|
31.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 352/36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-9 ta' Diċembru 2008
li tawtorizza lir-Renju Unit sabiex jibbenefika mid-diżpożizzjoni elenkata f'punt 8.5 tal-Anness IIA tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/2008 fir-rigward ta' sistema kollettiva tal-isforz tas-sajd għal bastimenti tat-tkarkir u bastimenti tas-sajd simili li qed jaħdmu fil-Baħar tat-Tramuntana u lejn il-Punent tal-Iskozja
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7801)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(2008/983/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/2008 tas-16 ta' Jannar 2008 li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fl-2008, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għall-bastimenti Komunitarji f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta' qbid (1), u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu tal-punt 8.7 tal-Anness IIA tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-talba magħmula mir-Renju Unit,
Billi:
|
(1) |
Il-punti 8 u 14 tal-Anness IIA tar-Regolament (KE) Nru 40/2008 jispeċifikaw l-isforz massimu ta' sajd permess billi jiddefinixxu n-numru massimu ta' jiem fuq il-baħar li fihom bastimenti Komunitarji b'tul totali ta’ 10 metri jew aktar li jġorru abbord ċerti tipi ta' rkaptu jistgħu jkunu preżenti ġewwa ċerti żoni mill-Kattegat u lejn il-Punent tal-Iskozja. |
|
(2) |
Punt 8.5 ta' dak l-Anness jippermetti li l-Istati Membri jamministraw, matul il-perjodu amminstrattiv tal-2008, l-isforzi tas-sajd allokati lilhom skont sistema ta' kilowatt-jiem. Sistema amministrattiva bħal din tippermetti l-allokazzjoni lill-bastimenti tas-sajd ta' numru massimu ta' jiem fuq il-baħar differenti minn dak elenkati f'dak l-Anness, sakemm ikun rispettat l-ammont totali ta' kilowatt-jiem li jikkorrispondi għall-kombinazzjoni ta' kategorija tal-irkaptu u ż-żona ta' operazzjoni li għaliha jappartjeni l-bastiment. |
|
(3) |
Punt 8.6 ta' dak l-Anness jispeċifika li din it-tip ta' allokazzjoni mill-ġdid tal-jiem fuq il-baħar għandha ssir bil-ħsieb ta' użu aktar effiċjenti tal-opportunitajiet tas-sajd jew sabiex jiġu stimolati prattiki ta' sajd li jwasslu għal tnaqqis fir-rimi u li jnaqqsu l-mortalità mis-sajd kemm ta' ħut ta’ età żgħira kif ukoll ta' ħut adult. |
|
(4) |
Punt 8.7 ta' dak l-Anness jispeċifika l-livell dettaljat tad-dejta li huwa mitlub minn Stat Membru li jixtieq jirċievi l-awtorizzazzjoni tal-Kummisssjoni sabiex jimplimenta din it-tip ta' sistema alternattiva għall-amministrazzjoni tal-isforzi tas-sajd. |
|
(5) |
Ir-Renju Unit issottometta talba lil-Kummissjoni b'ittri datati 14 t'April, 2 ta' Mejju u 22 ta' Lulju, u b'rapporti b'format eletroniku mibgħuta f'Mejju, Awwissu u Settembru 2008 f’dak li jikkonċerna din it-tip ta' sistema amministrattiva alternattiva fir-Renju Unit, japplika għal bastimenti tas-sajd li jużaw irkaptu tat-tkarkir jew tartaruni Daniżi b'daqs tal-malja bejn jew 70 u 89 mm jew 100 mm u iktar, li qed jaħdmu f'ibħra tal-KE tal-Baħar Norveġiż, il-Baħar tat-Tramuntana jew lejn il-Punent tal-Iskozja (Żoni ICES IIa, IVa sa IVc jew VIa). Dik it-talba u r-rapporti kellhom it-tagħrif u d-dejta rikjesta taħt punt 8.7 tal-Anness IIA tar-Regolament (KE) Nru 410/2008, partikolarment dwar l-ambitu, il-pjan, il-kalkolazzjoni, l-operat, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' dik is-sistema. |
|
(6) |
Inizjalment is-sistema tar-Renju Unit tapplika għal 867 bastiment. L-isforz aggregat massimu tagħhom matul il-perjodu amministrattiv tal-2008 huwa dak ta' 21 095 690 kilowatt-jiem għal-kategoriji tal-irkaptu li jkunu fil-medda ta' daqsijiet tal-malja minn 70 sa 89 mm u joperaw fi kwalunkwe miż-żoni msemmija, u 27 867 735 kilowatt-jiem għal-kategoriji tal-irkaptu li jkunu fil-medda ta' daqs tal-malja minn 100 mm jew aktar u joperaw fi kwalunkwe miż-żoni msemmija. Fid-dawl tal-ammont inqas ta' ġranet disponibbli fuq il-baħar għal-kategoriji tal-irkaptu ta' daqs tal-malja b'medda minn 100 mm meta jkunu qed joperaw lejn il-punent tal-Iskozja, huwa applikabbli valur massimu sekondarju ieħor ta' 24 622 862 kilowatt-jiem għal vjaġġi tas-sajd tagħhom lejn il-Punent tal-Iskozja. Għalhekk, il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 8.5 tal-Anness IIA tar-Regolament (KE) Nru 40/2008 huma sodisfatti b'dik is-sistema. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni evalwat dik is-sistema u kkonkludiet li din isservi l-oġġettivi elenkati f'punt 8.6 tal-Anness IIA tar-Regolament (KE) Nru 40/2008. Is-sistema terġa talloka l-jiem mill-ġdid bil-ħsieb ta' użu aktar effiċjenti ta' opportunitajiet ta' sajd u sabiex jiġu stimolati prattiki ta' sajd li jwasslu għal tnaqqis fir-rimi u li jnaqqsu l-mortalità mis-sajd kemm ta' ħut żgħir kif ukoll ta' ħut adult kif suppost skont dak il-punt. Barra minn hekk, taħt dik is-sistema, il-bastimenti parteċipi huma obbligati li jħaddnu miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni. Dawn ivarjaw ftit fil-kunċett u l-importanza skont ir-reġjuni, u jinkludu l-komponenti li ġejjin: rispett lejn għeluq fil-ħin reali taż-żoni li jkunu ġew stabbiliti mar-rilevament tal-aggregazzjonijiet tal-merluzz; l-użu ta' xbieki ta' malji kwadri ikbar sabiex tiżdied is-selettività tal-whitefish; parteċipazzjoni fi provi għal irkaptu aktar selettiv; u l-użu ta' rkaptu wieħed biss minflok diversi rkapti matul vjaġġ. L-impatt ta' dawn il-miżuri ikun irid jiġi evalwat aktar tard. |
|
(8) |
Wieħed mill-inċentivi sabiex is-sajjieda jipparteċipaw fis-sistema huwa l-allokazzjoni ta' sforz stabbli meta mqabbel mal-perjodu amministrattiv tal-2007, magħruf bħala “l-krediti ta' konservazzjoni” ġewwa l-Iskozja, minkejja t-tnaqqis fin-numru massimu ta' jiem fuq il-baħar li japplika għall-bastimenti tat-tkarkir fil-Baħar tat-Tramuntana u lejn il-Punent tal-Iskozja għall-perjodu amministrattiv tal-2008. |
|
(9) |
Għalhekk l-isforz tas-sistema kollettiva amministrattiva tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-KE taż-żoni ICES IIa, IVa sa IVc u VIa, sforz tas-sajd tat-tkarkir, tartaruni Daniżi u irkapti simili, apparti xbieki tat-tkarkir bit-travi, b'daqs tal-malja l-istess bħal jew akbar minn 70 mm iżda inqas minn 90 mm jew l-istess bħal jew akbar minn 100 mm bl-allokazzjoni u l-monitoraġġ tal-kilowatt-jiem ikun awtorizzat għall-perjodu amministrattiv tal-2008. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-isforz tas-sistema kollettiva amministrattiva tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-KE taż-żoni ICES IIa, IVa sa IVc u VIa, sforz tas-sajd tat-tkarkir, tartaruni Daniżi u irkapti simili, apparti xbieki tat-tkarkir bit-travi, b'daqs tal-malja l-istess bħal jew akbar minn 70 mm iżda inqas minn 90 mm jew l-istess bħal jew ikbar minn 100 mm bl-allokazzjoni u l-monitoraġġ tal-kilowatt-jiem, sottomess fl-14 ta' April, it-2 ta' Mejju u t-22 ta' Lulju 2008, qed ikun awtorizzat għall-perjodu amministrattiv tal-2008.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Magħmula fi Brussell, 9 ta’ Diċembru 2008.
Għall-Kummissjoni
Joe BORG
Membru tal-Kummissjoni