23.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/37


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta' Novembru 2008

li tadotta programm Komunitarju multiannwali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd

(2008/949/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta' Frar 2008 dwar it-twaqqif ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' dejta fis-settur tas-sajd u bħala għajnuna għal konsulenza xjentifika dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 199/2008 jistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' dejta li bil-għan li jsawwar bażi soda għal analiżi xjentifika tas-sajd u biex jipprovdi għall-formulazzjoni ta' parir xjentifiku siewi għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd (minn hawn 'il quddiem “PKS”).

(2)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi nazzjonali multiannwali għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta skont il-programm Komunitarju multiannwali.

(3)

Għalhekk huwa meħtieġ li jitwaqqaf programm Komunitarju multiannwali li jkun ikopri l-ġbir ta' informazzjoni neċessarja biex tkun ta' għajnuna għal analiżi xjentifika meħtieġa għall-qafas tas-PKS u għall-ġestjoni u l-użu ta' din l-informazzjoni.

(4)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għas-Sajd u l-Akkwakultura.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

Il-programm Komunitarju multiannwali msemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008 huwa definit fl-Anness.

Magħmul fi Brussell, 6 ta' Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1.


ANNESS

PROGRAMM KOMUNITARJU MULTIANNWALI

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

(1)

Għall-finijiet ta' dan il-Programm Komunitarju għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)   Bastimenti attivi: bastimenti li jkun wettaq xi operazzjoni tas-sajd matul is-sena kalendarja (aktar minn 0 jiem). Bastiment li ma jkubx wettaq attivitajiet tas-sajd matul sena jitqies mhux attiv.

(b)   Kampjunar konkurrenti: it-teħid simultanju ta' kampjuni tal-ispeċijiet kollha jew ta' ġabra predeterminata ta' speċijiet fil-qabdiet ta' bastiment jew il-ħatt l-art minnu.

(c)   Jiem fuq il-baħar: jum preżenti f'żona għandu jkun kull perjodu kontinwu ta' 24 siegħa (jew parti minnhom) li matulhom bastiment ikun preżenti f'żona u assenti mill-port.

(d)   Taqsima tal-flotta: grupp ta' bastimenti tal-istess klassi ta' tul (LOA) u bi rkaptu predominanti tas-sajd matul is-sena, skont l-Appendiċi III. Bastimenti jista' jkollhom attivitajiet differenti ta' sajd matul il-perjodu ta' referenza, iżda jistgħu jkunu kklassifikati f'parti waħda biss tal-flotta.

(e)   Jiem ta' sajd: kull jum ikun attribwit għaż-żona fejn ikun tqatta' l-aktar ħin tas-sajd matul il-jum rilevanti fuq il-baħar. Iżda għal irkaptu passiv, jekk ma tkun saret ebda operazzjoni minn fuq il-bastiment matul jum waqt li mill-anqas (passiv) wieħed kien għadu fuq il-baħar, dak il-jum ikun assoċjat maż-żona fejn l-aħħar tqegħid ta' rkaptu tas-sajd twettaq f'dak il-vjaġġ tas-sajd.

(f)   Vjaġġ tas-sajd: tfisser kwalunkwe vjaġġ minn bastiment tas-sajd minn lok fuq l-art lejn post tas-sajd, għajr il-vjaġġi mhux għal finijiet ta' sajd (vjaġġ ta' bastiment tas-sajd minn lok fuq l-art għal lok ieħor fuq l-art, li matulu ma jwettaqx attaivitajiet ta' sajd u li matulu kwalunkwe rkaptu abbord ikun marbut u stivat u ma jkunx disponibbli għall-użu immedjat).

(g)   Mestier: grupp ta' operazzjonijiet tas-sajd li jimmira għal (ġemgħa ta') speċi(jiet) simili, bl-użu ta' rkaptu simili, matul l-istess perjodu tas-sena u/jew ġewwa l-istess żona u li jkun ikkaratterizzat minn mudell simili ta' sfruttament.

(h)   Popolazzjoni ta' bastimenti: il-bastimenti kollha fir-Reġistru tal-Flotta tas-Sajd tal-Komunità kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 tat-30 ta' Diċembru 2003 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità (1).

(i)   Speċijiet magħżula: speċijiet ta' rilevanza għal skop ta' ġestjoni u li għaliha tkun saret talba minn korp xjentifiku internazzjonali jew organizzazzjoni reġjonali ta' ġestjoni tas-sajd.

(j)   Żmien fl-ilma: żmien mgħoddi kkalkulat mill-punt fejn kull waħda mill-unitajiet ta' rkaptu tkun tqiegħdet, sa dak meta l-istess unità tibda titneħħa.

(2)

Għat-termini li ġejjin għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (www.fao.org/fi/glossary/default.asp) u tal-STECF: speċijiet anadromi, speċijiet katadromi, qabdiet, ċefalopodi, krustaċej, speċijiet tal-ibħra fondi, ħut demersali, speċijiet demersali, mudell ta' esplojtazzjoni, ħut tal-ġewnaħ, speċijiet tal-ilma ħelu, irkaptu, ħatt, rimi, ħut pelaġiku kbir, molluski, attività oħra barra s-sajd, ħut pelaġiku, ħut pelaġiku żgħir, speċijiet fil-mira.

KAPITOLU II

WERREJ U METODOLOĠIJA

A.   Werrej tal-programm Komunitarju

Il-programm Komunitarju jiġbor fih il-moduli li ġejjin:

(1)

Modulu ta' evalwazzjoni tas-settrur tas-sajd:

Il-programm ta' ġbir ta' dejta għas-settur tas-sajd fih is-sezzjonijiet li ġejjin:

(a)

Sezzjoni għall-ġbir ta' varjabbli ekonomiċi

(b)

Sezzjoni għall-ġbir ta' varjabbli bijoloġiċi

(c)

Sezzjoni għall-ġbir ta' varjabbli trasversali

(d)

Sezzjoni għall-istħarriġ ta' riċerka fuq il-baħar

(2)

Modulu ta' evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tas-setturi tal-akkwakultura u l-industrija tal-ipproċessar:

(a)

Sezzjoni għall-ġbir ta' dejta ekonomika għas-settur tal-akkwakultura

(b)

Sezzjoni għall-ġbir ta' dejta ekonomika għall-industrija tal-ipproċessar

(3)

Modulu ta' evalwazzjoni tal-effetti tas-settur tas-sajd fuq l-ekosistema marina

(4)

Modulu għall-ġestjoni u l-użu tad-dejta koperta mill-qafas ta' ġbir ta' dejta

B.   Livelli ta' preċiżjoni u intensitajiet ta' teħid ta' kampjuni

(1)

Fejn ma jkunx possibbli li jkunu definiti miri kwantitattivi għal programmi ta' teħid ta' kampjun, la fir-rigward ta' livelli ta' preċiżjoni u lanqas fir-rigward ta' daqs ta' kampjun, għandu jkun stabbilit stħarriġ pilota fis-sens ta' statistika. Stħarriġ pilota bħal dan għandu jevalwa l-importanza tal-problema u għandu jindirizza wkoll l-utilità ta' stħarriġ aktar dettaljat fil-ġejjieni, u r-relazzjoni tal-effikaċja fl-infiq ta' stħarriġ dettaljat bħal dan.

(2)

Fejn miri kwantitattivi jkunu jistgħu jiġu definiti, huma jistgħu jkunu speċifikati direttament f'daqsijiet ta' kampjun jew f'rati ta' teħid ta' kampjun, jew bid-definizzjoni tal-livelli ta' preċiżjoni jew kunfidenza li jkollhom jinkisbu.

(3)

Fejn issir referenza għal daqs ta' kampjun jew għal rata ta' teħid ta' kampjuni f'popolazzjoni definita f'termini ta' statistika, l-istrateġiji ta' teħid ta' kampjuni għandhom ikunu mill-anqas effiċjenti daqs it-Teħid ta' Kampjuni Każwali Sempliċi. Strateġiji ta' teħid ta' kampjuni bħal dawn għandhom ikunu deskritti fil-Programmi Nazzjonali korrispondenti.

(4)

Fejn issir referenza għall-livell ta' preċiżjoni/kunfidenza, għandha tapplika d-distinzjoni li ġejja:

(a)   livell 1: livell li jagħmilha possibbli li jkun ikkalkulat parametru jew bi preċiżjoni ta' 40 % aktar jew anqas għal livell ta' kunfidenza ta' 95 % jew koeffiċjent ta' varjazzjoni(CV) ta' 20 % utilizzat bħala approssimazzjoni;

(b)   livell 2: livell li jagħmilha possibbli li jkun ikkalkulat parametru jew bi preċiżjoni ta' 25 % aktar jew anqas għal livell ta' kunfidenza ta' 95 % jew koeffiċjent ta' varjazzjoni(CV) ta' 12,50 % utilizzat bħala approssimazzjoni;

(c)   livell 3: livell li jagħmilha possibbli li jkun ikkalkulat parametru jew bi preċiżjoni ta' 5 % aktar jew anqas għal livell ta' kunfidenza ta' 95 % jew koeffiċjent ta' varjazzjoni(CV) ta' 2,5 % utilizzat bħala approssimazzjoni.

KAPITOLU III

MODULU TA' EVALWAZZJONI TAS-SETTUR TAS-SAJD

A.   Ġbir ta' varjabbli ekonomiċi

1.   Varjabbli

(1)

Il-varjabbli li għandhom jinġabru huma elenkati fl-Appendiċi VI. Il-varjabbli ekonomiċi kollha għandhom jinġabru fuq bażi annwali bl-eċċezzjoni ta' dawk identifikati bħala varjabbli trasversali kif definiti fl-Appendiċi VIII u dawk identifikati biex jitkejlu l-effetti tas-sajd fuq l-ekosistema marina kif definiti fl-Appendiċi XIII. li għandhom jinġabru f'livelli aktar diżaggregati. Il-popolazzjoni hija l-bastimenti kollha fir-Reġistru tal-Flotta tas-Sajd tal-Komunità fl-1 ta' Jannar. Il-varjabbli ekonomiċi kollha għandhom jinġabru għal bastimenti attivi. Għal kull bastiment li għalih jinġabru varjabbli ekonomiċi definiti fl-Appendiċi VI, għandhom jinġabru wkoll il-varjabbli trasversali korrispondenti definiti fl-Appendiċi VII.

(2)

Għall-bastimenti mhux attivi, għandhom jinġabru biss il-valur kapitali (l-Appendiċi VI), il-flotta (l-Appendiċi VI) u l-kapaċità (l-Appendiċi VIII).

(3)

Valuti nazzjonali għandhom jinbidlu fl-euro bl-użu tar-rati tal-kambju annwali medji li jistgħu jinkisbu mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

2.   Livelli ta' diżaggregazzjoni

(1)

Il-varjabbli ekonomiċi għandhom ikunu rrappurtati għal kull taqsima tal-flotta (Appendiċi III) u suprareġjun (Appendiċi II). Huma definiti sitt klassijiet ta' tulijiet (bl-użu tal-qies tat-'tul globali' (LOA)). Iżda Stati Membri huma liberi li jiddiżaggregaw aktar klassijiet ta' tulijiet jekk dan ikun f'loku.

(2)

Il-kriterju ta' dominanza għandu jintuża biex kull bastiment ikun allokat lil taqsima abbażi tal-għadd ta' jiem ta' sajd użat ma' kull rkaptu. Jekk rkaptu tas-sajd jintuża għal aktar mill-għadd tal-partijiet l-oħra kollha (jiġifieri bastiment iqatta' aktar minn 50 % tal-ħin tiegħu fis-sajd juża dak l-irkaptu), il-bastiment għandu jkun allokat lil dik it-taqsima. Jekk le, il-bastiment għandu jkun allokat lit-taqsima li ġejja tal-flotta:

(a)

“Bastimenti li jużaw rkaptu attiv Polivalenti” jekk huwa juża rkaptu attiv biss;

(b)

“Bastimenti li jużaw irkaptu passiv Polivalenti” jekk huwa juża rkaptu passiv biss;

(c)

“Bastimenti li jużaw rkaptu attiv u passiv”.

(3)

Fil-każijiet fejn bastiment jopera f'aktar minn suprareġjun kif definit fl-Appendiċi II, l-Istati Membri għandhom jispjegaw fil-programm nazzjonali tagħhom għal liema suprareġjun l-bastiment ikun allokat.

(4)

Fil-każ ta' li taqsima ta' flotta jkollha anqas minn 10 bastimenti:

(a)

L-aggregazzjoni tista' tkun meħtieġa biex jitfassal il-pjan ta' teħid ta' kampjuni u biex ikunu rrappurtati varjabbli ekonomiċi;

(b)

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw liema taqsimiet tal-flotta kienu tqiegħdu fi gruppi fil-livell nazzjonali u għandhom jiġġustifikaw l-aggregazzjoni abbażi ta' analiżi ta' statistika;

(c)

Fir-rapport annwali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw l-għadd ta' bastimenti li jkun itteħdilhom kampjun għal kull taqsima tal-flotta indipendentement minn kull aggregazzjoni magħmula biex tinġabar u tingħata d-dejta;

(d)

Laqgħat ta' Koordinazzjoni Reġjonali għandhom jiddefinixxu metodoloġija ta' aggregazzjoni omoġenja fil-livell ta' sovrareġjuni biex il-varjabbli ekonomiċi jkunu komparabbli.

3.   Strateġija ta' teħid ta' kampjun

(1)

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-metodoloġiji tagħhom użati għall-istima ta' kull varjabbli ekonomika fil-programmi nazzjonali tagħhom, inklużi l-aspetti ta' kwalità.

(2)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw konsistenza u kamparabbiltà tal-varjabbli ekonomiċi kollha meta jkunu derivati minn għejun differenti (eż. stħarriġ, reġistru tal-flotta, ġurnali ta' abbord, noti ta' bejgħ).

4.   Livelli ta' preċiżjoni

(1)

L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapport annwali tagħhom tagħrif dwar il-kwalità (l-akkuratezza u l-preċiżjoni) tal-istimi.

B.   Ġbir ta' varjabbli bijoloġiċi

B1.   Varjabbli relatati mal-mestier

1.   Varjabbli

(1)

Jeħtieġ li jittieħdu kampjuni biex tkun ivvalutata d-distribuzzjoni kull kwart ta' sena tat-tul tal-ispeċijiet fil-qabdiet u l-volum ta' kull kwart ta' sena ta' rimi. Id-dejta għandha tinġabar permezz tal-mesjier riferit bħala livell 6 tal-matriċi definita fl-Appendiċi IV (1 sa 5) u għall-istokkijiet elenkati fl-Appendiċi VII.

(2)

Fejn ikunu rilevanti, għandhom jitwettqu programmi ta' teħid ta' kampjuni tal-ħatt l-art mhux magħżul biex tingħata stima ta':

(a)

Is-sehem tad-diversi stokkijiet ta' dan il-ħatt ta' Aringi fi Skagerrak IIIA-N, Kattegat IIIa-S, u l-Baħar Nordiku tal-Lvant b'mod separat u s-salamun fil-Baħar Baltiku;

(b)

Is-sehem tad-diversi speċijiet għal dawk il-gruppi ta' speċijiet li huma valutati internazzjonalment, eż. Lepidorombi, Petriċa, u elasmobranki.

2.   Livell ta' diżaggregazzjoni

(1)

Biex isir l-aħjar użu mill-programmi ta' teħid ta' kampjun, il-mestieri definiti fl-Appendiċi IV (1 sa 5) jistgħu jinġabru flimkien. Meta mestieri jingħaqdu flimkien (għaqda vertikali), prova ta' statistika għandha tinġieb fir-rigward tal-omoġeneità tal-mestieri magħqudin. L-għaqda ta' ċelluli ġirien li jikkorrispondu ma' taqsimiet tal-flotta tal-bastimenti (għaqda orizzontali) għandha tkun sostnuta minn evidenza statistika. Għaqda orizzontali bħal din għandha ssir primarjament bl-aggregazzjoni tal-bastimenti ġirien tal-klassijiet LOA, indipendentement minn xi teknika dominanti fis-sajd, meta din tkun f'lokha biex mudelli differenti ta' esplojtazzjoni jintgħażlu minn xulxin. Qbil reġjonali dwar mergers għandu jintlaħaq fil-Laqgħa ta' Koordinazzjoni Reġjonali rilevanti u jkun approvat mill-STECF.

(2)

F'livell nazzjonali mestier wieħed definit fil-livell 6 tal-matriċi fl-Appendiċi IV (1 sa 5) jista' jkun aktar diżaggregat f'diversi strati aktar preċiżi, jiġifieri li jiddistingwu speċijiet fil-mira differenti. Aktar stratifikazzjoni bħal din għandha ssir bir-rispett taż-żewġ prinċipji li ġejjin:

(a)

L-istrati definiti f'livell nazzjonali m'għandhomx jidħlu fuq il-mestieri definiti fl-Appendiċi IV (1 sa 5);

(b)

L-istrati definiti fil-livell nazzjonali jeħtiġilhom jinkludu l-vjaġġi kollha tas-sajd tal-mestier definit fil-livell 6.

(3)

L-unitajiet spazjali għat-teħid ta' kampjuni tal-mestier huma definiti mil-livell 3 tal-Appendiċi I għar-reġjuni kollha bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-Baħar Baltiku (żoni III b-d ta' ICES), il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed fejn ir-riżoluzzjoni għandha tkun ta' livell 4;

(b)

Unitajiet ta' Organizzazzjonijiet Reġjonali ta' Ġestjoni tas-Sajd, bil-kundizzjoni li jkunu abbażi tal-mestier (fl-assenza ta' definizzjonijiet bħal dawn, Organizzazzjonijiet Reġjonali ta' Ġestjoni tas-Sajd għandhom jipproċedu biex jagħmlu mergers adatti.

(4)

Għall-fini tal-ġbir u l-aggregazzjoni tad-dejta, unitajiet speċjali tat-teħid tal-kamjuni jistgħu jinġabru flimkien skont ir-reġjuni, kif riferit fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 (2), wara li jkun inkiseb il-qbil tal-Laqgħat ta' Koordinazzjoni Reġjonali rilevanti.

(5)

Għal parametri msemmijin fil-Kapitolu III sezzjoni B/B1 1. (2), id-dejta għandha tingħata kull tliet xhur u tkun konsistenti mal-matriċi tal-attività tal-flotta tas-sajd deskritta fl-Appendiċi IV (1 sa 5).

3.   Strateġija tat-teħid ta' kampjuni

(1)

Għall-ħatt l-art:

(a)

L-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu isir l-ewwel bejgħ għandu jkun responsabbli li jiżgura li jittieħed kampjun bijoloġiku skont l-istandards definiti f'dan il-Programm Komunitarju. Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi mhux tal-UE biex jitfasslu programmi ta' teħid ta' kampjun bijoloġiku għall-ħatt li jsir minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-pajjiż terz.

(b)

Għall-fini ta' teħid ta' kampjun, il-mestieri ewlenin biss ikun jeħtiġilhom jitqiesu. Biex ikunu identifikati l-mestieri li jkollu jitteħdilhom kampjun, għandha tintuża l-gradwazzjoni li ġejja fil-livell 6 tal-matriċi fl-Appendiċi IV (1 sa 5) fuq bażi nazzjonali skont l-Istati Membri bl-użu, bħala referenza, tal-valuri medji tas-sentejn preċedenti, u:

Iċ-ċelluli tal-mestier għandhom l-ewwel ikunu ggradwati skont is-sehem tagħhom fil-ħatt kummerċjali totali. L-ishma mbagħad għandhom jinġabru flimkien, l-ewwel dawk li jkunu l-akbar, sakemm jintlaħaq livell limitat għal 90 %. Il-mestieri kollha li jkunu qiegħdin fl-ogħla 90 % għandhom jintgħażlu biex jitteħdilhom kampjun;

L-eżerċizzju għandu jittenna skont il-valur totali tal-ħatt kummerċjali u ripetut għat-tielet darba skont l-isforz totali ta' jiem fuq il-baħar. Il-mestieri fl-ogħla 90 % li ma jkunux qiegħdin fl-ogħla 90 % ta' qabel għandhom jiżdiedu mal-għażla;

L-STECF tista' żżid mal-għażla l-mestieri li ma jkunux inqabdu mis-sistema ta' gradwazzjoni iżda li jkunu ta' importanza speċjali fit-termini ta' ġestjoni.

(c)

L-unità ta' teħid ta' kampjuni għandha tkun il-vjaġġ tas-sajd u l-għadd ta' vjaġġi tas-sajd li jkollu jitteħdilhom kampjun għandu jiżgura kopertura tajba tal-mestier.

(d)

Il-valuri ta' preċiżjoni u s-sistema ta' gradazzjoni jkollhom referenza fl-istess livell bħal tal-programmi ta' teħid ta' kampjun, jiġifieri fil-livell tal-mestier nazzjonali għal dejta miġbura permezz ta' programmi nazzjonali, u f'livell ta' mestier reġjonali għal dejta miġbura permezz ta' programmi ta' teħid ta' kampjuni kkoordinati reġjonalment.

(e)

L-intensità tat-teħid ta' kampjuni għandha tkun proporzjonata mal-isforz relattiv u l-varjabbiltà ta' qabdiet ta' dak il-mestier. L-għadd minimu ta' vjaġġi tas-sajd li jkollu jitteħdilhom kampjun qatt m'għandu jkun anqas minn vjaġġ wieħed tas-sajd għal kull xahar matul l-istaġun tas-sajd għal vjaġġi tas-sajd li ta' anqas minn ġimagħtejn u għajr dan għal vjaġġ wieħed kull tliet xhur.

(f)

Meta jittieħed kampjun ta' vjaġġ tas-sajd, l-ispeċijiet għandu jitteħdilhom kampjun fl-istess waqt kif ġej:

Kull speċi ġewwa reġjun kif definit fl-Appendiċi II għandha tkun ikklassifikata fi ħdan grupp skont ir-regoli li ġejjin:

—   grupp 1: speċijiet li jmexxu l-proċess ta' ġestjoni internazzjonali inklużi speċijiet koperti minn pjanijiet ta' ġestjoni tal-UE jew pjanijiet ta' rkupru tal-UE jew pjanijiet multiannwali fit-tul tal-UE jew pjanijiet ta' azzjoni tal-UE ta' konservazzjoni u ġestjoni abbażi tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-esplojtazzjoni sostenibbli ta' riżorsi ta' ħut skont il-politika komuni tas-sajd (3);

—   grupp 2: speċijiet oħra regolati internazzjonalment u speċijiet maġġuri ta' qbid inċidentali mhux regolati internazzjonalment;

—   grupp 3: l-ispeċijiet l-oħra kollha ta' qbid inċidentali (ħut u molluski/krustaċji). Il-lista tal-ispeċijiet tal-Grupp 3 għandha tkun stabbilita fil-livell reġjonali mil-laqgħa ta' kooordinament rilevanti u maqbula mill-STECF.

(g)

L-allokazzjoni ta' speċijiet lill-Grupp 1 u 2 hija speċifikata fl-Appendiċi VII. L-għażla tal-iskema ta' teħid ta' kampjuni għandha tiddependi mid-diversità ta' speċijiet li jitteħdilha kampjun u l-kundizzjonijiet ta' tħaddim li permezz tagħhom jittieħed kampjun. Id-disinn tat-teħid ta' kampjuni għal kull mesjier jeħtieġ li jqis sew il-perjodiċità tal-okkorrenzi tat-teħid tal-kampjuni u l-iskema tat-teħid ta' kampjuni li tkun tiġi applikata. Skemi possibbli ta' teħid ta' kampjun, kif deskritti fit-tabella li ġejja, jinkludu:

—   skema 1: it-teħid komprensiv ta' kampjun tal-ispeċijiet kollha;

—   skema 2: fi ħdan kull stratum ta' żmien, l-okkorrenzi tat-teħid tal-kampjuni jinqasmu f'żewġ partijiet. Parti waħda tal-okkorrenzi tat-teħid ta' kampjuni (x %) tikkunsidra kampjuni tal-ispeċijiet kollha fuq l-art, filwaqt li l-parti l-oħra tal-okkorrenzi tat-teħid ta' kampjuni (100 – x %) tqis biss il-kampjuni tal-ispeċijiet kollha tal-Grupp 1;

—   skema 3: fi ħdan kull stratum ta' żmien, l-okkorrenzi tat-teħid tal-kampjuni jinqasmu f'żewġ partijiet. Parti waħda tal-okkorrenzi tat-teħid ta' kampjuni (x %) tikkunsidra kampjuni tal-ispeċijiet kollha tal-Grupp 1 u tal-Grupp 2 fuq l-art, filwaqt li l-parti l-oħra tal-okkorrenzi tat-teħid ta' kampjuni (100 – x %) tqis biss il-kampjuni tal-ispeċijiet kollha tal-Grupp 1.jeħtieġ li l-ispeċijiet tal-grupp 3 jiiteħdulhom kampjuni waqt it-tbaħħir.

Tabella 1

Sommarju tal-iskemi ta' teħid ta' kampjuni konkurrenti

Skema ta' teħid ta' kampjun

Frekwenza

Grupp 1

Grupp 2

Grupp 3

Skema 1

Kull okkorrenza ta' teħid ta' kampjun

Image

Image

Image

Skema 2

x % ta' okkorrenzi ta' teħid ta' kampjuni

Image

Image

Image

 

(100 – x) % ta' okkorrenzi ta' teħid ta' kampjun

Image

 

 

Skema 3

x % ta' okkorrenzi ta' teħid ta' kampjuni

Image

Image

Teħid ta' kampjuni waqt it-tbaħħir

 

(100 – x) % ta' okkorrenzi ta' teħid ta' kampjuni

Image

 

 

(h)

Għal kull kampjun partikolari, l-iskema ta' teħid ta' kampjuni għandha tkun irreġistrata (Tabella 1) flimkien mat-tagħrif dwar kif jitlesta t-teħid ta' kampjuni:

Meta jkun qed jittieħed kampjun ta' speċi, l-għadd ta' ħutiet imkejla għandu jiżgura l-kwalità u l-akkuratezza tal-frekwenza ta' tul riżultanti. L-għadd ta' klassijiet ta' tul f'kampjun jista' jkun stmat permezz tal-firxa tat-tul medju ta' ġo fih u, minn dan, l-għadd ta' ħut imkejjel ikun qiegħed bejn 3 × l-għadd ta' klassijiet ta' tul u 5 × l-għadd ta' klassijiet ta' tul bħala l-ewwel approssimazzjoni, fin-nuqqas ta' kull ottimizzazzjoni ta' statistika tad-disinn ta' teħid ta' kampjun.

(i)

Proċeduri oħra tat-teħid ta' kampjuni jistgħu' jintużaw bil-kundizzjoni li jkun hemm evidenza xjentifika li turi li dawn il-proċeduri jilħqu l-istess għanijiet bħal dawk deskrittia fil-punt 3(1)(g).

(j)

Sommarju tal-protokolli ta' teħid ta' kampjuni mwettaq mill-Istati Membri għandu jkun jista' jinkiseb mill-STECF permezz tal-programmi nazzjonali għal kull mestier li jitteħidlu kampjun.

(2)

Għall-qbid mormi:

(a)

Is-sistema ta' gradazzjoni msemmija fil-Kapitolu III Sezzjoni B/B1 3 (1) (f) għandha tintuża biex jintgħażlu l-mestieri bix issir stima tar-rimi ta' qabdiet. Fi kwalunkwe każ, fejn ir-rimi ta' kwalunkwe mestier ikun stmat li jilħaq aktar minn 10 % tal-volum totali tal-qbid u dan il-mestier ma jkunx individwat mis-sistema ta' gradazzjoni, dan il-mestier għandu jitteħidlu kampjun.

(b)

L-unità ta' teħid ta' kampjuni għandha tkun il-vjaġġ tas-sajd u l-għadd ta' vjaġġi tas-sajd li jkollu jitteħdilhom kampjun għandu jiżgura kopertura tajba tal-attivitajiet tal-mestier.

(c)

Il-valuri ta' preċiżjoni u s-sistema ta' gradazzjoni jkollhom referenza fl-istess livell bħal tal-programmi ta' teħid ta' kampjun, jiġifieri fil-livell tal-mestier nazzjonali għal dejta miġbura permezz ta' programmi nazzjonali, u f'livell ta' mestier reġjonali għal dejta miġbura permezz ta' programmi ta' teħid ta' kampjuni kkoordinati reġjonalment;

(d)

L-intensità tat-teħid ta' kampjuni għandha tkun proporzjonata mal-isforz relattiv u l-varjabbiltà ta' qabdiet ta' dak il-mestier. L-għadd minimu ta' vjaġġi tas-sajd li jkollu jitteħdilhom kampjun ma għandux ikun anqas minn żewġ vjaġġi tas-sajd kull kwart ta' sena;

(e)

Ir-rimi għandu jkun immonitorjat għall-ispeċijiet tal-Gruppi 1, 2 u 3, definiti fil-Kapitolu III sezzjoni B/B1/3. (1)(f), biex ikun hemm stima tal-piż medju tal-ħut mormi kull kwart ta' sena. Barra minn hekk:

Ir-rimi għandu jkun is-suġġett ta' stima kull kwart ta' sena tad-distribuzzjonijiet tatat-tulijiet tal-ħut, meta, fuq bażi annwali, jirrappreżentaw jew aktar minn 10 % tal-qbid totali skont il-piż jew aktar minn 15 % tal-qbid skont l-għadd għall-ispeċijiet tal-Gruppi 1 u 2;

Fejn jintrema ħut għal firxiet ta' tulijiet ta' speċijiet li mhumiex rappreżentati fil-ħatt l-art, għandu jsir kejl tal-etajiet skont ir-regoli stipulati fl-Appendiċi VII;

(f)

Fejn ikun rilevanti, għandu jsir stħarriġ pilota kif riferit fil-Kapitolu II B (1);

(g)

Sommarju tal-protokolli ta' teħid ta' kampjuni mwettaq mill-Istati Membri għandu jkun jista' jinkiseb mill-STECF permezz tal-programmi nazzjonali għal kull mestier li jitteħidlu kampjun.

(3)

Għas-sajd rikreattiv:

(a)

Għas-sajd rikreattiv u l-ispeċijiet tal-mira elenkati fl-Appendiċi IV (1 sa 5), l-Istat i Membri għandhom jivvalutaw il-kompożizzjoni tal-piż tal-qabdiet għal kull kwart ta' sena;

(b)

Fejn ikun rilevanti, għandu jsir stħarriġ pilota kif riferit fil-Kapitolu II B (1), biex issir stima tal-importanza tas-sajd rikreattiv imsemmi fil-punt 3(3)(a).

4.   Livelli ta' preċiżjoni

(1)

Għall-ħatt l-art:

(a)

Fil-livell tal-istokk tal-ħut, il-livell ta' preċiżjoni 2 għandu jkun il-mira sew għall-ispeċijiet tal-Grupp 1 kif ukoll għal dawk tal-Grupp 2. Jekk ikun meħtieġ, għandhom jiżdiedu kampjuni abbażi tal-istokk jekk it-teħid ta' kampjuni abbażi tal-mestier ma jkunx jista' jipprovdi l-preċiżjoni adegwata għad-distribuzzjoni tat-tulijiet fuq il-livell tal-istokk.

(2)

Għall-qbid mormi:

(a)

Id-dejta relatata mal-istimi ta' kull kwart ta' sena tat-tulijiet tal-ħut mormi u l-kompożizzjoni tal-etajiet għall-ispeċijiet tal-Grupp 1 u tal-Grupp 2 jeħtiġilha twassal għal-livell ta' preċiżjoni 1.

(b)

Stimi tal-piż għall-ispeċijiet tal-Gruppi 1, 2 u 3 jeħtiġilhom iwasslu għal-livell ta' preċiżjoni 1.

(3)

Għas-sajd rikreattiv:

(a)

Id-dejta relatata mal-istimi ta' kull sena tal-qabdiet f'volum jeħtiġilha twassal għal-livell ta' preċiżjoni 1.

5.   Regoli ta' eżenzjoni

(1)

Jekk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilħqu l-livelli ta' preċiżjoni riferuti fil-Kapitolu III sezzjoni B/B1/4 2 (a) u (b) u 3(a), jew ikunu jistgħu jagħmlu dan biss bi spejjeż eċċessivi, jistgħu jiksbu, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-STECF, deroga mill-Kummissjoni biex ibaxxu l-livell ta' preċiżjoni, il-frekwenza tat-teħid ta' kampjuni, jew biex jimplimentaw stħarriġ pilota, bil-kundizzjoni li din it-talba tkun dokumentata bis-sħiħ u jkollha l-provi xjentifiċi.

B2.   Varjabbli relatati mal-istokk

1.   Varjabbli

(1)

Għall-istokkijiet elenkati fl-Appendiċi VII, għandhom jinġabru l-varjabbli li ġejjin:

(a)

Tagħrif individwali dwar l-età;

(b)

Tagħrif individwali dwar it-tul;

(c)

Tagħrif individwali dwar il-piż;

(d)

Tagħrif individwali dwar is-sess;

(e)

Tagħrif individwali dwar il-maturità;

(f)

Tagħrif individwali dwar il-fekondità.

bl-użu tal-iskema ta' teħid ta' kampjuni pprovduta f'dan l-Appendiċi VII.

(2)

Il-ġbir tat-tagħrif individwali kollu msemmi fil-paragrafu (1) għandu kun assoċjat mat-tagħrif korrispondenti dwar l-istratum tal-ispazju u ż-żmien.

(3)

Għal stokkijiet ta' salamun selvaġġ fix-xmajjar ta' indiċi, kif definiti mill-ICES, li jidħlu fil-Baħar Baltiku III b-d, jeħtiġilhom jinġabru l-varjabbli li ġejjin:

(a)

Informazzjoni dwar l-abbundanza tas-salamun żgħir (smolt);

(b)

Informazzjoni dwar l-abbundanza tal-parr;

(c)

Informazzjoni dwar l-għadd tal-individwi axxendenti.

2.   Livell ta' diżaggregazzjoni

(1)

Il-livelli meħtieġa ta' diżaggregazzjoni, kif ukoll il-ġbir kull tant żmien tal-varjabbli kollha u l-intensitajiet tat-teħid ta' kampjuni għall-età huma speċifikati fl-Appendiċi VII. Għal strateġiji ta' teħid ta' kampjuni u intensitajiet ta' teħid ta' kampjuni għandhom japplikaw ir-regoli indikati fil-Kapitolu I sezzjoni B (Livelli ta' preċiżjoni u intensitajiet ta' teħid ta' kampjun).

3.   Strateġija ta' teħid ta' kampjuni

(1)

Kulfejn ikun possibbli, il-qari tal-età għandu jsir fuq qbid kummerċjali, sabiex tiġi stmata l-kompożizzjoni skont l-ispeċiu, fejn dan ikun rilevanti, il-parametri ta' tkabbir. Fejn dan ma jkunx possibbli, l-Istati Membri għandhom jiġġustifikawir-raġunijiet fil-programmi nazzjonali tagħhom.

(2)

Jekk il-kooperazzjoni bejn Stati Membri tiżgura li l-istima globali tal-parametri elenkati fl-Appendiċi VII tilħaq il-livell ta' preċiżjoni meħtieġ, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kontribut proprju tiegħu għall-ġabra tad-dejta tkun biżżejjed biex jintlaħaq dak il-livell ta' preċiżjoni.

4.   Livelli ta' preċiżjoni

(1)

Għal stokkijiet ta' speċijietli jistgħu maż-żmien javanzaw fl-età, il-piżijiet u t-tulijiet medji għal kull età għandhom ikunu stmati fil-livell ta' preċiżjoni 3, sa età tali li l-ħatt akkumulat għall-etajiet korrispondenti jirrappreżenta talanqas 95 % tal-ħatt nazzjonali għall-istokk rilevanti.

(2)

Għal stokkijiet li għalihom il-qari tal-età ma jkunx possibbli, iżda li għalihom tista' tkun stmata kurva ta' tkabbir, piżijiet u tulijiet medji għal kull psewdoetà (jiġifieri derivata mill-kurvi tat-tkabbir) għandhom ikunu stmati bi preċiżjoni tal-livell 2, sa età tali li l-ħatt akkumulat għall-etajiet korrispondenti jirrappreżenta talanqas 90 % tal-ħatt nazzjonali għall-istokk rilevanti.

(3)

Għal proporzjonijiet ta' maturità, fekondità u sess, tista' ssir għażla bejn referenza għal età jew tul, bil-kundizzjoni li Stati Membri li jkollhom iwettqu t-teħid ta' kampjun bijoloġiku korrispondenti jkunu qablu dwar li ġej:

(a)

Għal maturità u fekondità, ikkalkolati bħala proporzjon tal-ħut matur, għandha tinkiseb preċiżjoni tal-livell 3 fi ħdan il-firxa tal-età u/jew it-tul, li l-limiti tagħhom ikunu jikkorrispondu għal 20 % u 90 % ta' ħut matur;

(b)

Għal proporzjonijiet ta' sess, ikkalkolati bħala proporzjon tal-ħut nisa, għandha tinkiseb preċiżjoni tal-livell 3, sa età jew tul b'mod li ħatt akkumulat għall-etajiet jew tulijiet korrispondenti jagħmel tajjeb għal mill-anqas 90 % tal-ħatt nazzjonali għal dan l-istokk.

5.   Regoli ta' eżenzjoni

(1)

Il-programm nazzjonali ta' Stat Membru jista' jeskludi l-istima tal-varjabbli relatati mal-istokk għal stokkijiet li għalihom TAC's u kwota jkunu ġew definiti skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-kwota rilevanti għandha tikkorrispondu għal anqas minn 10 % tas-sehem Komunitarju ta' TAC jew anqas minn 200 tunnellata bħala medja matul it-tliet snin ta' qabel;

(b)

It-total tal-kwoti rilevanti kollha ta' Stati Membri li l-allokazzjoni tagħhom tkun anqas minn 10 %, għandu jirrappreżenta anqas minn 25 % tas-sehem Komunitarju tat-TAC.

(2)

Jekk il-kundizzjoni msemmija fil-punt 5.1.(a) preċedenti titħares, iżda mhux il-kundizzjoni msemmija fil-punt 5.1.(b), l-Istati Membri rilevanti jistgħu jwaqqfu programm koordinat biex jiksbu għall-ħatt konġunt tagħhom skema konġunta ta' teħid ta' kampjun, jew l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skemi nazzjonali oħra ta' teħid ta' kampjuni li twassal għall-istess preċiżjoni.

(3)

Jekk ikun f'loku, il-programmi nazzjonali jistgħu jkunu aġġustati sal-1 ta' Frar ta' kull sena biex jitqies l-iskambju ta' kwoti bejn l-Istati Membri:

(a)

Għal stokkijiet li għalihom TAC's u kwoti ma kinux ġew definiti u li jinsabu lil hinn mill-Baħar Mediterran, l-istess regoli stabbiliti skont il-punt 5(1) japplikaw abbażi ta' ħatt medju tat-tliet snin ta' qabel u b'referenza għall-ħatt kollu Komunitarju minn stokk;

(b)

Għal stokkijiet fil-Baħar Mediterran, il-ħatt skont il-piż minn Stat Membru Mediterranju għal speċi li tikkorrispondi għal anqas minn 10 % tal-ħatt kollu Komunitarju mill-Baħar Mediterran, jew għal anqas minn 200 tunnellata metrika, ħlief għat-tonn.

C.   Ġbir ta' varjabbli trasversali

1.   Varjabbli

(1)

Varjabbli li jkollhom jinġabru huma elenkati fl-Appendiċi VIII. Id-dejta għandha tingħata skont il-perjodiċità indikata f'dak l-Appendiċi.

(2)

Jista' jkun hemm xi dewmien bejn l-informazzjoni mogħtija dwar il-flotta u dwar l-isforz fis-sajd.

2.   Livell ta' diżaggregazzjoni

(1)

Il-livell ta' diżaggregazzjoni huwa mogħti fl-Appendiċi VIII skont il-kriterji definiti fl-Appendiċi V.

(2)

Il-grad ta' aggregazzjoni għandu jikkorrispondi mal-livell l-aktar diżaggregat meħtieġ. Jista' jsir raggruppument ta' ċelluli fi ħdan din l-iskema bil-kundizzjoni li analiżi ta' statistika adatta turi s-sostenibbiltà tiegħu. Mergers bħal dawn għandhom ikunu approvati mil-Laqgħa ta' Koordinazzjoni Reġjonali rilevanti.

3.   Strateġija ta' teħid ta' kampjuni

(1)

Kulfejn ikun possibbli, dejta trasversali għandha tinġabar b'mod eżawrjenti. Fejn dan ma jkunx jista' jsir, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-proċeduri ta' teħid ta' kampjuni fi ħdan il-programmi nazzjonali tagħhom.

4.   Livelli ta' preċiżjoni

(1)

L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapport annwali tagħhom tagħrif dwar il-kwalità (l-akkuratezza u l-preċiżjoni) tad-dejta.

D.   Stħarriġ ta' riċerka waqt it-tbaħħir

(1)

L-istħarriġ kollu elenkat fl-Appendiċi IX għandu jkun kopert.

(2)

L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu fi ħdan il-programmi nazzjonali tagħhom kontinwità ma disinji ta' stħarriġ ta' qabel.

(3)

Minkejja l-punti 1 u 2, Stati Membri jistgħu jipproponu modifika fl-isforz ta' stħarriġ jew disinn ta' teħid ta' kampjun, bil-kundizzjoni li dan ma jkollux effett ħażin fuq il-kwalità tar-riżultati. L-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni ta' kull modifika għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-STECF.

KAPITOLU IV

MODULU TA' EVALWAZZJONI TAS-SITWAZZJONI EKONOMIKA TAS-SETTURI TAL-AKKWAKULTURA U L-INDUSTRIJA TAL-IPPROĊESSAR

A.   Ġbir ta' dejta ekonomika għas-settur tal-akkwakultura

1.   Varjabbli

(1)

Il-varjabbli kollha elenkati fl-Appendiċi X għandhom jinġabru fuq bażi annwali għal kull taqsima skont it-tqassim stabbilit fl-Appendiċi XI.

(2)

L-unità ta' statistika għandha tkun l-“intrapriża” definita bħala l-entità legali l-aktar baxxa għall-finijiet taż-żamma tal-kotba.

(3)

Il-popolazzjoni għandha tirreferi għal intrapriżi li l-attività ewlenija tagħhom hija definita skont id-definizzjoni tal-EUROSTAT skont il-kodiċi 05.02 ta' NACE: “Trobbija tal-Ħut”.

(4)

Valutii nazzjonali għandhom jinbidlu fl-euro bl-użu tar-rata tal-kambju annwali medja li tista' tinkiseb mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

2.   Livell ta' diżaggregazzjoni

(1)

Id-dejta għandha titqassam skont l-ispeċi u t-teknika għall-akkwakultura, kif imsemmi fl-Appendiċi XI. L-Istati Membri jistgħu wkoll iqassmu addizzjonalment skont id-daqs tal-intrapriża jew kriterji rilevanti oħra, jekk ikun meħtieġ.

(2)

Il-ġbir ta' dejta għal speċijiet tal-ilma ħelu mhuwiex obbligatorju. Madankollu, jekk din id-dejta tinġabar, l-Istati Membri għandhom isegwu t-tqassim indikat fl-Appendiċi XI.

3.   Strateġija ta' teħid ta' kampjuni

(1)

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-metodoloġiji tagħhom għall-istima ta' kull varjabbli ekonomiku, inklużi l-aspetti ta' kwalità, fil-programmi nazzjonali tagħhom.

(2)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konsistenza u l-komparabbiltà tal-varjabbli ekonomiċi kollha meta dawn ikunu derivati minn sorsi differenti (eż. kwestjonarji, kontijiet finanzjarji).

4.   Livelli ta' preċiżjoni

(1)

L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapport annwali tagħhom tagħrif dwar il-kwalità (l-akkuratezza u l-preċiżjoni) tad-dejta.

B.   Ġbir ta' dejta ekonomika dwar l-industrija tal-ipproċessar

1.   Varjabbli

(1)

Il-varjabbli kollha elenkati fl-Appendiċi XII għandhom jinġabru fuq bażi annwali għall-popolazzjoni.

(2)

Il-popolazzjoni għandha tirreferi għal intrapriżi li l-attività ewlenija tagħhom hija definita skont id-definizzjoni tal-EUROSTAT skont il-kodiċi 15.20 tal-NACE: “L-ipproċessar u l-preservazzjoni tal-ħut u prodotti tal-ħut”.

(3)

Bħala linja gwida, il-kodiċijiet nazzjonali applikati minn Stati Membri skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 852/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene ta' oġġetti tal-ikel (4), (KE) Nru 853/2004 tad-29 April 2004 dwar regoli tal-iġjene għal ikel li jiġi mill-annimali (5) u (KE) Nru 854/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar l-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti ta' annimali maħsubin għall-konsum mill-bniedem (6) għandhom jintużaw b'mod addizzjonali bħala mezz ta' eżami doppju u identifikazzjoni ta' intrapriżi kklassifikati skont il-kodiċi 15.20 tal-NACE.

(4)

Valuti nazzjonali għandhom jinbidlu fl-euro bl-użu tar-rata tal-kambju annwali medja li tista' tinkiseb mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

2.   Livell ta' diżaggregazzjoni

(1)

L-unità ta' statistika għandha tkun l-“intrapriża” definita bħala l-entità legali l-aktar baxxa għall-finijiet taż-żamma tal-kotba.

(2)

Għal intrapriżi li jagħmlu l-ipproċessar tal-ħut iżda mhux bħala attività ewlenija, ikun obbligatorju l-ġbir tad-dejta li ġejja, fl-ewwel sena ta' kull perjodu ta' programmar:

(a)

L-għadd ta' intrapriżi;

(b)

Il-fatturat attribwit lill-ipproċessar tal-ħut.

3.   Strateġija ta' teħid ta' kampjuni

(1)

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-metodoloġiji tagħhom għall-istima ta' kull varjabbli ekonomiku, inklużi l-aspetti ta' kwalità, fil-programmi nazzjonali tagħhom.

(2)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konsistenza u l-komparabbiltà tal-varjabbli ekonomiċi kollha meta dawn ikunu derivati minn sorsi differenti (eż. kwestjonarji, kontijiet finanzjarji).

4.   Livelli ta' preċiżjoni

(1)

L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapport annwali tagħhom tagħrif dwar il-kwalità (l-akkuratezza u l-preċiżjoni) tad-dejta.

KAPITOLU V

MODULU TA' EVALWAZZJONI TAL-EFFETTI TAS-SETTUR TAS-SAJD FUQ L-EKOSISTEMA MARINA

1.   Varjabbli

(1)

Biex titħalla ssir il-kalkulazzjoni tal-indikaturi elenkati fl-Appendiċi XIII, dejta speċifikata f'dan l-Appendiċi għandha tinġabar fuq bażi annwali, bl-eċċezzjoni ta' dejta li huwa speċifikat li għandha tinġabar f'livelli aktar diżaggregati.

(2)

Id-dejta speċifikata fl-Appendiċi XIII għandha tinġabar fil-livell nazzzjonali biex l-utenti aħħarin ikunu jistgħu jikkalkulaw l-indikaturi fl-iskala ġeografika rilevanti, kif stipulat fl-Appendiċi II.

2.   Livell ta' diżaggregazzjoni

(3)

Il-livell ta' diżaggregazzjoni indikat fl-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi XIII.

3.   Strateġija ta' teħid ta' kampjun

(4)

L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi XIII.

4.   Livelli ta' preċiżjoni

(1)

L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi XIII.

KAPITOLU VI

MODULU GĦALL-ĠESTJONI U L-UŻU TAD-DEJTA KOPERTA MILL-QAFAS TA' ĠBIR TA' DEJTA

A.   Ġestjoni tad-dejta

(1)

F'dak li jirrigwarda d-dejta koperta minn dan il-Programm Komunitarju, din is-sezzjoni tkopri l-iżvilupp ta' bażijiet ta' dejta, ir-reġistrazzjoni ta' dejta (ħżin), il-kontroll tal-kwalità u l-valutazzjoni tad-dejta, u l-ipproċessar ta' dejta minn dejta primarja għal dejta dettaljata jew aggregata kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 199/2008.

(2)

Għandha tinkludi l-proċess ta' trasformazzjoni tad-dejta soċjoekonomika primarja għal metadejta msemmija fl-Artikolu 13(b) tar-Regolament Nru 199/2008.

(3)

L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li, fuq talba mill-Kummissjoni, jkun jista' jingħata t-tagħrif dwar il-proċess ta' trasformazzjoni msemmi fil-paragrafu 2.

B.   L-użu tad-dejta

(1)

Is-sezzjoni tkopri l-produzzjoni ta' settijiet ta' dejta u l-użu tagħhom biex tkun sostnuta analiżi xjentifika bħala bażi għal pariri lill-ġestjoni tas-sajd kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)a tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.

(2)

Għandha tinkludi stimi ta' parametri bijoloġiċi (l-età, il-piż, is-sess, il-maturità u l-fekondità) għall-istokkijiet elenkati fl-Appendiċi VII, it-tħejjija ta' settijiet ta' dejta għal evalwazzjonijiet u l-immudellar bijoekonomiku ta' stokk u analiżi xjentifika korrispondenti.

Lista ta' appendiċijiet

Appendiċi Nru

Titolu

I

Stratifikazzjoni ġeografika skont l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd

II

Stratifikazzjoni ġeografika skont ir-reġjun

III

Taqsim tal-flotta skont ir-reġjuni

IV

Attività tas-sajd (mestier) skont ir-reġjuni

V

Livelli ta' diżaggregazzjoni

VI

Lista ta' varjabbli ekonomiċi

VII

Lista ta' varjabbli bijoloġiċi bl-ispeċifikazzjoni ta' kampjunar tal-ispeċijiet

VIII

Lista ta' varjabbli trasversali bl-ispeċifikazzjoni ta' kampjunar

IX

Lista ta' stħarriġiet ta' riċerka fuq il-baħar

X

Lista ta' varjabbli ekonomiċi għas-settur tal-akkwakultura

XI

Taqsim tas-setturi li għandu jiġi applikat għall-ġbir tad-dejta dwar l-akkwakultura

XII

Lista ta' varjabbli ekonomiċi għas-settur tal-ipproċessar

XIII

Definizzjoni ta' indikaturi ambjentali biex jitkejlu l-effetti tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar


(1)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 25.

(2)  ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3.

(3)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(6)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.