14.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 40/16


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/113/PESK

tat-12 ta’ Frar 2008

li tappoġġa l-Istrument Internazzjonali li jippermetti lill-Istati jidentifikaw u jittraċċaw, b’mod f’waqtu u affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW) fil-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Diċembru 2005, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat Strument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Strument Internazzjonali tat-Traċċar”).

(2)

Fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta’ l-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom (“Strateġija SALW ta’ l-UE”) li tappella għal appoġġ għall-adozzjoni ta’ strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar it-traċċar u l-immarkar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom.

(3)

Bl-adozzjoni ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, l-Istati kkommettew lilhom infushom li jwettqu għadd ta’ miżuri sabiex jiżguraw immarkar u żamma ta’ rekords adegwati għas-SALW u sabiex isaħħu l-koperazzjoni fit-traċċar tas-SALW illeċiti. B’mod partikolari, l-Istati għandhom jiżguraw li huma kapaċi jittraċċaw u jirrispondu għal talbiet ta’ traċċar skond il-ħtiġiet ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar. L-istrument jiddikjara li l-Istati ser jikkoperaw, kif xieraq, man-Nazzjonijiet Uniti sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu.

(4)

Fis-6 ta’ Diċembru 2006, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-riżoluzzjoni 61/66 dwar “Il-kummerċ illeċitu f’armi żgħar u armamenti ħfief fl-aspetti kollha tiegħu” li appellat lill-Istati sabiex jimplimentaw l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar li l-implimentazzjoni tiegħu jiġi kunsidrat matul il-Laqgħa Biennali ta’ l-Istati fl-2008.

(5)

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi implimentata skond il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv konkluż bejn il-Komunità Ewropea u n-NU.

(6)

Konformement mal-paragrafi 27, 29 u 30 ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, l-Uffiċċju tan-NU (Uffiċċju għall-Affarijiet tad-Diżarm) qed ifittex assistenza finanzjarja sabiex jappoġġa attivitajiet li huma mmirati lejn il-promozzjoni ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni Ewropea għandha tkompli l-promozzjoni ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar.

2.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa proġett ta’ l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet tad-Diżarm (minn hawn ‘il quddiem, l-Uffiċċju jissejjaħ “NU-ODA”) għall-promozzjoni ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar fl-2008, li jinkludi tliet workshops reġjonali sabiex l-uffiċjali governattivi rilevanti u oħrajn (inklużi l-punti ta’ kuntatt tas-SALW, l-uffiċjali ta’ l-infurzar tal-liġi, il-membri ta’ korpi nazzjonali ta’ koordinazzjoni, u membri parlamentari) isiru jafu aħjar id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar.

Id-deskrizzjoni tal-proġett tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-PESK (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “SĠ/RGħ”), għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ.

2.   L-implimentazzjoni teknika ta’ l-attivitajiet li jirriżultaw mill-kontribut ta’ l-UE għandha titwettaq min-NU-ODA, li għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza. Għal dan il-fini, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa man-NU-ODA.

3.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni għandhom iżommu lil xulxin regolarment infurmati dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 3

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta għandu jkun EUR 299 825, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2, li għandha tieħu l-forma ta’ għotja. Għal dan il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament man-NU-ODA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li n-NU-ODA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni ta’ l-UE, b’mod xieraq għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel dak li tista’ sabiex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tad-diversi ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 4

Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta abbażi ta’ rapporti imħejjijin min-NU-ODA. Dawn ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ. Hija għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji ta’ l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 12-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew 6 xhur wara d-data ta’ l-adozzjoni tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta’ finanzjament f’dak il-perijodu.

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


ANNESS

KONTRIBUZZJONI TA’ L-UE GĦALL-PROĠETT TAN-NU B’APPOĠĠ GĦALL-ISTRUMENT INTERNAZZJONALI TAT-TRAĊĊAR

1.   Introduzzjoni

Is-Segretarjat tan-NU (l-Uffiċċju għall-Affarijiet tad-Diżarm) (minn hawn ‘il quddiem “NU-ODA”), għandu l-ħsieb jorganizza, fl-2008, serje ta’ workshops reġjonali u subreġjonali sabiex l-uffiċjali governattivi rilevanti u oħrajn (inklużi l-punti ta’ kuntatt tas-SALW, l-uffiċjali ta’ l-infurzar tal-liġi, il-membri ta’ korpi nazzjonali ta’ koordinazzjoni, u l-parlamentari) ikunu jistgħu jsiru jafu aħjar id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istrument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’Mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW), adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-8 ta’ Diċembru 2005 ((minn hawn ‘il quddiem “Strument Internazzjonali tat-Traċċar”).

2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-workshops ser ikollhom punt fokali prattiku u jdumu jumejn u ser jipprovdu lill-parteċipanti b’informazzjoni mmirata lejn it-tisħiħ tal-fehim tagħhom ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, ir-rilevanza tiegħu u l-kapaċitajiet, il-ħiliet u r-riżorsi li jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, il-workshops ser jimmiraw li jagħtu bidu għal valutazzjonijiet ta’ ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

Il-Fergħa ta’ l-Armi Konvenzjonali (CAB) tan-NU-ODA bi ħsiebha torganizza u timplimenta l-workshops f’kollaborazzjoni mal-Fergħa għad-Diżarm Reġjonali ta’ l-Uffiċċju, li tinkludi t-tliet Ċentri għad-Diżarm Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti. Barra minn hekk, in-NU-ODA ser jagħmlu ħilithom sabiex jaħdmu fi sħubija mal-Gvernijiet interessati, l-organizzazzjonijiet reġjonali u/jew sub-reġjonali rilevanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’kompetenza fil-qasam ta’ l-immarkar u t-traċċar tas-SALW, inkluż iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Bonn għall-Konverżjoni (BICC), il-Groupe de Recherche et d’Information sur la Paix et la Securité (GRIP) u l-Istħarriġ dwar l-Armi Żgħar (SAS). F’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-Interpol, ser jiġu pprovduti wkoll preżentazzjonijiet tekniċi bil-ħsieb li l-parteċipanti jiffamiljarizzaw lilhom infushom ma’ l-għodod tekniċi disponibbli u sabiex l-uffiċjali ta’ l-infurzar tal-liġi jiġu assistiti fl-identifikar u t-traċċar tas-SALW illeċiti.

2.1.   L-Afrika tal-Punent

Lokalitajiet possibbli għall-workshop fl-Afrika tal-Punent huma Bamako (Mali), Abuja (in-Niġerja), Libreville (il-Gabon), jew iċ-Ċentru Reġjonali tan-NU għall-Paċi u d-Diżarm f’Lomé (Togo). Deċiżjoni finali dwar il-lok tal-workshop ser tittieħed min-NU-ODA, f’koordinazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ.

L-Istati Membri ta’ l-organizzazzjonijiet subreġjonali, il-“Komunità Ekonomika ta’ l-Istati Afrikani tal-Punent” (ECOWAS) u l-“Komunità Ekonomika ta’ l-Istati ta’ l-Afrika Ċentrali” (ECCAS) ser ikunu eliġibbli li jipparteċipaw (1) fil-workshop:

ECOWAS: Benin, Burkina Faso, Kap Verde, Côte d’Ivoire, Gambja, Gana, Ginea-Bissaw, il-Liberja, Mali, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, Sierra Leone, Togo. ECCAS: Angola, Burundi, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Rwanda, il-Kamerun, ir-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali, iċ-Ċad, il-Kongo, il-Gabon, il-Ginea Ekwatorjali, is-Sao Tom u Prinċipe.

2.2.   L-Asja

Il-workshop fl-Asja għandu jsir f’Seoul, ir-Repubblika tal-Korea.

Il-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli sabiex jipparteċipaw fil-workshop:

l-Afganistan, l-Awstralja (2), il-Bangladexx, il-Kambodja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indonesja, il-Ġappun (2), il-Kazakstan, il-Malasja, il-Mjanmar, in-Nepal, il-Pakistan, il-Papwa-Ginea Ġdida, il-Filippini, il-Gżejjer Solomon, is-Sri Lanka, it-Taġikstan, it-Tajlandja, it-Timor-Leste, it-Turkmenistan, l-Uzbekistan, il-Vjetnam.

2.3.   L-Amerika Latina u l-Karibew

Il-workshop fl-Amerika Latina u fil-Karibew għandu jsir fil-Brażil. Deċiżjoni finali dwar il-lok tal-workshop ser tittieħed min-NU-ODA, f’koordinazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ.

Il-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli sabiex jipparteċipaw fil-workshop:

l-Arġentina, il-Bahamas, il-Barbados, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolumbja, Kuba, il-Kosta Rika, ir-Repubblika Domenikana, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Guyana, Ħaiti, il-Ħonduras, il-Ġamajka, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, it-Trinidad u Tobago, l-Urugwaj, il-Venezwela.

3.   Tul ta’ żmien

It-tul ta’ żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun ta’ 12-il xahar.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji tas-seminars huma l-Istati fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina, kif indikat hawn fuq, li skond in-NU-ODA jeħtieġu jsaħħu l-fehim tagħhom tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, kif ukoll jidentifikaw il-kapaċitajiet, il-ħiliet u r-riżorsi li jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali.

Id-donaturi potenzjali ta’ assistenza reġjonali u assistenza teknika oħra, kif ukoll l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sub-reġjonali rilevanti ser jiġu mistiedna jattendu wkoll.

5.   Entità ta’ implementazzjoni

Fil-kuntest tar-responsabbiltà globali tiegħu, in-NU-ODA ser jimplimenta l-attivitajiet tekniċi li jirriżultaw mill-kontribuzzjoni ta’ l-UE, kif stipulat f’din l-Azzjoni Konġunta, taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza.

6.   Spiża totali stmata tal-proġett u l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-UE

Il-proġetti huma ko-finanzjati mill-UE u donaturi oħrajn. Il-kontribuzzjoni ta’ l-UE ser tkopri l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti mill-Istati benefiċjarji u ta’ l-esperti fil-workshops, bl-esklużjoni tal-persunal tan-NU, kif ukoll l-ispejjeż tal-konferenzi. Il-kontribuzzjoni ta’ l-UE ser tiffinanzja l-attivitajiet eliġibbli għall-workshop fl-Afrika bħala prijorità. L-infiq li jsir mill-organizzazzjonijiet rilevanti reġjonali u sub-reġjonali jista’ wkoll ikun kopert, sa fejn dan ikun relatat direttament mal-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet taħt il-proġetti. In-NU-ODA ser ikun responsabbli għall-koordinazzjoni ġenerali tal-kontribuzzjonijiet minn donaturi oħrajn, li ser jiffinanzjaw l-ispejjeż li jifdal tal-proġett.

L-ispiża totali stmata tal-proġett hi $ 798 800 li għaliha l-UE ser tikkontribwixxi EUR 299 825.


(1)  In-NU-ODA ser jorganizza workshop fit-Tramuntana, fil-Lvant u fin-Nofsinhar ta’ l-Afrika f’Diċembru 2007.

(2)  Il-Gvernijiet ta’ l-Awstralja u l-Ġappun ser iħallsu l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar tal-parteċipanti tagħhom.