31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 352/50


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Diċembru 2008

dwar l-allokazzjoni lil-Latvja ta’ jiem ta’ sajd addizzjonali fil-Baħar Baltiku fis-subdiviżjonijiet 25 u 26

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8217)

(It-test bil-Latvjan biss huwa awtentiku)

(2008/987/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1404/2007 tat-26 ta' Novembru 2007 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2008 (1), u b’mod partikolari l-punt 1.3 tal-Anness II tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt 1.1 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1404/2007 jispeċifika l-għadd ta’ jiem li fihom bastiment li jistad bix-xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi jew irkaptu simili b’malji ta’ 90 mm jew akbar, b’għeżula, għeżula tat-tħabbil jew pariti b’malji ta’ 90 mm jew akbar, b’konzijiet tal-qiegħ, konzijiet minbarra xolfa mitluqa mal-kurrent, xolfa tal-idejn u rkaptu tat-trejjix jista’ jkun nieqes mill-port fis-subdiviżjonijiet 25-27 u 28.2 bl-eċċezzjoni tal-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu meta l-Artikolu 8(1)(b) tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali [multiannwali] għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97 (2).

(2)

F’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 169/2008 (3), is-subdiviżjonijiet 27 u 28.2 ta’ l-ICES huma esklużi mill-ambitu ta’ ċerti limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd u minn ċerti obbligi tar-reġistrazzjoni għall-2008, b’segwitu għar-Regolament (KE) Nru 1098/2007.

(3)

Il-punt 1.3 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1404/2007 jippermetti lill-Kummissjoni biex talloka sa 4 jiem addizzjonali tas-sajd nieqsa mill-port fuq il-bażi tal-waqfiet permanenti mill-attivitajiet tas-sajd li seħħew mill-1 ta' Jannar 2005.

(4)

F’Jannar 2008, il-Latvja ressqet talba f’konformità mal-Punt 1.4 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1404/2007, li fiha, b’mod partikolari, lista ta’ bastimenti Latvjanti li jistadu bl-irkapti msemmija hawn fuq u li waqfu l-attivitajiet mill-1 ta’ Jannar 2005. Il-Latvja ressqet informazzjoni supplimentari fl-4 ta' Ġunju u l-10 ta' Lulju 2008.

(5)

Skond id-database Komunitarja għat-TAC u l-Kwoti, il-Latvja skambjat 661 tunnellata mis-694 tunnellata tal-kwota tal-merluzz tagħha fis-subdiviżjoni 22-24. Il-jiem nieqsa mill-port diġà stabbiliti għal-Latvja għas-sajd fis-subdiviżjoni 22-24 huma biżżejjed għall-opportunitajiet tas-sajd li għad fadlilha, u ma hemm l-ebda ħtieġa biex jiġu allokati jiem addizzjonali għal din iż-żona.

(6)

Fid-dawl tad-dejta mressqa, jistgħu jiġu allokati lil-Latvja 4 ijiem addizzjonali flimkien mal-178 jum fuq il-baħar diġà permessi għall-bastimenti li jistadu bl-irkaptu msemmi hawn fuq, biex din tużahom fl-2008 fis-subdiviżjonijiet tal-ICES 25 u 26.

(7)

Il-miżuri provduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għadd massimu ta’ jiem, kif stabbilit fil-punt 1.1 (b) tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1404/2007, li fih bastiment tas-sajd Latvjan jista’ jkun nieqes mill-port, kull sena, fis-subdiviżjonijiet 25 u 26 tal-Baħar Baltiku għandu jiżdied b’4 ijiem addizzjonali. Il-bastimenti tas-sajd li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir, bit-tartaruni Daniżi jew b’irkaptu simili b’malji ta’ 90 mm jew akbar, b’għeżula, għeżula tat-tħabbil jew pariti b’malji ta’ 90 mm jew aktar, b’konzijiet tal-qiegħ, minbarra xolfa mitluqa mal-kurrent, xolfa tal-idejn u rkaptu tat-trejjix.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 312, 30.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1.

(3)   ĠU L 51, 26.2.2008, p. 3.