|
13.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 38/26 |
POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2008/109/PESK
tat-12 ta’ Frar 2008
dwar miżuri restrittivi imposti kontra l-Liberja
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fl-2003 l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 1521 (2003) li timponi miżuri restrittivi kontra l-Liberja. Dawn il-miżuri ġew implimentati mill-Pożizzjoni Komuni 2004/137/PESK ta’ l-10 ta’ Frar 2004 dwar miżuri restrittivi imposti kontra l-Liberja (1). |
|
(2) |
B’segwitu għall-adozzjoni ta’ l-UNSCR 1683 (2006) u l-UNSCR 1731 (2006), il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/518/PESK ta’ l-24 ta’ Lulju 2006 li temenda u ġġedded ċerti miżuri restrittivi imposti kontra l-Liberja (2), u l-Pożizzjoni Komuni 2007/93/PESK tat-12 ta’ Frar 2007 li temenda u ġġedded il-Pożizzjoni Komuni 2004/137/PESK dwar miżuri restrittivi imposti kontra l-Liberja (3) rispettivament. |
|
(3) |
Fid-dawl ta’ l-iżviluppi fil-Liberja, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fid-19 ta’ Diċembru 2007 adotta l-UNSCR 1792 (2007) li ġeddedt il-miżuri restrittivi fuq l-armi u l-ivvjaġġar għal perijodu ulterjuri ta’ 12-il xahar. L-UNSCR 1792 (2007) introduċiet ukoll obbligu li l-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 21 ta’ l-UNSCR 1521 (2003) jiġi nnotifikat mal-kunsinna ta’ l-armi kollha u materjal relatat fornuti skond il-paragrafu 2(e) jew 2(f) ta’ l-UNSCR 1521 (2003), il-paragrafu 2 ta’ l-UNSCR 1683 (2006), jew il-paragrafu 1(b) ta’ l-UNSCR 1731 (2006). |
|
(4) |
Għall-fini ta’ kjarezza, il-miżuri msemmijin hawn fuq għandhom jiġu kkonsolidati f’att legali uniku. |
|
(5) |
Azzjoni mill-Komunità hi meħtieġa sabiex jiġu implimentati xi wħud minn dawn il-miżuri, |
ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:
Artikolu 1
1. Il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi jew materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armamenti u ammunizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta’ rikambju għal dawk imsemmija qabel, lil-Liberja minn ċittadini ta’ Stati Membri jew minn territorji ta’ Stati Membri jew l-użu ta’ bastimenti jew inġenji ta’ l-ajru tal-bandiera tagħhom għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.
2. Għandu jiġi pprojbit wkoll:
|
(a) |
li jiġu mogħtija, mibjugħa, fornuti, jew trasferiti assistenza teknika, servizzi ta’ sensarija u servizzi oħra relatati ma’ attivitajiet militari u għall-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ oġġetti fil-paragrafu 1, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-, jew għall-użu fil-Liberja, |
|
(b) |
li jiġu pprovduti assistenza ta’ finanzjament jew finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti fil-paragrafu 1, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-, jew għall-użu fil-Liberja. |
Artikolu 2
1. L-Artikolu 1 m’għandux japplika għal:
|
(a) |
armi u materjal relatat u taħriġ u assistenza teknika maħsubin biss għall-appoġġ jew għall-użu mill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Liberja; |
|
(b) |
armi u materjal relatat u taħriġ u assistenza teknika maħsubin biss għall-appoġġ jew għall-użu fi programm internazzjonali ta’ riforma u taħriġ għall-forzi armati u għall-pulizija tal-Liberja, kif approvat minn qabel mill-Kumitat stabbilit fil-paragrafu 21 ta’ l-UNSCR 1521 (2003) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”); |
|
(ċ) |
tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, u assistenza jew taħriġ tekniku relatat, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; |
|
(d) |
ilbies protettiv, inkluż ġkieket antiprojettili u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Liberja minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u fil-qasam ta’ l-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss. |
|
(e) |
armamenti u ammunizzjon li diġà ġew ipprovduti lill-membri tas-Servizz tas-Sigurtà Speċjali (SSS) għal finijiet ta’ taħriġ u li jibqgħu fil-kustodja tas-SSS għal użu operattiv mingħajr xkiel, dment li t-trasferiment tagħhom lis-SSS kien ġie approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u assistenza teknika u finanzjarja relatata ma’ tali armamenti u ammunizzjon; |
|
(f) |
armamenti u ammunizzjon maħsuba biss għall-użu minn membri tal-forzi tas-sigurtà u tal-pulizija tal-Gvern tal-Liberja li ġew mistħarrġa u mħarrġa mill-bidu tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Liberja, dment li tali provvisti ġew approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, fuq talba konġunta mill-Gvern tal-Liberja u l-Istat ta’ l-esportazzjoni, u assistenza teknika u finanzjarja relatata ma’ tali armamenti u ammunizzjon; |
|
(g) |
tagħmir militari mhux letali għajr armamenti u ammunizzjon mhux letali, kif innotifikat minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, maħsuba biss għall-użu minn membri tal-pulizija u tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern tal-Liberja li ġew mistħarrġa u mħarrġa mill-bidu tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Liberja f’Ottubru 2003. |
2. Il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat jew l-għoti ta’ servizzi, msemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (e), (f) u (g) għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom iqisu l-kunsinni skond il-paragrafu 1(a), (b), (c), (e), (f) u (g) fuq bażi ta’ każ b’każ, b’kont sħiħ meħud tal-kriterji stabbiliti fil-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-esportazzjoni ta’ l-armi. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu salvagwardji xierqa kontra l-użu ħażin ta’ l-awtorizzazzjoni mogħtija skond dan il-paragrafu u, fejn hu xieraq, jagħmlu dispożizzjonijiet għar-ripatrijazzjoni ta’ l-armi u l-materjal relatat ikkunsinjati.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mal-kunsinna ta’ l-armi kollha u materjal relatat fornuti skond il-paragrafu 1 (b), (c), (f) u (g).
Artikolu 3
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi pprevenut dħul ġot-, jew transitu mit-territorji tagħhom ta’ l-individwi kollha, innominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li:
|
(a) |
jikkostitwixxu theddida għall-proċess ta’ paċi fil-Liberja, jew li huma impenjati f’attivitajiet bil-għan li jikkompromettu l-paċi u l-istabbilità fil-Liberja u s-subreġjun inklużi dawk il-membri anzjani tal-Gvern ta’ dak li qabel kien il-President Charles Taylor u l-konjuġi tagħhom u membri ta’ dawk li qabel kienu l-forzi armati tal-Liberja li għandhom rabta ma’ dak li qabel kien il-President Charles Taylor; |
|
(b) |
qed jiksru l-projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armamenti u ammunizjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta’ rikambju għal dawk imsemmija qabel, jew qed jiksru l-projbizzjoni ta’ l-għoti ta’ taħriġ jew assistenza teknika relatata mal-provvista, manifattura, manutenzjoni jew użu ta’ tali oġġetti; |
|
(ċ) |
jipprovdu appoġġ finanzjarju jew militari lil gruppi ta’ ribelli armati fil-Liberja jew f’pajjiżi fir-reġjun jew li huma assoċjati ma’ entitajiet li jagħmlu dan. |
2. Xejn fil-paragrafu 1 m’għandu jobbliga xi Stat li jirrifjuta dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.
3. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina li l-ivvjaġġar huwa ġġustifikat għal raġunijiet ta’ ħtieġa umanitarja, inkluż obbligu reliġjuż, jew fejn il-Kumitat jikkonkludi li eżenzjoni tippromwovi b’xi mod l-objettivi tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għall-ħolqien tal-paċi, l-istabbiltà u d-demokrazija fil-Liberja u għall-paċi fit-tul fis-subreġjun.
Artikolu 4
Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha. Hija għandha tiġi emendata jew irrevokata skond il-każ, fid-dawl tad-determinazzjonijiet magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Artikolu 5
Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
A. BAJUK
(1) ĠU L 40, 12.2.2004, p. 35. Pożizzjoni Komuni kif emendata l-aħħar bil-Pożizzjoni Komuni 2007/400/PESK (ĠU L 150, 12.6.2007, p. 15).