30.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 350/58 |
DEĊIŻJONI Nru 1358/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Diċembru 2008
li temenda d-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm “Europe for Citizens” li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u notevolment l-Artikoli 151 u 308 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni
Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 (2) stabbilixxiet il-programm “Europe for Citizens” għall-perjodu 2007-2013. |
(2) |
L-Artikolu 8(3), tad-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE, jistipula li l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm minbarra dawk elenkati fil-paragrafu 2 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3) ta’ dik id-Deċiżjoni, jiġifieri skond il-proċedura konsultattiva stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (3). |
(3) |
Dawn il-kliem tad-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE jirriżultaw f’li deċiżjonijiet oħra ta’ selezzjoni li mhumiex dawk imsemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Deċiżjoni jiġu soġġetti għall-proċedura konsultattiva u għad-dritt ta’ skrutinju mill-Parlament Ewropew. |
(4) |
Madanakollu dawn il-deċiżjonijiet ta’ selezzjoni jikkonċernaw prinċipalment għotjiet żgħar u ma jinvolvux teħid ta’ deċiżjonijiet li jkunu politikament sensittivi. |
(5) |
Dawn il-modalitajiet ta’ proċedura jżidu minn xahrejn sa tliet xhur fil-proċess ta’ allokazzjoni tas-sussidji lill-kandidati. Dawn iwasslu għal ħafna dewmien vis-à-vis il-benefiċjarji ta’ l-allokazzjonijiet, jitfgħu piż disproporzjonat fuq l-amministrazzjoni tal-programm u ma jiġġenerawx valur miżjud meta titqies in-natura tal-għotjiet mogħtija. |
(6) |
Sabiex tkun possibbli implimentazzjoni aktar mgħaġġla u aktar effikaċi tad-deċiżjonijiet ta’ għażla, huwa meħtieġ li l-proċedura konsultattiva tiġi sostitwita minn obbligu fuq il-Kummissjoni li mingħajr dewmien tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri dwar kwalunkwe miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE mingħajr l-għajnuna ta' kumitat, |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE għandha tiġi emendata kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 8(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej; “3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9 u lill-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet l-oħra kollha ta' selezzjoni li tkun ħadet dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, fi żmien jumejn ta' xogħol mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet involuti. Din l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjonijiet u analiżi ta' l-applikazzjonijiet irċevuti, deskrizzjoni tal-proċedura ta' selezzjoni u ta' evalwazzjoni, u l-listi kemm tal-proġetti proposti għal finanzjament kif ukoll ta’ dawk li jkunu ġew rifjutati.” |
(2) |
L-Artikolu 9(3) għandu jiġi mħassar. |
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lil-Parlament Ewropew u lil-Kunsill dwar l-impatt ta’ din id-Deċiżjoni sat-30 ta' Ġunju 2010.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strażburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
B. LE MAIRE
(1) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Settembru 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008.
(2) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32.
(3) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.