13.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 335/91


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Diċembru 2008

dwar in-noninklużjoni ta’ ċerti sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7803)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/941/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju tal-1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li Stat Membru, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ dik id-Direttiva, jista’ jawtorizza t-tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u li jkunu diġà fis-suq sentejn wara n-notifika, waqt li dawk is-sustanzi jkunu qed jiġu investigati gradwalment fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002 (2) u (KE) Nru 2229/2004 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi s-sustanzi attivi miżjuda fl-Anness għal din id-Direttiva.

(3)

Fi żmien xahrejn mill-wasla tal-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni, in-notifikaturi kkonċernati rtirtaw volontarjament l-appoġġ tal-inklużjoni ta’ dawk is-sustanzi, skont l-Artikolu 24e tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat l-abbozzi tar-rapporti ta’ valutazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri relaturi u l-kummenti tal-Istati Membri l-oħra u waslet għall-konklużjoni li l-Artikoli 24b u 24f ma japplikawx. Konsegwentement, japplika l-Artikolu 24e.

(5)

Għalhekk, is-sustanzi attivi fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni ma għandhomx jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(6)

Billi n-noninklużjoni ta’ dawn is-sustanzi mhix ibbażata fuq il-preżenza ta’ indikazzjonijiet ċari ta’ effetti dannużi kif stipulat fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jżommu l-awtorizzazzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2010, skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004.

(7)

Kwalunkwe perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanzi elenkati, għandu jiġi limitat għal perjodu ta’ 12-il xahar biex il-ħażniet eżistenti jkunu jistgħu jintużaw f’mhux aktar minn staġun ta’ tkabbir wieħed ieħor.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għat-tressiq ta’ applikazzjoni ġdida skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 (4) li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha, skont il-proċedura aċċellerata stipulata fl-Artikoli 13 sa 22 ta’ dak ir-Regolament.

(9)

L-Artikoli 13 sa 22 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 jipprovdu għal proċedura aċċellerata għal tali applikazzjoni ġdida. Dik il-proċedura tippermetti lin-notifikaturi, li s-sustanza tagħhom ma ġietx inkluża minħabba li ġiet irtirata, li jagħmlu applikazzjoni ġdida skont il-proċedura aċċellerata stipulata fir-Regolament (KE) Nru 33/2008. Huma u jibagħtu l-applikazzjoni l-ġdida skont din il-proċedura, in-notifikaturi jistgħu jibagħtu biss id-dejta addizzjonali meħtieġa għall-indirizzar tal-kwistjonijiet speċifiċi li għalihom ġie identifikat bżonn ta’ iktar informazzjoni matul il-valutazzjoni tar-riskju. Kull notifikatur irċieva l-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni li jidentifika dik id-dejta.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanzi fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni ma għandhomx jiġu inklużi bħala sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanza waħda jew iktar minn dawk fl-Anness.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE għandu jiskadi mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

(3)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(4)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.


ANNESS

LISTA TA’ SUSTANZI ATTIVI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

Sustanza Attiva

Abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni mgħoddi lin-notifikatur nhar

1-Decanol

fis-7 ta’ April2008.

6-Benzyladenine

fil-25 ta’ Frar 2008.

Aluminium sulphate

fil-31 ta’ Marzu 2008.

Azadirachtine

fit-18 ta’ Frar 2008.

Bromadiolone

fil-11 ta’ Lulju 2008.

Ethoxyquin

fit-13 ta’ Marzu 2008

Fatty alcohols

fit-3 ta’ April 2008

Indolylacetic acid

fit-13 ta’ Marzu 2008

Indolylbutyric acid

fit-13 ta’ Marzu 2008.

Lime sulphur

fil-31 ta’ Marzu 2008.

Naphthylacetic acid

fit-3 ta’ Marzu 2008

1-Naphthylacetamide

fit-3 ta’ Marzu 2008.

Propisochlor

fis-16 ta’ Mejju2008.

Quassia

fis-17 ta’ Marzu2008.

Zinc phosphide

fil-11 ta’ Lulju 2008.