24.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 348/108


DEĊIŻJONI Nru 1348/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li temenda Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE li għandha x’taqsam mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ 2-(2-methoxyethoxy)ethanol, 2-(2-butoxyethoxy)ethanol, methylenediphenyl diisocyanate, cyclohexane u n-nitrat ta’ l-ammonju

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-riskji li jinħolqu għas-saħħa umana mit-2-(2-methoxyethoxy)ethanol (DEGME), it-2-(2-butoxyethoxy)ethanol (DEGBE), il-methylenediphenyl diisocyanate (MDI) u s-cyclohexane ġew assessjati b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (3). Il-valutazzjoni tar-riskju għal dawn is-sustanzi kimiċi kollha identifikat il-ħtieġa li jiġu limitati r-riskji li jinħolqu għas-saħħa umana. Dawn il-konklużjonijiet ġew ikkonfermati mill-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent.

(2)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 1999/721/KE tat-12 ta’ Ottubru 1999 dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u dwar l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għas-sostanzi: 2-(2-butoxyethoxy)ethanol; 2-(2-methoxyethoxy)ethanol; Alkanes, C10-13, kloro; Benzene, id-derivati tas-C10-13-alkyl (4) u 2008/98/KE tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Piperazine; Cyclohexane; Methylenediphenyl diisocyanate; But-2yne-1,4-diol; Methyloxirane; l-Anilina; 2-Ethylhexylacrylate; 1,4-Dichlorobenzene; 3,5-dinitro-2,6-dimethyl-4-tert-butylacetophenone; Di-(2-ethylhexyl)phthalate; il-Fenol; 5-tert-butyl-2,4,6-trinitro-m-xylene (5), adottata fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 793/93, ipproponiet strateġija għal-limitazzjoni tar-riskji għad-DEGME, għad-DEGBE, għall-MDI u s-cyclohexane rispettivament, billi rrakkomandat miżuri ta’ restrizzjoni bid-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati mar-restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (6) għandhom jiġu applikati għal preparazzjonijiet li fihom dawn is-sustanzi mqegħdin fis-suq għall-forniment tal-pubbliku.

(3)

Sabiex jiġu protetti l-konsumaturi, jidher għalhekk meħtieġ li jiġi ristrett it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ preparazzjonijiet li fihom id-DEGME, id-DEGBE, l-MDI jew is-cyclohexane waqt użu speċifiku.

(4)

Id-DEGME rari ħafna jintuża bħala kostitwent ta’ żebgħat għal konsumaturi, ta’ aġenti tat-tindif, ta’ emulsjonijiet leqqiena u siġillanti għall-art. Il-valutazzjoni tar-riskju li diġà ssemmiet hawn fuq uriet li jeżisti riskju għas-saħħa tal-konsumaturi minħabba l-espożizzjoni tal-ġilda għaż-żebgħa u għall-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-DEGME. Id-DEGME użat bħala kostitwent taż-żebgħat u tal-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa ma għandux għalhekk jitqiegħed fis-suq għall-forniment tal-pubbliku inġenerali. Anke jekk l-użu tad-DEGME bħala kostitwent ta’ aġenti tat-tindif, f’emulsjonijiet leqqiena u f’siġillanti għall-art ma ġiex evalwat, huwa xorta jista’ jkun ta’ riskju simili u għaldaqstant id-DEGME użat bħala kostitwent ta’ dawk il-preparazzjonijiet ukoll m’għandux jitqiegħed fis-suq għall-provvista tal-pubbliku ġenerali. Għandu jiġi adottat valur limitu ta’ 0,1 % bil-massa ta’ DEGME f’dawn il-preparazzjonijiet għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq.

(5)

Id-DEGBE jintuża bħala kostitwent taż-żebgħat u tal-prodotti li jnaddfu. Il-valutazzjoni tar-riskju msemmija hawn fuq għad-DEGBE wriet li hemm riskju għas-saħħa tal-konsumaturi meta jinġibed man-nifs waqt l-applikazzjoni ta’ żebgħa bl-isprej. Għandu jiġi introdott limitu derivat sikur ta’ konċentrazzjoni ta’ 3 % għad-DEGBE fiż-żebgħat għall-isprejjar biex jiġi evitat ir-risku, għall-konsumaturi, li dan jinġibed man-nifs. Anke jekk l-użu tad-DEGBE bħala kostitwent ta’ sprejs tat-tindif f’dispensers ta’ l-aerosol ma ġiex evalwat, huwa xorta jista’ jkun ta’ riskju simili u għaldaqstant id-DEGBE użat bħala kostitwent f’dawk l-isprejs ukoll m’għandux jitqiegħed fis-suq għall-provvista tal-pubbliku ġenerali f’konċentrazzjonijiet daqs jew ikbar minn 3 % bil-massa. Id-dispensers ta’ l-aerosol għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE ta’ l-20 ta’ Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw id-dispensers ta’ l-aerosol (7).

(6)

Għal żebgħat oħra li mhumiex żebgħat għall-isprejjar, twissija kontra l-użu ta’ żebgħat ta’ din ix-xorta fit-tagħmir għall-isprejjar għandha tkun meħtieġa fejn dawn iż-żebgħat ikun fihom id-DEGBE f’konċentrazzjoni li tkun daqs jew ikbar minn 3 % bil-massa.

(7)

Sabiex tiġi żgurata t-tneħħija gradwali adatta ta’ żebgħat għall-isprejjar u sprejs tat-tindif f’dispensers ta’ l-aerosol li ma jissodisfawx il-limiti tal-konċentrazzjoni għad-DEGBE, għandhom jiġu stabbiliti dati differenti għall-applikabilità tar-restrizzjoni fir-rigward ta’ l-ewwel tqegħid fis-suq u tal-bejgħ finali għad-DEGBE fiż-żebgħat għall-isprejjar u sprejs tat-tindif f’dispensers ta’ l-aerosol.

(8)

Il-valutazzjoni tar-riskju għall-MDI wriet li hemm bżonn li jiġu limitati r-riskji matul l-użu tal-konsumatur ta’ preparazzjonijiet li fihom l-MDI minħabba preokkupazzjonijiet relatati mal-ġbid tan-nifs u dwar l-espożizzjoni tal-ġilda. Sabiex jiġu evitati u limitati dawn ir-riskji, it-tqegħid fis-suq għall-forniment tal-pubbliku inġenerali ta’ preparazzjonijiet li fihom l-MDI għandu jkun awtorizzat biss taħt ċerti kondizzjonijiet bħalma huma l-forniment mandatorju ta’ ingwanti protettivi xierqa u l-istruzzjonijiet addizzjonali mal-pakkett. Dawn l-ingwanti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw tagħmir protettiv personali (8). Peress li l-forniment ta’ tagħmir ta’ protezzjoni u l-istampar ta’ struzzjonijiet rilevanti se jkun jeħtiġilhom sforzi speċifiċi mill-produtturi, għandu jingħata perjodu itwal ta’ tranżizzjoni.

(9)

Il-valutazzjoni tar-riskju għas-cyclohexane iffokat fuq l-espożizzjoni tal-konsumaturi matul l-użu ta’ preparazzjonijiet li fihom is-cyclohexane għat-tqegħid tat-twapet, u kkonkludiet li miżuri ta’ restrizzjoni kienu meħtieġa biex ikun limitat ir-riskju għall-konsumaturi matul dan l-użu. L-adeżivi ta’ kuntatt b’bażi ta’ neoprene li fihom is-cyclohexane għandhom għalhekk jitqiegħdu biss fis-suq għall-forniment tal-pubbliku inġenerali f’pakkett ta’ daqs imnaqqas. Struzzjonijiet armonizzati pprovduti mal-prodott għandhom iwissu lill-konsumaturi kontra l-użu f’kondizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ventilazzjoni jew għat-tqegħid tat-twapet.

(10)

In-nitrat ta’ l-ammonju, li hu użat b’mod wiesa’ mal-Komunità kollha bħala fertilizzant, jista’ jaġixxi bħala aġent ossidanti. B’mod partikolari, dan għandu l-abbiltà li jisplodi meta jitħallat ma’ ċerti sustanzi oħrajn. Il-fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju għandhom għalhekk jissodisfaw ċerti rekwiżiti meta jitpoġġew fuq is-suq biex jiġi żgurat li dawn ikunu sikuri kontra detonazzjoni aċċidentali.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li għandu x’jaqsam mal-fertilizzanti (9) jipprovdi rekwiżiti armonizzati, inkluż ir-rekwiżiti ta’ sikurezza, għall-fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju. Il-fertilizzanti li jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti jista’ jingħatalhom it-tikketta “fertilizzant KE” u jistgħu jiċċirkolaw b’mod ħieles fis-suq intern.

(12)

Għal fertilizzanti intenzjonati unikament għal bejgħ fi ħdan Stat Membru wieħed, il-manifatturi jistgħu jagħżlu li jikkonformaw biss mar-rekwiżiti li jeżistu fil-livell nazzjonali. Għalhekk dawn il-fertilizzanti jistgħu ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ sikurezza stabbiliti fil-livell Komunitarju. Biex jiġi żgurat livell uniformi ta’ sikurezza fi ħdan il-Komunità, il-fertilizzanti kollha tan-nitrat ta’ l-ammonju għandhom għalhekk jikkonformaw ma’ l-istess rekwiżiti ta’ sikurezza.

(13)

L-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jispeċifika test ta’ reżistenza għad-detonazzjoni għall-fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju li fihom aktar minn 28 % bil-massa ta’ nitroġenu b’relazzjoni man-nitrat tal-ammonju. Hu jispeċifika wkoll numru ta’ karatteristiċi fiżiċi u limiti dwar l-impurità tal-kontenut kimiku għal fertilizzanti ta’ din ix-xorta sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ detonazzjoni. Il-fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju li jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti, jew li fihom anqas minn 28 % bil-massa ta’ nitroġenu, huma aċċettati mill-Istati Membri kollha bħala sikuri għall-użu fl-agrikultura.

(14)

Il-fertilizzanti kollha tan-nitrat ta’ l-ammonju mpoġġija fis-suq fil-Komunità għandhom għalhekk jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2003/2003.

(15)

Il-fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju ntużaw ħażin għall-manifatturar illeċtu ta’ esplożivi. It-tipi ta’ fertilizzanti li jistgħu jintużaw għal dan l-iskop għandhom kontenut minimu ta’ nitroġenu ta’ 16 %. L-aċċess għal tipi ta’ fertilizzant u tipi ta’ preparazzjonijiet li fihom aktar minn 16 % nitroġenu, bil-massa ta’ nitroġenu relativament għan-nitrat ta’ l-ammonju għandu għaldaqstant ikun limitat għall-bdiewa u għall-utenti professjonali. Għall-fini ta’ dan il-punt il-kunċetti ta’ “bidwi” u “attività agrikola” jeħtieġ li jiġu ddefiniti sabiex il-biedja u attivitajiet professjonali simili bħaż-żamma ta’ parks, ġonna jew grawnds ta’ l-isport ikunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mill-użu ta’ fertilizzanti b’kontenut ogħla ta’ nitroġenu. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet soċjo-ekonomiċi, japplikaw limitu ta’ mhux aktar minn 20 % bil-massa ta’ nitroġenu relativament għan-nitrat ta’ l-ammonju għat-territorji tagħhom.

(16)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni huma adottati bil-ħsieb li jiddaħħlu fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jikkonċerna r-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tas-Sustanzi Kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Kimika kif stipulat fl-Artikolu 137(3) ta’ dak ir-Regolament, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttiva tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (10).

(17)

Id-Direttiva 76/769/KEE għandha tkun emendata skond dan.

(18)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-ħarsien tal-ħaddiema, bħad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex iħeġġu t-titjib tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (11), u d-Direttivi individwali bbażati fuqha, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma’ l-esponiment għall-karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (is-sitt Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (verżjoni kodifikata) (12) u d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma’ aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (13),

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE huwa b’dan emendat b’konformità ma’ l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 13.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2008.

(3)  ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1.

(4)  ĠU L 292, 13.11.1999, p. 42.

(5)  ĠU L 33, 7.2.2008, p. 8.

(6)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201.

(7)  ĠU L 147, 9.6.1975, p. 40.

(8)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.

(9)  ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1.

(10)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.

(11)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(12)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50. Verżjoni korretta fil-ĠU L 229, 29.6.2004, p. 23.

(13)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.


ANNESS

Fl-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

‘53.

2-(2-methoxyethoxy)ethanol (DEGME)

Nru CAS: 111-77-3

Nru EINECS: 203-906-6

Ma għandhiex titqiegħed fis-suq wara s-27 ta’ Ġunju 2010, għall-forniment tal-pubbliku ġenerali, bħala kostitwent taż-żebgħat, fil-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa f’aġenti għat-tindif, emulsjonijiet leqqiena jew siġillanti għall-art b’konċentrazzjonijiet li jkunu daqs jew ikbar minn 0.1 % bil-massa.

54.

2-(2-butoxyethoxy)ethanol (DEGBE)

Nru CAS: 112-34-5

Nru EINECS: 203-961-6

(1)

Ma għandhiex titqiegħed fis-suq għall-ewwel darba wara s-27 ta’ Ġunju 2010, għall-forniment tal-pubbliku ġenerali, bħala kostitwent fiż-żebgħat għall-isprejjar jew sprejs għat-tindif f’dispensers ta’ l-aerosol b’konċentrazzjonijiet li jkunu daqs jew ikbar minn 3 % bil-massa.

(2)

Iż-żebgħat għall-isprejjar u l-isprejs tat-tindif f’dispensers ta’ l-aerosol li jkun fihom DEGBE u li ma jikkonformawx mal-paragrafu 1 ma għandhomx titqiegħdu fis-suq għall-forniment tal-pubbliku ġenerali wara s-27 ta’ Diċembru 2010.

(3)

Mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tikkonċerna l-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikketti ta’ sustanzi u l-preparazzjonijiet perikolużi, iż-żebgħat, ħlief iż-żebgħat għall-isprejjar, li jkun fihom id-DEGBE f’konċentrazzjonijiet li jkunu daqs jew akbar minn 3 % bil-massa li jitqiegħdu fis-suq għall-forniment tal-pubbliku ġenerali għandhom ikunu mmarkati b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx sas-27 ta’ Diċembru 2010 kif ġej:

“Ma għandhiex tintuża f’tagħmir għall-isprejjar taż-żebgħa”.

55.

Methylenediphenyl diisocyanate (MDI)

Nru CAS: 26447-40-5

Nru EINECS: 247-714-0

(1)

Ma għandhiex titqiegħed fis-suq wara s-27 ta’ Diċembru 2010, bħala kostitwent ta’ preparazzjonijiet b’konċentrazzjonijiet li jkunu daqs jew akbar minn 0.1 % bil-massa għall-provvista lill-pubbliku inġenerali, sakemm il-pakkett:

(a)

ma jkollux ingwanti protettivi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (*).

(b)

ma jkunx immarkat b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx kif ġej, u bla ħsara għal-leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tikkonċerna l-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikketti ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi:

“—

Persuni li diġà huma sensittivi għad-diisocyanates jista’ jkollhom reazzjonijiet allerġiċi meta jużaw dan il-prodott.

Persuni li jbatu mill-ażma, ekżema jew problemi tal-ġilda għandhom jevitaw li jkollhom kuntatt, inkluż il-kuntatt tal-ġilda, ma’ dan il-prodott.

Dan il-prodott m’għandux jintuża f’kundizzjonijiet b’nuqqas ta’ ventilazzjoni sakemm ma tintużax maskra ta’ protezzjoni b’filter tal-gass adegwat (jiġifieri tat-tip A1 skond l-istandard EN 14387).”

(2)

B’deroga, il-paragrafu 1(a) m’għandux japplika għall-adeżivi mdewba bis-sħana.

56.

Cyclohexane

CAS N°: 110-82-7

EINECS N°: 203-806-2

(1)

Ma għandhiex titqiegħed fis-suq għall-ewwel darba wara s-27 ta’ Ġunju 2010, għall-forniment tal-pubbliku inġenerali, bħala kostitwent ta’ adeżivi ta’ kuntatt b’bażi ta’ neoprene b’konċentrazzjonijiet li jkunu daqs jew ikbar minn 0.1 % bil-massa f’daqs ta’ pakketti akbar minn 350 g.

(2)

Adeżivi ta’ kuntatt b’bażi ta’ neoprene li fihom is-cyclohexane u li ma jikkonformawx mal-paragrafu 1 m’ għandhomx jitqiegħdu fis-suq għal forniment tal-pubbliku inġenerali wara s-27 ta’ Diċembru 2010.

(3)

Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tikkonċerna l-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikketti ta’ sustanzi u l-preparazzjonijiet perikolużi, adeżivi ta’ kuntatt b’bażi ta’ neoprene li fihom is-cyclohexane b’konċentrazzjonijiet li huma daqs jew akbar minn 0.1 % bil-massa li jitqiegħdu fis-suq għall-forniment tal-pubbliku inġenerali wara s-27 ta’ Diċembru 2010, għandhom ikunu mmarkati b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx kif ġej:

”—

Dan il-prodott m’għandux jintuża f’kondizzjonijiet b’nuqqas ta’ ventilazzjoni.

Dan il-prodott m’għandux jintuża għat-tqegħid tat-twapet.”

57.

Nitrat ta’ l-ammonju (AN)

Nru CAS 6484-52-2

Nru EINECS 229-347-8

(1)

Ma għandux jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba wara s-27 ta’ Ġunju 2010 bħala sustanza, jew fi preparazzjonijiet li fihom aktar minn 28 % bil-massa ta’ nitroġenu relativament għan-nitrat ta’ l-ammonju, għall-użu bħala fertilizzant solidu, sempliċi jew kompost, sakemm il-fertilizzant ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tekniċi għall-fertilizzanti tan-nitrat ta’ l-ammonju b’kontenut għoli ta’ nitrogenu stipulat fl-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tat-13 ta’ Ottubru 2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fertilizzanti (**).

(2)

Ma għandux jitqiegħed fis-suq wara s-27 ta’ Ġunju 2010 bħala sustanza, jew fi preparazzjonijiet li fihom 16 % jew aktar bil-massa ta’ nitroġenu relativament għan-nitrat ta’ l-ammonju ħlief għall-provvista lil:

(a)

utenti u distributuri downstream, inklużi persuni naturali jew legali liċenzjati jew awtorizzati skond id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq u l-kontroll ta’ splussivi għall-użu ċivili (***);

(b)

bdiewa għall-użu f’attivitajiet tal-biedja, kemm b’bażi ‘full time’ kif ukoll ‘part time’ u mingħajr il-ħtieġa li jkun relatat mad-daqs ta’ l-art.

Għall-finijiet ta’ dan is-sottoparagrafu:

(i)

“bidwi” għandha tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, hu x’inhu l-istatus legali mogħti lil dan il-grupp u lill-membri tiegħu mil-liġi nazzjonali, li l-ażjenda tiegħu/tagħhom tinsab f’territorju tal-Komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 299 tat-Trattat, u li jeżerċita/w attività agrikola,

(ii)

“attività agrikola” għandha tfisser il-produzzjoni, it-trobbija jew tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l-ħsad, il-produzzjoni tal-ħalib, it-trobbija ta’ l-annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skopijiet ta’ biedja, jew iż-żamma ta’ l-art f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba kif stabbilit skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ diretti skond il politika agrikola komuni u jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (****);

(c)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu attivitajiet professjonali bħall-ortikultura, it-tkabbir tal-pjanti fis-serer, iż-żamma ta’ parks, ġonna jew grawnds ta’ l-isport, il-forestrija jew attivitajiet oħra simili.

(3)

Madankollu, għar-restrizzjonijiet fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet soċjo-ekonomiċi u sa l-1 ta’ Lulju 2014 japplikaw limitu sa 20 % bil-massa ta’ nitroġenu relativament għan-nitrat ta’ l-ammonju għal sustanzi u preparazzjonijiet li jitqiegħdu fis-suq fit-territorji tagħhom Huma għandhom jinfurmaw lil-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan.


(*)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.

(**)  ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1.

(***)  ĠU L 121, 15.5.1993 p. 20.

(****)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.’