6.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 328/55


DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2008/913/ĠAI

tat-28 ta’ Novembru 2008

dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 29, 31 u 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-razziżmu u l-ksenofobija huma vjolazzjonijiet diretti tal-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat ta’ dritt, prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea u li huma komuni għall-Istati Membri.

(2)

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar kif l-aħjar jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Amsterdam dwar żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (2), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-20 ta’ Settembru 2000 dwar il-pożizzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Konferenza Dinjija Kontra r-Razziżmu u l-pożizzjoni kurrenti ta’ l-Unjoni (3), u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-aġġornament biennali ta’ l-iScoreboard għar-reviżjoni tal-progress dwar il-ħolqien ta’ żona ta’ “libertà, sigurtà u ġustizzja” fl-Unjoni Ewropea (it-tieni nofs tas-sena 2000) jagħmlu sejħa għal azzjoni f’dan il-qasam. Fil-Programm ta’ l-Aja ta’ l-4 u 5 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill Ewropew ifakkar l-impenn sod tiegħu sabiex jopponi kwalunkwe forma ta’ razziżmu, anti-Semitiżmu u ksenofobija kif diġà espress f’Diċembru 2003.

(3)

L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 96/443/ĠAI tal-15 ta’ Lulju 1996, dwar azzjoni sabiex jiġu miġġielda r-razziżmu u l-ksenofobija (4) teħtieġ li tiġi segwita b’azzjoni leġislattiva ulterjuri li tindirizza l-ħtieġa għal aktar approssimazzjoni tal-liġi u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri u sabiex jingħelbu l-ostakoli għal kooperazzjoni ġudizzjarja effiċjenti li huma prinċipalment ibbażati fuq id-diverġenza ta’ l-approċċi legali fl-Istati Membri.

(4)

Skond il-valutazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta 96/443/ĠAI u l-ħidma mwettqa f’fora internazzjonali oħra, bħall-Kunsill ta’ l-Ewropa, għadhom jeżistu xi diffikultajiet fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u għalhekk hemm ħtieġa għal aktar titjib tal-liġijiet kriminali ta’ l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ leġislazzjoni komprensiva u ċara għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

(5)

Ir-razziżmu u l-ksenofobija jikkostitwixxu theddida kontra gruppi ta’ persuni li huma l-mira ta’ tali għemil. Jeħtieġ li jiġi definit approċċ komuni għal-liġi kriminali fl-Unjoni Ewropea għal dan il-fenomenu sabiex ikun żgurat li l-istess għemil jikkostitwixxi reat fl-Istati Membri kollha u li penali effettivi, proporzjonati u dissważivi huma pprovduti għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkunu wettqu jew li jkunu responsabbli għal tali reati.

(6)

L-Istati Membri jagħrfu li l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija teħtieġ diversi tipi ta’ miżuri f’qafas komprensiv u ma tistax tkun limitata biss għal kwistjonijiet kriminali. Din id-Deċiżjoni Qafas hija limitata għall-ġlieda kontra forom partikolarment serji ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali. Ġaladarba t-tradizzjonijiet kulturali u legali ta’ l-Istati Membri huma, sa ċertu punt, differenti, partikolarment f’dan il-qasam, armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet kriminali mhijiex attwalment possibbli.

(7)

F’din id-Deċiżjoni Qafas, “nisel” għandu jinftiehem li jirriferi prinċipalment ghal persuni jew gruppi ta’ persuni li huma mnissla minn persuni li jistgħu jkunu identifikati permezz ta’ ċerti karatteristiċi (bħal ma huma r-razza u l-kulur), imma mhux neċessarjament dawn il-karatteristiċi kollha għadhom jeżistu. Minkejja dak, minħabba n-nisel tagħhom, tali persuni jew gruppi ta’ persuni jistgħu jkunu suġġetti għal mibegħda jew vjolenza.

(8)

“Reliġjon” għandu jinftiehem li jirriferi b’mod ġenerali għal persuni definiti b’referenza għall-konvinzjonijiet jew it-twemmin reliġjuż tagħhom.

(9)

“Mibegħda” għandha tinftiehem li tirreferi għal mibegħda bbażata fuq ir-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika.

(10)

Din id-Deċiżjoni Qafas ma tipprevenix Stat Membru milli jadotta dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li jestendu l-Artikolu 1 (c) u (d) għal reati diretti kontra grupp ta’ persuni definiti minn kriterji oħrajn minbarra r-razza, il-kulur, ir-reliġjon, id-dixxendenza jew l-oriġini nazzjonali jew etnika, bħall-istatus soċjali jew il-konvinzjonijiet politiċi.

(11)

Għandu jkun żgurat li l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ reati li jinvolvu razziżmu u ksenofobija ma jkunux dipendenti fuq rapporti jew akkużi magħmula minn vittmi, li huma ta’ spiss partikolarment vulnerabbli u jsibuha bi tqila biex jibdew proċedimenti legali.

(12)

L-approssimazzjoni tal-liġi kriminali għandha twassal biex jiġu miġġielda r-reati ta’ razziżmu u ksenofobija b’mod aktar effettiv, permezz tal-promozzjoni ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja sħiħa u effettiva bejn l-Istati Membri. Id-diffikultajiet li jistgħu jeżistu f’dan il-qasam għandhom jittieħdu fil-kont mill-Kunsill meta jirrivedi d-Deċiżjoni Qafas bil-għan li jiġi kkunsidrat jekk humiex meħtieġa passi ulterjuri f’dan il-qasam.

(13)

Ġaladarba li l-objettiv li jiġi żgurat li r-reati razzisti u ksenofobiċi jiġu sanzjonati fl-Istati Membri kollha mill-inqas permezz ta’ livell minimu ta’ penali kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment, peress li tali regoli jridu jkunu komuni u kompatibbli u għaldaqstant jista’ jintlaħaq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif imsemmi fl Artikolu 2 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat- Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu msemmi l-aħħar, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(14)

Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Arikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari l-Artikoli 10 u 11 tagħha, kif riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea u notevolment il-Kapitoli II u VI tagħha.

(15)

Konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta’ espressjoni, b’mod partikolari l-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ espressjoni f’medja oħra wasslu f’ħafna Stati Membri għal garanziji proċedurali u għal regoli speċjali fil-liġi nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbiltà.

(16)

L-Azzjoni Konġunta 96/443/ĠAI għandha titħassar peress li bl-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn persuni rrispettivament mill-oriġini ta’ razza jew etnika (5) u ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, ma għadhiex neċessarja,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

Artikolu 1

Reati li jikkonċernaw ir-razziżmu u l-ksenofobija

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-imġiba intenzjonali hija kastigabbli:

(a)

inċitament b’mod pubbliku għal vjolenza jew mibegħda diretta kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ tali grupp definit b’referenza għar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika;

(b)

l-għemil ta’ att imsemmi fil-punt (a) permezz ta’ disseminazzjoni pubblika jew distribuzzjoni ta’ materjal stampat, stampi jew materjal ieħor;

(ċ)

li b’mod pubbliku jiġu skużati, miċħuda jew trivjalizzati b’mod serju r-reati ta’ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra kif definiti fl-Artikoli 6, 7 u 8 ta’l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, diretti kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ tali grupp definit b’referenza għar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika meta tali mġiba x’aktarx tinċita l-vjolenza jew il-mibegħda kontra tali grupp jew membru ta’ tali grupp;

(d)

li b’mod pubbliku jiġu skużati, miċħuda jew trivjalizzati b’mod serju r-reati definiti fl-Artikolu 6 tal- Karta tat-Tribunali Militari Internazzjonali mehmuża għall-Ftehim ta’ Londra tat- 8 ta’ Awwissu 1945, imwettqa kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ tali grupp definit b’referenza għar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel, jew l-oriġini nazzjonali jew etnika meta l-imġiba titwettaq b’mod li x’aktarx tinċita l-vjolenza jew il-mibegħda kontra tali grupp jew membru ta’ tali grupp.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkastigaw biss l-imġiba li titwettaq b’mod li x’aktarx tfixkel l-ordni pubblika jew tkun ta’ theddida, abużiva jew ta’ insult.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ir-referenza għar-reliġjon hija intiża biex tkopri, għal ta’ l-inqas, l-imġiba li hija pretest għall-indirizzar ta’ atti kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ tali grupp definit b’referenza għar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel, jew l-oriġini nazzjonali jew etnika.

4.   Kwalunkwe Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew wara, jagħmel dikjarazzjoni li huwa ser jirrendi l-ghemil li jikkonsisti fiċ-ċaħda jew fit-trivjalizzazzjoni b’mod serju tar-reati msemmija fil-paragrafu 1(c) u/jew (d), kastigabbli biss jekk ir-reati msemmija f’dawn il-paragrafi jkunu ġew stabbiliti b’deċiżjoni finali ta’ qorti nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru u/jew ta’ qorti internazzjonali, jew b’deċiżjoni finali ta’ qortiinternazzjonali.

Artikolu 2

Istigazzjoni, għajnuna jew kompliċità

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-instigazzjoni ta’ l-imgiba imsemmija fl-Artikolu 1(c) u (d) huwa kastigabbli.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-għajnuna jew il-kompliċità fl-għemil ta’ l-imġiba msemmija fl-Artikolu 1 hija kastigabbli.

Artikolu 3

Penali Kriminali

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2 hija kastigabbli b’penali kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-imġiba msemmija fl-Artikolu 1 hija kastigabbli b’penali kriminali ta’ massimu ta’ mill-inqas bejn 1 u 3 snin ħabs.

Artikolu 4

Motivazzjoni razzista u ksenofobika

Għal reati għajr dawk imsemmija fl-Artikoli 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li motivazzjoni razzista u ksenofobika titqies bħala fattur aggravanti, jew, alternattivament li tali motivazzjoni tista’ tittieħed in konsiderazzjoni mill-qrati fid-determinazzjoni tal-penali.

Artikolu 5

Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li persuna ġuridika tkun tista tinżamm responsabbli għall-imġiba imsemmija fl-Artikoli 1 u 2, imwettqa għall-benefiċċju tagħha minn kwalunkwe persuna, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li għandha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, ibbażata fuq:

(a)

setgħa ta’ rappreżentazzjoni tal-persuna ġuridika,

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika, jew

(ċ)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   Minbarra l-każijiet previsti fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli fejn in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 għamlet possibbli l-għemil ta’ l-imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika taħt il-paragrafi 1 u 2 m’għandhiex teskludi proċeduri kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi ta’ jew aċċessorji fl-imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

4.   “Persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità li għandha tali status taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, bl-eccezzjoni ta’ Stati jew korpi pubbliċi oħrajn fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat u organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 6

Penali għal persuni ġuridiċi

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 5(1) hija kastigabbli b’penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu penali oħrajn, bħal:

(a)

l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

(b)

l-iskwalifika temporanja jew permanenti mit-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali;

(ċ)

it-tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;

(d)

ordni ġudizzjarja ta’ stralċ.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 5(2) hija kastigabbli b’penali jew miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 7

Regoli kostituzzjonali u prinċipji fundamentali

1.   Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett għad-drittijiet fundamentali u għall-prinċipji legali fundamentali, inkluż il-libertà ta’ espressjoni u assoċjazzjoni, kif proklamati fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li teħtieġ l-Istati Membri jieħdu miżuri li huma f’kontradizzjoni mal-prinċipji fundamentali tagħhom relatati mal-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta’ espressjoni, b’mod partikolari l-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ espressjoni f’medja oħra kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali jew regoli li jirregolaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta’, u l-garanziji proċedurali għal, l-istampa jew medja oħra fejn dawn ir-regoli jirrelataw għad-determinazzjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbiltà.

Artikolu 8

Bidu ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet fi jew il-prosekuzzjoni ta’ imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2 m’għandhomx ikunu dipendenti fuq rapport jew akkuża magħmula mill-vittma ta’ l-imġiba, ta’ l-inqas fl-aktar każijiet serji fejn l-imġiba twettqet fit-territorju tiegħu.

Artikolu 9

Ġurisdizzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ l-imġiba msemmija fl-Artikoli 1 u 2 fejn l-imġiba twettqet:

(a)

fl-intier tagħha jew parzjalment fit-territorju tiegħu;

(b)

minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu; jew

(ċ)

għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Fl-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 1(a), kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-ġurisdizzjoni tiegħu testendi għal każijiet fejn l-imġiba titwettaq permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni u:

(a)

it-trasgressur iwettaq l-imġiba meta jkun fiżikament preżenti fit-territorju tiegħu, kemm jekk l-imġiba tinvolvi materjal ospitat fuq sistema ta’ informazzjoni fit-territorju tiegħu kif ukoll jekk le;

(b)

l-imġiba tinvolvi materjal imqieghed fuq sistema ta’ informazzjoni fit-territorju tiegħu, kemm jekk it-trasgressur iwettaq l-imġiba meta jkun fiżikament preżenti fit-territorju tiegħu, kif ukoll jekk le.

3.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax, jew li japplika biss f’każijiet jew ċirkostanzi speċifiċi, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni mniżżla fil-paragrafi 1 (b) u (c).

Artikolu 10

Implimentazzjoni u Revizjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijet din id-Deċiżjoni Qafas sat-28 ta’ Novembru 2010.

2.   Sa l-istess data l-Istati Membri għandhom jitrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test ta’ dispożizzjonijiet li jittrasponi fil-ligi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Qafas. Abbażi ta’ rapport imħejji fuqdin l-informazzjoni mill-Kunsill u rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, sat-28 ta’ Novembru 2013 jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunuikkonformaw ruhhom mad- dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

3.   Qabel it-28 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni Qafas. Għat-tħejjija ta’ din ir-reviżjoni, il-Kunsill għandu jitlob lill-Istati Membri dwar jekk kellhomx diffikultajiet fil-kooperazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tal-imgiba taħt l-Artikolu 1. Barra minn hekk, il-Kunsill jista’ jitlob lill-Eurojust biex jippreżenta rapport, dwar jekk id-differenzi bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali rriżultawx f’xi problemi rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam.

Artikolu 11

Tħassir ta’ l-Azzjoni Konġunta 96/443/ĠAI

Azzjoni Konġunta 96/443/ĠAI hija b’dan imħassra.

Artikolu 12

Applikazzjoni territorjali

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għal Ġibiltà.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ALLIOT-MARIE


(1)  Opinjoni tad-29 ta’ Novembru 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 19, 23.1.1999, p. 1.

(3)  ĠU C 146, 17.5.2001, p. 110.

(4)  ĠU L 185, 24.7.1996, p. 5.

(5)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.