24.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 348/130


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/976/ĠAI

tas-16 ta' Diċembru 2008

dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 34(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Renju tal-Olanda, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka, u tar-Renju tal-Iżvezja,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

1.

Permezz tal-Azzjoni Konġunta 98/428/ĠAI (2), il-Kunsill stabbilixxa n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew li wera l-utilità tiegħu fil-faċilitazzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

2.

Taħt l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (3), l-assistenza legali reċiproka sseħħ permezz ta’ kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Din id-deċentralizzazzjoni ta’ assistenza ġuridika reċiproka issa hija implimentata estensivament.

3.

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali qiegħed jiġi implimentat gradwalment. Dan mhux biss jikkonferma l-prinċipju ta’ kuntatti diretti bejn awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, iżda jaċċellera wkoll il-proċeduri u jagħmilhom kompletament ġudizzjarji.

4.

L-impatt ta’ dan it-tibdil fuq il-koperazzjoni ġudizzjarja kien imkabbar iżjed bit-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-2004 u l-2007. Minħabba din l-evoluzzjoni, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew huwa meħtieġ anke iżjed milli fiż-żmien tal-ħolqien tiegħu u għalhekk għandu jissaħħaħ.

5.

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (4), il-Kunsill stabbilixxa l-Eurojust sabiex titjib il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Id-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI jipprevedi li l-Eurojust għandu jżomm relazzjonijiet privileġġati man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew abbażi ta’ konsultazzjoni u komplimentarjetà.

6.

Ħames snin ta’ koeżistenza tal-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew urew kemm il-ħtieġa li ż-żewġ strutturi jinżammu kif ukoll il-ħtieġa li r-relazzjoni tagħhom tiġi kkjarifikata.

7.

Xejn f’din id-Deċiżjoni m’għandu jiġi interpretat b’mod li jinċidi fuq l-indipendenza li l-punti ta’ kuntatt jistgħu jkollhom taħt il-liġi nazzjonali.

8.

Jeħtieġ li tissaħħaħ il-koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u li jkun permess li l-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u tal-Eurojust jikkomunikaw għal dan il-għan, kull meta jkun meħtieġ, direttament u b’mod aktar effiċjenti permezz ta’ konnessjoni ta’ telekomunikazzjoni sikura.

9.

L-Azzjoni Konġunta 98/428/ĠAI għandha għalhekk titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Operat

In-Netwerk ta’ punti ta’ kuntatt ġudizzjarji stabbilit bejn l-Istati Membri taħt l-Azzjoni Konġunta 98/428/ĠAI, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew”, għandu jkompli jopera taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandu jkun kompost, b’kont meħud tar-regoli kostituzzjonali, it-tradizzjonijiet ġudizzjarji u l-istruttura interna ta’ kull Stat Membru, mill-awtoritajiet ċentrali responsabbli għall-koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħrajn b’responsabbiltajiet speċifiċi fi ħdan il-kuntest tal-koperazzjoni internazzjonali.

2.   Għandu jiġi stabbilit punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar ta’ kull Stat Membru konformement mar-regoli interni u d-diviżjoni interna tar-responsabbiltajiet tiegħu, bi provvediment li jiżgura l-kopertura effettiva tat-territorju kollu tiegħu.

3.   Kull Stat Membru għandu jaħtar, minn fost il-punti ta’ kuntatt, korrispondent nazzjonali għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

4.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korrispondent tekniku għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

5.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-punti ta’ kuntatt tiegħu ikollhom funzjonijiet relattivi għall-l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u konoxxenza adegwata ta’ lingwa tal-Unjoni Ewropea diversa mil-lingwa nazzjonali tiegħu, b’kont meħud tal-ħtieġa li jkun jista’ jikkomunika mal-punti ta’ kuntatt fl-Istati Membri l-oħrajn.

6.   Fejn il-maġistrati ta’ kollegament imsemmijin fl-Azzjoni Konġunta 96/277/ĠAI tat-22 ta’ April 1996 dwar qafas għall-iskambju ta’ maġistrati li jikkollegaw direttament sabiex tittejjeb il-koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (5) jkunu nħatru fi Stat Membru u jkollhom dmirijiet analogi għal dawk assenjati bl-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni għall-punti ta’ kuntatt, dawn għandhom jiġu konnessi man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u mal-punt ta’ konnessjoni sigura tat-telekomunikazzjoni taħt l-Artikolu 9 ta’ din id-Deċiżjoni mill-Istat Membru li jaħtar il-maġistrat ta’ kollegament f’kull każ, konformement mal-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti minn dak l-Istat Membru.

7.   Il-Kummissjoni għandha tinnomina punt ta’ kuntatt għal dawk l-oqsma li jaqgħu fl-isfera tal-kompetenza tagħha.

8.   In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandu jkollu Segretarjat li għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni tan-Netwerk.

Artikolu 3

Il-metodi tal-operat tan-Netwerk

In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandu jopera partikolarment f’dawn it-tliet metodi li ġejjin:

(a)

għandu jiffaċilita l-istabbiliment ta’ kuntatti adegwati bejn il-punti ta’ kuntatt fid-diversi Stati Membri sabiex iwettqu l-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4;

(b)

għandu jorganizza laqgħat perjodiċi tar-rappreżentanti tal-Istati Membri b’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6;

(c)

għandu kontinwament jipprovdi ċertu ammont ta’ informazzjoni bażilari aġġornata, partikolarment permezz ta’ netwerk adegwat ta’ telekomunikazzjonijiet, taħt il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9.

Artikolu 4

Il-funzjonijiet tal-punti tal-kuntatt

1.   Il-punti tal-kuntatt għandhom ikunu intermedjarji attivi bid-dmir li jiffaċilitaw il-koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, partikolarment f’azzjonijiet li jikkumbattu għamliet ta’ kriminalità serja. Huma għandhom ikunu disponibbli sabiex jagħmluha possibbli għall-awtoritajiet ġudizzjarji lokali u l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn fl-Istat Membru tagħhom, għall-punti ta’ kuntatt fl-Istati Membri l-oħrajn u l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji lokali jew oħrajn fl-Istati Membri l-oħrajn li jistabbilixxu l-kuntatti diretti l-aktar adatti.

Dawn jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jivvjaġġaw sabiex jiltaqgħu ma’ punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri l-oħrajn, abbażi ta’ ftehim bejn l-amministrazzjonijiet konċernati.

2.   Il-punti ta’ kuntatt għandhom jipprovdu l-informazzjoni legali u prattika meħtieġa lill-awtoritajiet ġudizzjarji lokali fl-Istat Membru tagħhom, lill-punti ta’ kuntatt fl-Istati Membri l-oħrajn u lill-awtoritajiet ġudizzjarji lokali fl-Istati Membri l-oħrajn sabiex dawn ikunu jistgħu jħejju rikjesta effettiva għal koperazzjoni ġudizzjarja jew itejbu l-koperazzjoni ġudizzjarja b’mod ġenerali.

3.   Fil-livell rispettiv tagħhom, il-punti ta’ kuntatt għandhom ikunu involuti fi u jippromwovu l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja għall-benefiċċju tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tagħhom, fejn ikun il-każ f’koperazzjoni man-Netwerk ta’ Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew.

4.   Il-korrispondent nazzjonali, addizzjonalment għal-kompiti tiegħu bħala punt ta’ kuntatt imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 3, għandu b’mod partikolari:

(a)

ikun responsabbli, fl-Istat Membru tiegħu, għal kwistjonijiet relatati mal-funzjonament intern tan-Netwerk, inkluż il-koordinazzjoni ta’ talbiet għal informazzjoni u tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(b)

ikun il-persuna prinċipalment responsabbli għall-kuntatti mas-Segretarjat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew inkluża l-parteċipazzjoni fil-laqgħat imsemmijin fl-Artikolu 6;

(c)

fejn mitlub, jagħti opinjoni rigward il-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt ġodda.

5.   Il-korrispondent tekniku tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, li jista’ jkun ukoll punt ta’ kuntatt imsemmi fil-paragrafi 1 sa 4, għandu jiżgura li l-informazzjoni relatata mal-Istat Membru tiegħu u msemmija fl-Artikolu 7 tingħata u tiġi aġġornata konformement mal-Artikolu 8.

Artikolu 5

Finijiet u postijiet tal-laqgħat plenarji tal-punti ta’ kuntatt

1.   Il-finijiet tal-laqgħat plenarji tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, li għalihom għandhom jiġu mistiedna mill-inqas tliet punti ta’ kuntatt minn kull Stat Membru, għandhom ikunu kif ġej:

(a)

sabiex jippermettu lill-punti ta’ kuntatt isiru jafu aħjar lil xulxin u jiskambjaw esperjenza, b’mod partikolari rigward l-operat tan-Netwerk;

(b)

sabiex jipprovdu forum għal diskussjoni ta’ problemi prattiċi u ġuridiċi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-koperazzjoni ġuridika, b’mod partikolari fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ miżuri adottati mill-Unjoni Ewropea.

2.   L-esperjenza relevanti li tinkiseb fin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandha tingħata lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex isservi bħala bażi għad-diskussjoni ta’ bidliet leġislattivi possibbli u għal titjib prattiku fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.

3.   Il-laqgħat imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu organizzati regolarment u mill-inqas tliet darbiet fis-sena. Darba fis-sena l-laqgħa tista’ ssir fil-bini tal-Kunsill fi Brussell jew fil-bini tal-Eurojust fl-Aja. Żewġ punti ta’ kuntatt għal kull Stat Membru għandhom jiġu mistiedna għal laqgħat organizzati fil-bini tal-Kunsill u fil-Eurojust.

Jistgħu jsiru laqgħat oħrajn fl-Istati Membri, sabiex il-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti minbarra mal-punti ta’ kuntatt tiegħu u jżuru korpi speċifiċi f’dak l-Istat Membru b’responsabbiltajiet fil-kuntest tal-koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali jew tal-ġlieda kontra ċerti forom ta’ kriminalità serja. Il-punti ta’ kuntatt għandhom jassumu l-ispejjeż tagħhom stess meta jieħdu sehem f’dawn il-laqgħat.

Artikolu 6

Laqgħat tal-korrispondenti

1.   Il-korrispondenti nazzjonali tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandhom jiltaqgħu fuq bażi ad hoc, mill-inqas darba fis-sena u kif jiġi stabbilit bħala meħtieġ mill-membri, fuq l-istedina tal-korrispondent nazzjonali tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li għandu wkoll jieħu kont tax-xewqat tal-Istati Membri li l-korrispondenti jiltaqgħu. Matul dawn il-laqgħat, għandhom b’mod partikolari jiġu diskussi materji amministrattivi relatati man-netwerk.

2.   Il-korrispondenti tekniċi tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandhon jiltaqgħu fuq bażi ad hoc, mill-inqas darba fis-sena u kif jiġi stabbilit bħala meħtieġ mill-membri, fuq l-istedina tal-korrispondent tekniku tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill. Il-laqgħat għandhom jittrattaw il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(5).

Artikolu 7

Kontenut tal-informazzjoni disseminata fi ħdan in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew

Is-Segretarjat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandu jagħmel l-informazzjoni li ġejja disponibbli għall-punti ta’ kuntatt u għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti:

(a)

dettalji sħaħ tal-punti tal-kuntatt f’kull Stat Membru bi, fejn meħtieġ, spjegazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom fil-livell nazzjonali;

(b)

għodda ta’ teknoloġija informatika li tippermetti lill-awtorità rikjedenti jew emittenti ta’ Stat Membru li tidentifika l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li għandha tirċievi u tesegwixxi t-talba tiegħu għal, u deċiżjonijiet dwar, koperazzjoni ġudizzjarja, inkluż fir-rigward ta’ strumenti legali li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku;

(c)

informazzjoni ġuridika u prattika li tkun konċiża dwar is-sistemi ġudizzjarji u proċedurali fl-Istati Membri;

(d)

it-testi tal-istrumenti ġuridiċi relevanti u, għall-konvenzjonijiet attwalment fis-seħħ, it-testi tad-dikjarazzjonijiet u r-riżervi.

Artikolu 8

L-aġġornament tal-informazzjoni

1.   L-informazzjoni mqassma fi ħdan in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandha tiġi kontinwament aġġornata.

2.   Għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru individwali li jivverifika l-preċiżjoni tad-data li tinsab fis-sistema u li jinforma lis-Segretarjat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew hekk kif ikun meħtieġ li tiġi emendata d-data dwar wieħed mill-erba’ punti msemmijin fl-Artikolu 7.

Artikolu 9

Għodod tat-telekomunikazzjoni

1.   Is-Segretarjat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandu jiżgura li l-informazzjoni provduta taħt l-Artikolu 7 tkun disponibbli fuq sit tal-Internet li jiġi kontinwament aġġornat.

2.   Il-konnessjoni ta’ telekomunikazzjoni sigura għandha tiġi stabbilita għall-ħidma operattiva tal-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew. L-ispejjeż għall-istabbiliment tal-konnessjoni ta’ telekomunikazzjoni sigura għandhom jiġu assunti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

L-istabbiliment tal-konnessjoni ta’ telekomunikazzjoni sigura għandha tagħmel possibbli l-fluss ta’ data u ta’ rikjesti għal koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri.

3.   Il-konnessjoni tat-telekomunikazzjoni sigura msemmija fil-paragrafu 2 tista’ tintuża wkoll għall-ħidma operattiva tagħhom, mill-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust, mill-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust għal kwistjonijiet terroristiċi, mill-membri nazzjonali tal-Eurojust u mill-maġistrati ta’ kollegament maħturin mill-Eurojust. Hija tista’ titqabbad mas-Sistema tal-Ġestjoni ta’ Każijiet tal-Eurojust imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI.

4.   Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jinftiehem bħala li jinċidi fuq il-kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti kif previst fi strumenti dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja, bħall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Relazzjoni bejn in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u l-Eurojust

In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u l-Eurojust għandhom iżommu relazzjonijiet privileġġati ma’ xulxin, ibbażati fuq konsultazzjoni u komplementarità, speċjalment bejn il-punti ta’ kuntatt ta’ Stat Membru, il-membru nazzjonali fil-Eurojust tal-istess Stat Membru u l-korrispondenti nazzjonali għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u għall-Eurojust. Sabiex tiġi żgurata koperazzjoni effiċjenti, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandu jagħmel disponibbli għall-Eurojust aċċess għall-informazzjoni ċentralizzata indikata fl-Artikolu 7 u l-konnessjoni ta’ telekomunikazzjoni sigura stabbilita taħt l-Artikolu 9;

(b)

il-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandhom jinfurmaw, abbażi ta’ każijiet individwali, lill-membru nazzjonali tagħhom stess dwar il-każijiet kollha li huma jqisu li l-Eurojust tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tittratta;

(c)

il-membri nazzjonali tal-Eurojust jistgħu jattendu għal laqgħat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fuq l-istedina ta’ dan tal-aħħar.

Artikolu 11

Baġit

Sabiex in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu, il-baġit tal-Eurojust għandu jkun fih parti relatata mal-attivitajiet tas-Segretarjat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

Artikolu 12

Applikazzjoni territorjali

Ir-Renju Unit għandu jnnotifika bil-miktub lill-President tal-Kunsill meta huwa jixtieq japplika din id-Deċiżjoni għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man. Għandha tittieħed deċiżjoni dwar dik ir-rikjesta mill-Kunsill.

Artikolu 13

Valutazzjoni tal-operat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew

1.   Kull sentejn mill-24 ta' Diċembru 2008, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet u l-ġestjoni tiegħu.

2.   In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew jista’ fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 jindika wkoll kwalunkwe problema ta’ politika fil-kamp kriminali fl-Unjoni Ewropea li tiġi aċċentwata b’riżultat tal-attivitajiet tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u jista’ wkoll jagħmel proposti għat-titjib tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

3.   In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew jista’ jippreżenta wkoll kwalunkwe rapport jew kwalunkwe informazzjoni oħra dwar l-operat tagħha li jistgħu jintalbu mill-Kunsill.

4.   Kull erba’ snin mill-24 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill għandu jwettaq valutazzjoni tal-operat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew abbażi ta’ rapport imfassal mill-Kummissjoni f’koperazzjoni man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

Artikolu 14

Tħassir tal-Azzjoni Konġunta 98/428/ĠAI

L-Azzjoni Konġunta 98/428/ĠAI hija titħassar b’dan.

Artikolu 15

Effett

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

Ghall-Kunsill

Il-President

R. BACHELOT-NARQUIN


(1)  L-Opinjoni mogħtija fit-2 ta’ Settembru 2008 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4.

(3)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3.

(4)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 105, 27.4.1996, p. 1.