24.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 348/128


DEĊIŻJONI Nru 1352/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li temenda d-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007-2013)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 151(5), l-ewwel daħla tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Li jagħtu deċiżjoni b’konformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006  (2) stabbiliet il-Programm Kultura għall-perjodu 2007-2013.

(2)

L-Artikolu 8(3), tad-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE, jistipula li miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm minbarra dawk elenkati fil-paragrafu 2 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3) ta’ dik id-Deċiżjoni, jiġifieri skond il-proċedura konsultattiva stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (3).

(3)

Dan il-kliem tad-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE jirriżulta b'mod partikolari f'li deċiżjonijiet oħra ta’ għażla li mhumiex imsemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Deċiżjoni jiġu soġġetti għall-proċedura konsultattiva u għad-dritt ta' skrutinju mill-Parlament Ewropew.

(4)

Madanakollu dawn il-deċiżjonijiet ta’ selezzjoni jikkonċernaw prinċipalment proġetti qosra li għandhom ċiklu ta' ħajja li mhux kompatibbli ma' proċeduri twal ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ma jinvolvux teħid ta’ deċiżjonijiet politikament sensittivi.

(5)

Dawn il-modalitajiet ta’ proċedura jżidu minn xahrejn għal tliet xhur fil-proċess ta’ allokazzjoni tas-sussidji lill-kandidati. Dawn iwasslu għal ħafna dewmien għall-benefiċjarji ta’ l-allokazzjonijiet, jitfgħu piż sproporzjonat fuq l-amministrazzjoni tal-programm u ma jiġġenerawx valur miżjud meta titqies in-natura tal-għotjiet mogħtija.

(6)

Sabiex tkun possibbli implimentazzjoni aktar mgħaġġla u aktar effikaċi tad-deċiżjonijiet ta’ għażla, huwa meħtieġ li l-proċedura konsultattiva tiġi sostitwita minn obbligu fuq il-Kummissjoni li mingħajr dewmien tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri dwar kwalunke miżura meħuda sabiex tiġi implimentata d-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE mingħajr l-għajnuna ta' kumitat,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 8(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9 u lill-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet l-oħra kollha ta' selezzjoni li tkun ħadet għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, fi żmien jumejn ta' xogħol mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija. Din l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjonijiet u analiżi ta' l-applikazzjonijiet irċevuti, deskrizzjoni tal-proċedura ta' selezzjoni u ta' evalwazzjoni, u l-listi kemm tal-proġetti proposti għal finanzjament kif ukoll ta’ dawk li ġew rifjutati.”

(2)

L-Artikolu 9(3) għandu jitħassar.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt ta' din id-Deċiżjoni sal-25 ta' Ġunju 2010.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Settembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008.

(2)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.