12.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 301/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Novembru 2008

li tikkonċerna l-kontribut finanzjarju tal-Komunità, għas-sena 2009, għal azzjonijiet tal-OIE fil-qasam tal-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-annimali

(2008/849/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità tista’ twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp tal-edukazzjoni jew it-taħriġ veterinarju.

(2)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) hija l-organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa tal-annimali madwar id-dinja u għall-istabbiliment ta’ standards għall-kummerċ internazzjonali tal-annimali u l-prodotti tagħhom. Bħalissa, l-OIE qiegħda tiżviluppa linji ta’ gwida għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-annimali. Meta jiġu adottati, dawn il-linji ta’ gwida se jkunu standard internazzjonali ta’ referenza skont il-ftehim tad-WTO dwar Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS). Se jkunu l-bażi għal kull leġiżlazzjoni relevanti implimentata mill-pajjiżi membri tal-OIE, fosthom l-Istati Membri tal-UE. Għalhekk, se jkollhom impatt dirett u konsiderevoli fuq l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja. Fid-dawl tal-importanza tal-kummerċ tal-annimali u l-prodotti tal-annimali, huwa importanti għall-UE li jkollha l-istandards futuri tal-OIE kemm jista’ jkun qrib tal-leġiżlazzjoni kurrenti u futura tal-Komunità.

(3)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-reġjuni dwar Strateġija ġdida li tikkonċerna s-Saħħa tal-Annimali għall-UE (2007-2013) tiddeskrivi t-traċċabilità bħala waħda mill-għodod ewlenin tal-istrateġija għas-saħħa tal-annimali. F’dan il-kuntest, jixraq li jiġu promossi b’mod attiv l-istandards Komunitarji fil-livell internazzjonali.

(4)

L-OIE qed tippjana Konferenza dwar l-Identifikazzjoni u t-Traċċabilità tal-Annimali bil-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni dinjija tal-istandards internazzjonali għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità. Din il-konferenza se jkollha influwenza kbira fuq l-iżvilupp futur tal-istandards internazzjonali għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-annimali. Għalhekk, jixraq li jingħata kontribut finanzjarju mill-Komunità għall-konferenza tal-OIE.

(5)

L-OIE għandha monopolju de facto fis-settur tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 168(1)(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjaru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2); għalhekk mhix meħtieġa sejħa għal proposti.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Huwa approvat kontribut finanzjarju tal-Komunità ta’ EUR 150 000, għall-finanzjament ta’ Konferenza tal-OIE dwar l-Identifikazzjoni u t-Traċċabilità tal-Annimali, organizzata mill-OIE fl-2009, li jikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju b’massimu ta’ 33 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

Artikolu 2

Il-kontributi finanzjarji stipulati fl-Artikolu 1 għandhom jiġu ffinanzjati mil-linja tal-baġit 17 04 02 01 tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej għall-2009.

Ftehim ta’ għotja għall-kontributi finanzjarji stipulati fl-Artikolu 1 se jingħata lill-OIE mingħajr sejħa għal proposti billi l-OIE hija l-organizzazzjoni intergovernattiva għat-titjib tas-saħħa tal-annimali fid-dinja u għandha monopolju de facto.

Magħmula fi Brussell, 6 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.