14.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 272/19


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/796/PESK

tat-13 ta’ Ottubru 2008

li temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/132/PESK li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar (1).

(2)

Fil-15 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/736/PESK dwar il-missjoni ta’ osservazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia (2).

(3)

Fil-25 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/760/PESK dwar in-nomina tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi fil-Ġeorġja (3),

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2008/132/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3 għandu jiġi inserit il-punt ġdid li ġej:

“da)

jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja (EUMM Georgia) linji ta’ direzzjoni politiċi fuq il-livell lokali;”:

(2)

L-Artikolu 12 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni Ewropea fuq il-post jintużaw b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi politiċi tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun, u b’mod partikolari r-RSUE għall-kriżi fil-Ġeorġja. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni b’aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri li għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fit-twettiq tal-mandat tiegħu. Ir-RSUE jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja (EUMM Georgia) linji ta’ direzzjoni politiċi fuq il-livell lokali. Ir-RSUE u l-kmandant tal-operazzjoni ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin skont il-bżonn. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.”

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, 13 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 43, 19.2.2008, p. 30.

(2)  ĠU L 248, 17.9.2008, p. 26.

(3)  ĠU L 259, 27.9.2008, p. 16.