24.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 348/115


DEĊIŻJONI Nru 1350/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li tikkonċerna s-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 149 u 150 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-Ewropa teħtieġ li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha fil-kreattività u l-innovazzjoni għal raġunijiet soċjali u ekonomiċi biex twieġeb b’mod effettiv għall-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-għarfien: il-kapaċità ta’ l-innovazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-kreattività bħala attribut personali, u jeħtiġilha tinxtered fil-beraħ mal-popolazzjoni kollha biex tiġi sfruttata bis-sħiħ. Dan jitlob strateġija msejsa fuq it-tagħlim tul il-ħajja.

(2)

Is-sistemi ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom jaħsbu b’mod suffiċjenti fil-livelli kollha xierqa għall-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin fl-appoġġ tal-kreattività u ta’ l-innovazzjoni, bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u oriġinali fil-ħajja personali, professjonali u soċjali.

(3)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona tat-23 u tal-24 ta’ Marzu 2000 ikkonkluda li “qafas Ewropew għandu jiddefinixxi ħiliet ġodda bażiċi li għandhom jinkisbu permezz tat-tagħlim tul il-ħajja” bħala miżura ewlenija fir-rispons ta’ l-Ewropa għall-“globalizzazzjoni u l-bidla għall-ekonomiji msejsa fuq l-għarfien”, u saħaq fuq il-fatt li “n-nies huma l-assi ewlenija ta’ l-Ewropa”.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2001 intitolata “It-twettiq ta’ Żona Ewropea ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja” u r-Riżoluzzjoni sussegwenti tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja (4) identifikat il-kisba ta’ “ħiliet bażiċi ġodda” bħala prijorità u saħqet dwar il-fatt li “t-tagħlim tul il-ħajja għandu jkopri t-tagħlim mill-eta' ta’ qabel l-iskola sa dik ta’ wara l-irtirar mix-xogħol”.

(5)

Ir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin tat-tagħlim tul il-ħajja (5) identifikat fost bosta kompetenzi ewlenin, b'mod partikolari, “il-kompetenza matematika u l-kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija”, “it-tagħlim dwar kif titgħallem”, “il-kompetenza diġitali”, “is-sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija”, “l-għarfien u l-espressjoni kulturali” u “l-kompetenzi soċjali u ċiviċi”.

(6)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 2007, ġibed l-attenzjoni li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma prerekwiżiti għal trijangolu ta’ għarfien li jaħdem tajjeb (edukazzjoni-riċerka-innovazzjoni) u dawn għandhom rwol ewlieni fit-titjib tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Huwa sejjaħ għal attenzjoni partikolari li għandha tingħata fl-istimolu tal-potenzjal ta’ l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inklużi dawk fis-setturi kulturali u kreattivi, minħabba r-rwol tagħhom bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku, tal-ħolqien ta’ l-impjiegi u ta’ l-innovazzjoni.

(7)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni hija mod effettiv li tgħin fl-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa permezz ta’ żieda fl-għarfien pubbliku, tat-tixrid ta’ tagħrif dwar prattika tajba, u l-promozzjoni tad-dibattitu dwar il-politika u r-riċerka. Permezz tal-ħolqien ta’ ambjent għall-promozzjoni simultanea ta’ dawn l-għanijiet f’livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, din tista’ tikseb aktar sinerġija u massa kritika akbar minn sforzi varji f’livelli differenti.

(8)

Billi l-promozzjoni tal-kreattività u tal-kapaċità għall-innovazzjoni permezz tat-tagħlim tul il-ħajja taqa’ fi ħdan l-għanijiet ta’ programmi Komunitarji eżistenti, sena bħal din tista’ tiġi implimentata permezz tal-użu ta’ dawk il-programmi fi ħdan il-marġni eżistenti li huma jipprovdu għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet ta’ finanzjament fuq bażi annwali jew multiannwali; il-programmi u l-linji politiċi f'oqsma oħra, bħall-kultura, il-komunikazzjoni, l-intrapriża, il-koeżjoni, l-iżvilupp rurali, ir-riċerka u s-soċjetà tal-informazzjoni jinkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni tal-kreattività u għal kapaċità għall-innovazzjoni u jistgħu jappoġġjaw l-inizjattiva fi ħdan l-oqfsa legali rispettivi tagħhom.

(9)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tappoġġja l-isforzi ta’ l-Istati Membri biex jippromwovu l-kreattività, permezz ta’ tagħlim tul il-ħajja, bħala l-mutur għall-innovazzjoni u bħala l-fattur ewlieni għall-iżvilupp tal-kompetenzi personali, professjonali, intraprenditorjali u soċjali u l-benessri ta’ l-individwi kollha fis-soċjetà, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar f’livell tal-Komunità, il-Komunità tista' taddotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Is-sena 2009 se tiġi nnominata bħala “s-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni” (minn hawn 'il quddiem imsejħa s-“Sena”).

Artikolu 2

Għanijiet

1.   L-għan ġenerali tas-Sena għandu jkun l-appoġġ ta’ l-isforzi ta’ l-Istati Membri biex jippromwovu l-kreattività, permezz ta’ tagħlim tul il-ħajja, bħala l-mutur għall-innovazzjoni u bħala l-fattur ewlieni għall-iżvilupp tal-kompetenzi personali, professjonali, intraprenditorjali u soċjali u l-benessri ta’ l-individwi kollha fis-soċjetà.

2.   L-għan speċifiku tas-Sena għandu jkun it-titjib, inter alia, tal-fatturi li ġejjin li jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-kreattività u għall-kapaċità ta’ l-innovazzjoni:

(a)

il-kisba ta’ ambjent li jiffavorixxi l-innovazzjoni, u l-adattabilità f'dinja li qed tinbidel b'mod rapidu; għandhom jitqiesu l-forom kollha ta’ innovazzjoni, inklużi l-innovazzjoni soċjali u intraprenditorjali;

(b)

l-enfasi fuq il-ftuħ għad-diversità kulturali bħala mezz ta’ trawwim tal-komunikazzjoni interkulturali u ta’ promozzjoni ta’ rabtiet eqreb bejn l-oqsma differenti tal-arti, u kif ukoll mal-iskejjel u l-universitajiet;

(c)

l-istimolu tas-sensitività fl-estetika, l-iżvilupp ta’ l-emozzjonijiet, il-ħsieb kreattiv u l-intuwizzjoni fit-tfal kollha mill-istadji l-aktar bikrin ta’ l-iżvilupp inkluża l-formazzjoni pre-skolastika;

(d)

żieda fl-għarfien f’dik li hija importanza tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija għall-iżvilupp personali, kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; u t-trawwim ta’ mħuħ intraprenditorjali, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ permezz ta’ kooperazzjoni mad-dinja tal-kummerċ;

(e)

il-promozzjoni ta’ l-edukazzjoni fil-ħiliet elementari kif ukoll avvanzati tal-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija li jwasslu għall-innovazzjoni teknoloġika;

(f)

it-trawwim tad-dispożizzjoni lejn il-bidla, il-kreattività u s-soluzzjoni tal-problemi bħala kompetenzi li jwasslu għall-innovazzjoni li jistgħu jiġu applikati f’bosta kuntesti professjonali u soċjali;

(g)

it-tkabbir ta’ l-aċċess, għal varjetà ta’ forom kreattivi ta’ espressjoni tal-individwu nnifsu, kemm permezz ta’ edukazzjoni formali u kif ukoll permezz ta’ attivitajiet mhux formali u informali għaż-żgħażagħ;

(h)

il-ħolqien ta’ kuxjenza fost il-persuni kemm jekk ġewwa u kif ukoll jekk barra s-suq tax-xogħol, li l-kreattività, it-tagħrif u l-flessibbiltà huma importanti fi żminijiet ta’ bidliet teknoloġiċi rapidi u ta’ integrazzjoni globali lejn ħajja soddisfaċenti u ta’ ġid, kif ukoll t-tħejjija tal-poplu sabiex ikollu iktar opportunitajiet fil-karriera fl-oqsma kollha fejn il-kreattività u l-kapaċità għall-innovazzjoni għandhom irwol importanti;

(i)

il-promozzjoni tat-tfassil bħala attività kreattiva li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-innovazzjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ l-innovazzjoni u l-ħiliet tal-ġestjoni fl-ippjanar, inklużi kunċetti bażiċi tal-ħarsien tal-proprjetà intelletwali;

(j)

l-iżvilupp tal-kreattività u tal-kapaċità innovattiva fl-organizzazzjonijiet privati u pubbliċi permezz tat-taħriġ u l-inkoraġġiment tagħhom biex jagħmlu użu aħjar mill-kapaċitajiet kreattivi kemm tal-impjegati kif ukoll tal-klijenti.

Artikolu 3

Il-kontenut tal-miżuri

Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu l-attivitajiet li ġejjin f'livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali marbuta ma’ l-għanijiet u t-temi tas-Sena:

(a)

konferenzi, avvenimenti u inizjattivi għall-promozzjoni ta’ dibattiti u t-tkabbir ta’ l-għarfien dwar l-importanza tal-kreattività u l-kapaċità għall-innovazzjoni;

(b)

kampanji ta’ tagħrif u ta’ promozzjoni biex jinxterdu l-messaġġi ewlenin;

(c)

l-identifikazzjoni ta’ l-eżempji ta’ prattika tajba u t-tixrid ta’ tagħrif dwar il-promozzjoni ta’ kreattività u kapaċità għall-innovazzjoni;

(d)

stħarriġ u studji fuq skala Komunitarja jew nazzjonali.

Flimkien ma’ l-attivitajiet ko-finanzjati mill-Komunità skond l-Artikolu 6, il-Kummissjoni jew l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw attivitajiet oħra li jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-sena u jawtorizzaw l-użu ta’ l-isem tas-Sena fil-promozzjoni ta’ dawk l-attivitajiet sakemm dawn jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2.

Artikolu 4

Koordinazzjoni fil-livell nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sehem tiegħu fis-Sena. Il-koordinatur għandu jiżgura l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali ta’ l-azzjonijiet relatati mas-Sena.

Artikolu 5

Koordinazzjoni fil-livell Ewropew

Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali biex jikkoordinaw l-implimentazzjoni tas-Sena f’livell Ewropew u jiskambjaw it-tagħrif dwar l-implimentazzjoni tagħha f’livell nazzjonali.

Artikolu 6

Finanzjament

Il-kofinanzjament f'livell Ewropew tal-attivitajiet fi ħdan il-qafas tas-Sena għandu jkun konformi mal-prijoritajiet u r-regoli li japplikaw, fuq bażi annwali jew multiannwali, għall-programmi eżistenti, b’mod partikulari fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Fejn ikun xieraq, il-programmi u l-linji politiċi f'oqsma oħra, bħall-kultura, il-komunikazzjoni, l-intrapriża, il-koeżjoni, l-iżvilupp rurali, ir-riċerka u s-soċjetà tal-informaazzjoni, jistgħu jappoġġjaw is-Sena.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  Opinjoni tad-9 ta’ Lulju 2008 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 46.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Settembru 2008 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008.

(4)  ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.