidla għall-ewro, l-aktar permezz ta’ kwestjonarji regolari.

Artikolu 3

L-iżgurar tad-dħul ta’ malajr tal-flus kontanti ta’ l-ewro

1.   Sabiex jitnaqqsu s-somom ta’ flus li jridu jinbidlu fiżikament, il-konsumaturi għandhom jitħeġġu biex jiddepożitaw il-flus żejda li jkollhom f’idejhom fil-ġimgħat ta’ qabel il-bidla. Il-kuntratti li s-soltu jirreferu għall-munita nazzjonali li jsiru wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffissar tar-rata ta’ konverżjoni irrevokabbli għandhom preferibbilment jirreferu għall-ewro jekk kemm-il darba dawn ikunu validi wkoll wara d-data tad-dħul ta’ l-ewro.

2.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-ħwienet tal-bejgħ għandhom jużaw il-forniment u t-tqassim minn qabel tal-karti u tal-muniti ta’ l-ewro fix-xhur ta’ qabel il-bidla kif previst mill-Bank Ċentrali Ewropew (2). Il-ħwienet tal-bejgħ għandhom jitqassmulhom il-karti u l-muniti ta’ l-ewro fl-aħħar ġimgħat ta’ qabel il-bidla. Arranġamenti speċjali, inkluż b’mod partikulari settijiet tal-muniti ta’ l-ewro għall-bejjiegħa bl-imnut għandhom jitħejjew għall-ħwienet tal-bejgħ iż-żgħar. Sabiex il-ħwienet tal-bejgħ jitħeġġu jieħdu sehem fit-tqassim minn qabel tal-flus, għandhom jingħatawlhom kundizzjonijiet ta’ debitu differit li huma attraenti mil-lat finanzjarju. Iċ-ċittadini għandu jkollhom il-possibilità li jiksbu settijiet tal-muniti ta’ l-ewro fl-aħħar tliet ġimgħat ta’ qabel il-bidla, biex b’hekk ikun żgurat li kull dar ikollha għad-dispożizzjoni tagħha ta’ l-inqas sett wieħed.

3.   Il-magni tal-ġbid tal-flus għandhom jitranġaw sabiex dawn iqassmu l-karti tal-flus ta’ l-ewro mid-dħul ta’ l-ewro. Il-magni tal-ġbid tal-flus li, minħabba raġunijiet tekniċi, ma jistgħux jitranġaw fil-ħin għandhom jingħalqu. Il-ġbid u l-bdil tal-flus fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu matul il-ġimagħtejn ta’ qabel u ta’ wara l-bidla għandu jsir prinċipalment f’karti tal-flus ta’ valur baxx.

4.   Il-ħwienet tal-bejgħ għandhom ikunu obbligati jagħtu l-bqija f’ewro biss mid-dħul tagħha, sakemm ma jistgħux minħabba raġunijiet prattiċi. Għal dan il-għan għandhom jittieħdu miżuri li jħaffulhom it-tqassim minn qabel tal-flus kontanti u li jnaqqsu d-diffikultajiet relatati maż-żieda fl-ammont ta’ flus kontanti fil-ħwienet tal-bejgħ.

5.   It-terminals kollha elettroniċi fil-postijiet tal-bejgħ għandhom jinqalbu għall-ewro dakinhar stess li dan jiddaħħal. Il-konsumaturi għandhom jitħeġġu biex jużaw il-ħlasijiet elettroniċi iktar ta’ spiss matul l-ewwel ftit ġranet wara d-dħul tiegħu.

6.   L-uffiċji ewlenin ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jinfetħu matul l-ewwel ftit ġranet tal-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja sabiex jitħaffef il-bdil tal-munita nazzjonali għall-ewro. Barra minn hekk, il-ħinijiet ta’ ftuħ tal-banek għandhom jiżdiedu matul iż-żmien tal-bidla. Il-bejjiegħa bl-imnut għandhom jingħatawlhom faċilitajiet speċjali biex ikollhom provvista ta’ flus kontanti ta’ malajr sabiex jiġu evitati l-kjus.

Artikolu 4

L-evitar ta’ prattiċi abbużivi u ta’ idea żbaljata ta’ l-evoluzzjoni tal-prezzijiet miċ-ċittadini

1.   Għandhom jiġu nnegozjati ftehimiet ma’ l-oqsma tal-bejjiegħa bl-imnut u tas-servizzi sabiex jiġi żgurat li d-dħul ta’ l-ewro jkollu impatt newtrali fuq il-prezzijiet. B’mod partikulari, il-bejjiegħa bl-imnut ma għandhomx iżidu l-prezzijiet minħabba l-bidla u għandhom inaqqsu t-tibdil fil-prezzijiet meta jkunu qed jikkalkulaw il-prezzijiet bl-ewro wara l-konverżjoni. Dawn il-ftehimiet għandhom jitwettqu bl-adozzjoni ta’ simbolu li jkun jidher u li l-konsumaturi jistgħu jagħrfuh faċilment. Dan is-simbolu għandu jiġi rriklamat permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni u ta’ tagħrif. B’kooperazzjoni ma’ l-għaqdiet tal-konsumaturi, għandu jiġi implimentat monitoraġġ mill-qrib tal-konformità tal-bejjiegħa bl-imnut ma’ l-impenji meħuda taħt il-ftehimiet. Għandhom jiġu previsti miżuri dissważivi għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, li jvarjaw minn xandir fil-pubbliku ta’ isem l-intrapriża sa multi possibbli għall-iktar każijiet gravi.

2.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw monitoraġġ mill-qrib u ta’ sikwit tal-prezzijiet fil-ġimgħat ta’ wara l-adozzjoni tar-rata ta’ konverżjoni sa l-aħħar tal-perjodu ta’ wiri doppju tal-prezzijiet. B’mod partikulari, għandu jingħata tagħrif ta’ kull ġimgħa dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet liċ-ċittadini fil-ġimgħat eżatt qabel u wara l-bidla sabiex tiġi evitata idea possibilment żbaljata.

3.   Wara l-konverżjoni, l-istess spejjeż tal-bank li japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-munita nazzjonali għandhom jiġu applikati għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas bl-ewro.

Artikolu 5

Dispożizzjoni finali

L-Istati Membri huma mistiedna jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Artikolu 6

Id-destinatarji

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri b’deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat kif ukoll lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, lill-intrapriżi, lill-għaqdiet tan-negozju u lill-għaqdiet tal-konsumaturi f’dawn l-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Jannar 2008.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Rakkomandazzjoni 2000/C 303/05 (ĠU C 303, 24.10.2000, p. 6).

(2)  Ara l-Linja ta’ Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ l-14 ta’ Lulju 2006 dwar ċerti preparazzjonijiet għat-tibdil tal-flus kontanti ewro u dwar il-frontloading u s-sub-frontloading tal-karti tal-flus u muniti ewro barra ż-żona tal-ewro (BĊE/2006/9, ĠU L 207, 28.7.2006, p. 39).