4.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 295/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ April 2008

dwar l-Għajnuna mill-Istat C 21/07 (eks N 578/06) li l-Ungerija qed tippjana li timplimenta favur IBIDEN Hungary Gyártó Kft.

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1342)

(Il-verżjoni bl-Ungeriż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/830/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ notifika elettronika datata t-30 ta’ Awwissu 2006, irreġistrata fl-istess jum fil-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw każ ta’ applikazzjoni ta’ skemi eżistenti ta’ għajnuna reġjonali favur proġett ta’ investiment inizjali ta’ IBIDEN Hungary Gyártó Kft. In-notifika saret skont rekwiżit ta’ notifika individwali stabbilit fil-paragrafu 24 tal-Qafas Multisettorali dwar l-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment għall-2002 (minn issa ‘l quddiem: MSF 2002) (2).

(2)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri tat-13 ta’ Ottubru 2006 (D/58881) u t-13 ta’ Marzu 2007 (D/51161).

(3)

Permezz ta’ ittri rreġistrati fil-Kummissjoni fl-14 ta’ Novembru 2006 (A/39085), it-3 ta’ Jannar 2007 (A/30004), il-15 ta’ Jannar 2007 (A/30441) u s-27 ta’ Marzu 2007 (A/32641) l-awtoritajiet Ungeriżi talbu lill-Kummissjoni biex testendi l-iskadenza għall-provvista ta’ informazzjoni addizzjonali, li l-Kummissjoni aċċettat.

(4)

L-awtoritajiet Ungeriżi ssottomettew informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri rreġistrati għand il-Kummissjoni fil-31 ta’ Jannar 2007 (A/30990) u l-15 ta’ Mejju 2007 (A/34072).

(5)

Fil-11 ta’ Diċembru 2006 u fil-25 ta’ April 2007, saru laqgħat bejn l-awtoritajiet Ungeriżi u s-servizzi tal-Kummissjoni fejn kienu preżenti wkoll rappreżentanti ta’ IBIDEN Hungary Gyártó Kft.

(6)

Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-Ungerija li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-għajnuna.

(7)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura tal-għajnuna.

(8)

Il-Kummissjoni rċeviet erba’ kummenti mill-partijiet interessati:

(a)

permezz ta’ ittra datata l-25 ta’ Ottubru 2007, rreġistrata l-Kummissjoni fl-istess jum (A/38842);

(b)

permezz ta’ ittra datata t-22 ta’ Novembru 2007, rreġistrata l-Kummissjoni fl-24 ta’ Novembru 2007 (A/39732);

(c)

permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Novembru 2007, rreġistrata l-Kummissjoni fl-istess jum (A/39711);

(d)

permezz ta’ ittra datata s-26 ta’ Novembru 2007, rreġistrata l-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2007 (A/39740).

(9)

Permezz ta’ ittra datata l-4 ta’ Diċembru 2007 (D/54826), il-Kummissjoni għaddiet l-osservazzjonijiet li rċeviet lill-Ungerija li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi.

(10)

L-opinjoni mill-Ungerija għall-kummenti tal-partijiet interessati waslet permezz ta’ ittra datata l-4 ta’ Jannar 2008, rreġistrata l-Kummissjoni fl-istess jum (A/151).

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

2.1.   L-objettiv tal-miżura

(11)

L-awtoritajiet Ungeriżi fi ħsiebhom jippromwovu l-iżvilupp reġjonali billi jipprovdu għajnuna għall-investiment reġjonali lil IBIDEN Hungary Gyártó Kft. għat-twaqqif ta’ impjant tal-manifattura ġdid għall-produzzjoni ta’ sustrati taċ-ċeramika għall-Filtri tal-partikuli tad-Dijżil fil-Park Industrijali ta’ Dunavarsány, fir-reġjun tal-Ungerija Ċentrali (Kontea ta’ Pest), li hija żona assistita skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE b’limitu ta’ intensità ta’ għajnuna ta’ 40 % Ekwivalenti tal-Għotja Netta (NGE) għall-perjodu 2004-2006 (4).

2.2.   Il-benefiċjarju

(12)

Il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa “IBIDEN Hungary Gyártó Kft.” (minn issa ‘l quddiem: IBIDEN HU). Il-proġett li qed jingħata l-għajnuna għandu l-għan li jistabbilixxi impjant tal-produzzjoni fi ħdan id-diviżjoni taċ-ċeramika ta’ IBIDEN tas-sustrati taċ-ċeramika għall-Filtri tal-partikuli tad-Dijżil fl-Unjoni Ewropea, apparti IBIDEN DPF France S.A.S. fi Franza (li twaqqfet fl-2001).

(13)

IBIDEN HU twaqqfet fil-5 ta’ Mejju 2004 permezz ta’ IBIDEN European Holdings B.V. (L-Olanda) u IBIDEN Co., Ltd. (Il-Ġappun). IBIDEN European Holdings B.V. hija 100 % proprjetà ta’ IBIDEN Co., Ltd., li min-naħa tagħha hija kumpanija bl-azzjonisti b’bosta proprjetarji: kumpaniji (pereżempju banek) u entitajiet privati. IBIDEN HU hija 99 % proprjetà ta’ IBIDEN European Holdings B.V. u 1 % ta’ IBIDEN Co., Ltd. IBIDEN DPF France S.A.S. kienet proprjetà ta’ IBIDEN European Holdings B.V. b’100 % sa mit-tmiem tal-2005.

Image 1

IBIDEN Co. Ltd.

Kumpaniji (pereżempju banek) u entitajiet privati.

100 %

1 %

IBIDEN European Holdings B.V.

100 %

IBIDEN DPF France S.A.S.

99 %

IBIDEN Hungary Kft.

(14)

Il-kumpanija ewlenija IBIDEN Co., Ltd. hija kumpanija multinazzjonali li twaqqfet fl-1912, bħala kumpanija li tiġġenera d-dawl elettriku, u l-kwartieri ġenerali tagħha qegħdin f’Gifu, il-Ġappun. L-operazzjonijiet tagħha jistgħu jinqasmu f’ħames taqsimiet li l-ishma tagħhom fil-fatturat mill-bejgħ tal-2005 kienu dawn li ġejjin: 50 % għat-taqsima tal-elettronika, 22 % għat-taqsima taċ-ċeramika, 16 % għat-taqsima tal-materjal tad-djar, 4 % għat-taqsima tal-materjal tal-kostruzzjoni u 8 % għal taqsimiet żgħar oħra (bħal dipartimenti tal-prodotti taż-żejt, servizzi tal-informazzjoni, reżina sintetika, agrikoltura, u tal-ipproċessar tal-annimali u l-ħut). Skont ir-Rapport Annwali tal-2006 (5), il-Grupp IBIDEN jikkonsisti f’47 kumpanija sussidjarja u waħda affiljata, li mhijiex attiva fis-settur taċ-ċeramika. Fl-2006 il-bejgħ konsolidat nett kien ta’ Yen 319.0 biljun, id-dħul mill-operazzjonijiet kien ta’ Yen 43,6 biljun, u d-dħul nett kien ta’ Yen 27,2 biljun. Fl-istess sena, il-grupp kien jimpjega 10 115 impjegat fir-rappreżentazzjonijiet u l-fabbriki tan-negozju tiegħu madwar id-dinja kollha.

2.3.   Proġetti tal-investiment

2.3.1.   Il-proġett il-ġdid tal-investiment ta’ IBIDEN HU f’ Dunavarsány

(15)

In-notifika tikkonċerna t-tieni fażi tal-proġett ta’ investiment, li għandu l-għan li jwaqqaf impjant għall-manifattura tas-sustrati taċ-ċeramika għall-Filtri tal-Partikuli tad-Dijżil fil-Park Industrijali ta’ Dunavarsány.

(16)

Permezz ta’ ittra datata l-1 ta’ April 2005 l-awtoritajiet Ungeriżi, skont il-paragrafu 36 tal-MSF 2002 (6), infurmaw lill-Kummissjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat li ngħatat lill-IBIDEN HU għall-ewwel fażi tal-proġett ta’ investiment.

(17)

L-awtoritajiet Ungeriżi indikaw li ż-żewġ fażijiet tal-investiment minn IBIDEN HU fil-Park Industrijali ta’ Dunavarsány għandhom ikunu meqjusa bħala proġett ta’ investiment waħdani fi ħdan it-tifsira tal-paragrafu 49 tal-MSF 2002: iż-żewġ fażijiet tal-investiment jikkonċernaw l-istess sit tal-produzzjoni, l-istess kumpanija, l-istess prodott u nbdew f’perjodu ta’ tliet snin.

(18)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi dwar iż-żewġ fażijiet tal-investiment, il-manifattura tas-sustrati taċ-ċeramika għall-Filtri tal-Partikuli tad-Dijżil se ssir f’żewġ binjiet ġodda ta’ 24 000 m2 u 30 900 m2 rispettivament fil-Park Industrijali ta’ Dunavarsány. Sal-2007, se jiġu nstallati erba’ linji tal-produzzjoni fil-bini I u se jkunu nstallati ħames linji fil-bini II.

(19)

Sal-2007 il-proġett se joħloq total ta’ 1 100 impjieg dirett f’Dunavarsány.

(20)

L-awtoritajiet Ungeriżi jikkonfermaw li l-ebda prodott ieħor għajr dawk ikkonċernati mill-proġett ta’ investiment mhu se jkun immanifatturat fil-faċilità megħjuna għal ħames snin wara t-tlestija tal-investiment.

(21)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ungeriżi jikkonfermaw li l-benefiċjarji aċċettaw li jżommu l-investiment fis-sit għal perjodu minimu ta’ ħames snin wara t-tlestija tal-investiment.

2.3.2.   Il-kronoloġija tal-proġett ta’ investiment IBIDEN HU f’Dunavarsány

(22)

Ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ investiment bdew diġà f’Ottubru 2004. Il-produzzjoni marbuta mal-proġett bdiet f’Awwissu 2005 fil-bini I u f’Mejju 2006 fil-bini II. Il-kapaċità massima marbuta mal-proġett kienet mistennija li tintlaħaq f’April 2007. It-tabella I tipprovdi aktar dettalji dwar il-kronoloġija tal-proġett:

Tabella I

Il-kronoloġija tal-proġett ta’ investiment

 

Bidu tal-proġett

Bidu tal-produzzjoni

Tmiem tal-proġett

Il-kapaċità produttiva massima

Fażi I

6.10.2004

1.8.2005

1.1.2006

1.5.2006

(1,2 miljun unità kull sena)

Fażi II

20.6.2005

3.5.2006

31.3.2007

1.4.2007

(1,2 miljun unità addizjonali kull sena)

2.4.   L-ispejjeż tal-proġett ta’ investiment

(23)

L-ispejjeż totali tal-investiment eliġibbli tal-proġett huma HUF 47 570 933 882 (EUR 190,83 miljun) f’valur nominali. Fil-valur preżenti dan l-ammont huwa HUF 41 953 072 670 (EUR 168,30 miljun) (7). It-Tabella II tipprovdi t-tqassim tal-ispejjeż totali eliġibbli bis-sena u l-kategorija.

Tabella II

Spejjeż tal-investiment eliġibbli (Fażijiet I u II) valur nominali f’miljun HUF

 

2004

2005

2006

2007

Total

Art

[…] (*1)

(…)

(…)

(…)

(…)

Infrastruttura

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Bini

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Utilità

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Makkinarju

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Investiment Eliġibbli

(…)

(…)

(…)

(…)

47 571

Fażi I

Fażi II

Fażi I

Fażi II

Fażi I

Fażi II

Fażi I

Fażi II

 

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

2.5.   L-iffinanzjar tal-proġett

(24)

L-awtoritajiet Unigeriżi kkonfermaw li l-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju taqbeż il-25 % tal-ispejjeż eliġibbli, li hija ħielsa minn kwalunkwe appoġġ pubbliku.

2.6.   Bażi legali

(25)

L-appoġġ finanzjarju lil IBIDEN HU huwa mogħti fuq il-bażi taż-żewġ sisien legali li ġejjin:

(a)

Il-Ministeru tal-Ekonomija u t-Trasport se jagħti għotja fuq il-bażi tal-iskema “HU 1/2002 - Skema Immirata għall-Promozzjoni tal-Investiment” (8). Din l-iskema għandha bħala l-bażi legali tagħha “Digriet 1/2001 (I.5.) tal-Ministru tal-Ekonomija fuq l-Iskema Immirata għall-Intraprenditorija” u “Digriet 19/2004 (II. 27.) tal-Ministru tal-Ekonomija u t-Trasport dwar ir-Regoli Dettaljati ta’ Ċerti Skemi ta’ Għajnuna tal-Ministeru”.

(b)

Il-Ministeru tal-Finanzi se jagħti benefiċċju tat-taxxa bbażat fuq l-iskema “Benefiċċju tat-Taxxa tal-Iżvilupp” (9). Din l-iskema kienet stabbilita permezz tal-“Att LXXXI tal-1996 dwar it-Taxxa Korporattiva u t-Taxxa tad-Dividendi” u permezz tad-“Digriet tal-Gvern 275/2003 (XII 24.) fuq il-Benefiċċju tat-Taxxa tal-Iżvilupp”.

2.7.   Ammont tal-għajnuna u l-intensità tal-għajnuna

(26)

L-ammont totali tal-għajnuna nominali huwa ta’ HUF 15 591 223 750 (EUR 62,55 miljun), li jikkorrispondi għal HUF 9 793 809 933 (EUR 39,29 miljun) fil-valur preżenti. Fuq il-bażi tal-ispejjeż eliġibbli indikati fil-paragrafu 23 hawn fuq, din tikkorrispondi għal intensità ta’ għajnuna ta’ 22,44 % f’ekwivalenti għall-għotja netta (NGE) (10).

(27)

L-għajnuna qed tiġi pprovduta fil-forma taż-żewġ strumenti ta’ għajnuna li ġejjin. L-ewwel, il-Ministeru tal-Ekonomija u t-Trasport qed jagħmel għotja f’ammont totali f’valur nominali ta’ HUF 3 592 000 000 (EUR 14,41 miljun) mifruxa fuq is-snin bejn l-2005 sal-2007. It-tieni, il-Ministeru tal-Finanzi qed jipprovdi benefiċċju tat-taxxa korporattiva (11) stmat għal HUF 11 999 223 750 (EUR 48,14 miljun) f’valur nominali mħallas matul is-snin mill-2007 sal-2016. L-għotja fil-valur preżenti tammonta għal HUF 3 118 450 763 (EUR 12,51 miljun) u l-benefiċċju tat-taxxa fil-valur preżenti huwa ta’ HUF 6 675 359 170 (EUR 26,78 miljun).

(28)

L-awtoritajiet Ungeriżi speċifikaw li l-għajnuna tal-ammont ta’ HUF 7 411 828 735 (EUR 29,73 miljun) fil-valur preżenti (HUF 11 745 422 640 jew EUR 47,12 miljun fil-valur nominali) diġà ingħatat lil IBIDEN HU fuq il-bażi tal-iskemi eżistenti tal-għajnuna reġjonali (12) sal-limitu tan-notifika individwali stabbilit fil-paragrafu 24 tal-MSF 2002. Għall-ewwel fażi tal-proġett ta’ investiment, fil-25 ta’ Frar 2005, il-Ministeru tal-Finanzi ta għajnuna fl-ammont ta’ HUF 4 832 595 058 (EUR 19,39 miljun) fil-valur preżenti (HUF 8 773 422 640 jew EUR 35,20 miljun fil-valur nominali) u, fit-3 ta’ Marzu 2005, il-Ministeru tal-Ekonomija u t-Trasport ta għajnuna fl-ammont ta’ HUF 1 875 354 000 (EUR 7,52 miljun) fil-valur preżenti (HUF 2 142 000 000 jew EUR 8,60 miljun fil-valur nominali). Għat-tieni fażi tal-investiment il-Ministeru tal-Ekonomija u t-Trasport ta għajnuna fl-ammont ta’ HUF 703 879 677 (EUR 2,82 miljun) fil-valur preżenti (HUF 830 000 000 jew EUR 3,33 miljun fil-valur nominali) fit-22 ta’ Diċembru 2006.

(29)

Għalhekk, skont l-awtoritajiet Ungeriżi, l-ammont tal-għajnuna, li hu suġġett għan-notifika, huwa d-differenza bejn l-ammont totali tal-għajnuna u l-appoġġ li ngħata diġà, jiġifieri HUF 2 381 981 198 (EUR 9,56 miljun) fil-valur preżenti (fil-valur nominali dan l-ammont huwa ta’ HUF 3 845 801 110 jew EUR 15,43 miljun).

(30)

Fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna li jibqa’ biex jingħata għat-tieni fażi tal-investiment, l-awtoritajiet Ungeriżi ssospendew il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet sakemm tittieħdet id-deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna nnotifikata hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(31)

L-awtoritajiet Ungeriżi jikkonfermaw li l-għajnuna għall-proġett ma tistax tiġi magħduda mal-għajnuna rċevuta għall-istess spejjeż eliġibbli minn sorsi oħra lokali, reġjonali, nazzjonali jew Komunitarji.

(32)

L-awtoritajiet Ungeriżi jikkonfermaw li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ewwel fażi tal-proġett tal-investiment ġew ippreżentati fil-5 ta’ Diċmbru 2003 fil-Ministeru tal-Ekonomija u t-Trasport u fis-16 ta’ Settembru 2004 fil-Ministeru tal-Finanzi. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għat-tieni fażi tal-proġett ta’ investiment ġew ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2005 u fil-31 ta’ Mejju 2005 rispettivament. Għalhekk, l-applikazzjonijiet rispettivi għall-għajnuna saru qabel ma beda x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-proġett fis-6 ta’ Ottubru 2004 u fuq it-tieni fażi tal-proġett fl-20 ta’ Ġunju 2005.

2.8.   Impenji Ġenerali

(33)

L-awtoritajiet Ungeriżi kkommettew irwieħhom li jibagħtu lill-Kummissjoni:

fi żmien xahrejn mill-għoti tal-għajnuna, kopja tal-kuntratt(i) iffirmat(i) tal-għajnuna/investiment bejn l-awtorità li tagħti l-għajnuna u l-benefiċjarju;

fuq bażi ta’ kull ħames snin, li jibdew mill-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni, rapport intermedjarju (li jinkludi informazzjoni dwar l-ammonti tal-għajnuna li qed jitħallsu, dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-għajnuna u dwar kwalunkwe proġett ieħor ta’ investiment mibdi fl-istess stabbiliment/impjant);

fi żmien sitt xhur mill-ħlas tal-aħħar parti tal-għajnuna, fuq il-bażi tal-iskeda tal-ħlas innotifikata, rapport finali ddettaljat.

3.   IR-RAĠUNIJIET BIEX INBDIET IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(34)

Il-proġett innotifikat għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ “sustrati taċ-ċeramika għal filtri tal-partikuli tad-dijżil” (minn issa ‘l quddiem: DPF), li huma installati fil-karozzi dijżil tal-passiġġieri u fit-trakkijiet iż-żgħar. Il-parti taċ-ċeramika, li hija manifatturata minn IBIDEN HU, hija prodott intermedjarju (TIER 3), li mbagħad huwa mibjugħ taħt il-kundizzjonijiet tas-suq lil kumpaniji indipendenti, li japplikaw kisja ta’ metall prezzjuż tas-substrat sabiex jiġi ffurmat id-DPF miksi (TIER 2). Id-DPFs miksija mbagħad jinbiegħu lill-produtturi tal-manifold tal-egżost (TIER 1), li huma l-fornituri diretti tal-fabbriki li jimmontaw il-karozzi.

(35)

Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha biex tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali indikat li l-awtoritajiet Ungeriżi ssuġġerew definizzjoni wiesgħa tas-suq relevanti, li jkopri kemm partijiet prinċipali tas-sistema għat-trattament tal-gass tal-egżost tal-vetturi bil-magni dijżil, jiġifieri il-Katalizzaturi tal-Ossidazzjoni tad-Dijżil (minn issa ‘l quddiem: DOC), li jittrattaw gassijiet (jiġifieri CO u HC) u sa ċertu punt il-frazzjoni organika li tinħall (SOF) tas-sustanzi partikuli (PM); u l-Filtri tal-Partikuli tad-Dijżil (minn issa ‘l quddiem: DPF) (13), li huma effettivi biex tkun ittrattata l-frazzjoni li ma tinħallx tas-sustanza partikula, jiġifieri n-nugrufun. Huma jargumentaw li dawn l-apparati huma simili għal xulxin, minħabba li t-tnejn għandhom l-għan li jnaqqsu s-sustanzi perikolużi mill-emissjonijiet, u għalhekk it-tnejn huma parti mis-suq relevanti. Huma jargumentaw ukoll li l-proċessi u t-teknoloġiji tal-produzzjoni tal-manifattura taż-żewġ komponenti huma simili ħafna.

(36)

Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’dan il-każ, uriet li kellha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE u fuq l-MSF 2002. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-approċċ tal-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward tas-suq relevanti ma kienx appoġġjat miż-żewġ studji indipendenti dwar is-suq (l-istudju ta’ Frost & Sullivan Ltd (“F&S”  (14)) u ta’ AVL List GMBH (“AVL”) (15)), li kienu sottomessi mill-awtoritajiet Ungeriżi.

(37)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji jekk id-DOC u l-DPF jistgħux ikunu kkunsidrati bħala sostituti, li jiffurmaw parti mill-istess suq relevanti tal-prodott tal-apparati tat-trattament ta’ wara, u fil-mument tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq relevanti tal-prodott hu inqas mifrux u jkopri biss sustrati tal-Filtri tal-Partikuli tad-Dijżil li jitwaħħlu fis-sistemi tal-egżost tad-dijżil.

(38)

L-ewwel, il-Kummissjoni nnutat li l-funzjoni ewlenija tad-DPF’s hi li tittratta s-sustanzi partikuli inorganiċi solidi u li ma jinħallux (jiġifieri n-nugrufun), filwaqt li d-DOC għandha l-għan li tnaddaf il-gassijiet perikolużi u l-frazzjoni organika li tinħall (SOF) li tinsab fis-sustanzi partikuli, mingħajr ma tkun kapaċi tiġbor in-nugrufun. Filwaqt li hu minnu li hemm similarità fiż-żewġ funzjonijiet minħabba li d-DPF miksi jittratta wkoll sa ċertu punt gassijiet li jagħmlu ħsara, dan ma jneħħix il-ħtieġa li d-DOC jiġi sseparat mis-sistema għat-trattament tal-gass tal-egżost. Iż-żewġ komponenti għandhom ikomplu jeżistu flimkien u għandhom ikunu installati flimkien fil-perjodu li għandu jkun ikkonsidrat (jiġifieri sal-2008). Għat-teknoloġiji futuri tal-Euro 5-6 id-DOCs għandhom ikomplu jkunu wżati għall-ossidazzjoni tas-CO, tal-HC u tal-SOF. Għalhekk, il-Kummissjoni nnutat li kien jidher li min-naħa tad-domanda ma hemmx sostitwibbiltà, minħabba li dawn huma żewġ apparati separati u li jikkumplimentaw lil xulxin.

(39)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali li, skont wieħed mill-istudji, prodott verament multifunzjonali, li jintegra f’monolit wieħed taċ-ċeramika kemm il-funzjonijiet tad-DOC kif ukoll dawk tad-DPF, ġie introdott dan l-aħħar permezz tal-kumpanija Eberspächer u kien użat fil-Volkswagen Passat. Madankollu, il-Kummissjoni kellha dubju jekk il-prodott tal-IBIDEN HU kienx adattat għal multifunzjonalità kompleta bħal din.

(40)

It-tieni, il-Kummissjoni nnotat li s-sostitwibbiltà fuq in-naħa tal-provvista hija wkoll dubjuża. Ma kienet ipprovduta ebda evidenza konkreta mill-produtturi tas-sustrati għad-DOCs, li huma kapaċi jipproduċu wkoll substrati għad-DPFs bl-istess tagħmir mingħajr spejjeż addizzjonali kbar għall-investiment, jew viċi-versa. Aktar minn hekk, minħabba wkoll li l-prezz tad-DPF hu madwar erba’ darbiet ogħla minn dak tad-DOC hemm dubju dwar kemm jista’ jkun hemm sostitwibbiltà.

(41)

Fl-aħħar, il-Kummissjoni osservat li filwaqt li l-għajnuna tidher li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna nazzjonali reġjonali tal-1998 (16), il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk is-sehem mis-suq tal-benefiċjarju fis-suq relevanti huwiex taħt il-25 % kif mitlub mill-paragrafu 24(a) tal-MSF 2002. L-istudji sottomessi dwar is-suq mill-awtoritajiet Ungeriżi juru li s-sehem f’termini ta’ volum tal-IBIDEN fis-suq tad-DPF fl-Ewropa jaqbeż sostanzjalment il-limitu ta’ 25 % kemm qabel kif ukoll wara l-investiment. Għalhekk il-kondizzjoni skont il-punt 24(a) tal-MSF 2002 ma tkunx rispettata jekk id-DPF ikun meqjus bħala s-suq relevanti. Madankollu, fis-suq ikkombinat tad-DPF u tad-DOC, li hu meqjus mill-awtoritajiet Ungeriżi bħala relevanti, is-sehem mis-suq tal-IBIDEN jibqa’ ta’ inqas minn 25 % mil-lat tal-volum kemm qabel u kemm wara l-investiment

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(42)

Bi tweġiba għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mill-partijiet interessati li ġejjin:

(a)

Il-benefiċjarju tal-għajnuna IBIDEN Hungary Gyártó Kft;

(b)

Aerosol & Particle Technology Laboratory, Thermi-Thessaloniki, il-Greċja, ċentru ta’ riċerka u teknoloġija;

(c)

Saint-Gobain Industrie Keramik Rödental GmbH, Rödental, il-Ġermanja, kompetitur (minn issa ‘l quddiem: Saint-Gobain);

(d)

Parti interessata, li, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (17), talbet lill-Kummissjoni biex iżżomm l-identità tagħha sigrieta.

(43)

L-argumenti li tressqu mill-partijiet interessati msemmija hawn fuq jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

4.1.   Is-suq relevanti tal-prodott skont IBIDEN HU u Aerosol & Particle Technology Laboratory

(44)

Il-benefiċjarju tal-għajnuna IBIDEN HU u l-Aerosol & Particle Technology Laboratory huma favur li jadottaw id-definizzjoni wiesgħa tas-suq, li tkopri l-komponenti kollha (l-aktar id-DOC u d-DPF) fis-sistema tat-trattament tal-egżost tal-vetturi b’magna dijżil. Huma jargumentaw li d-DOC u d-DPF huma simili għal xulxin, minħabba li t-tnejn għandhom l-għan li jtaffu sustanzi perikolużi mill-emissjoni, u għalhekk it-tnejn huma parti mis-suq relevanti.

(45)

Skont din l-opinjoni, kemm id-DOC u d-DPF ikunu meqjusa bħala komponenti tat-tneħħija tal-PM, għalkemm IBIDEN HU jirrikonoxxi li d-DOC mhux effettiv fit-trattament tal-parti li ma tinħallx tal-PM (jiġifieri n-nugrufun). Il-partijiet interessati jargumentaw li minħabba l-fatt li l-prodott tal-IBIDEN HU hu kapaċi jiffiltra l-HC u s-CO b’żieda mal-funzjoni ewlenija tiegħu li jiffiltra n-nugrufun, hu jifforma parti mill-istess suq tad-DOC. Huma dawk li jimmanifatturaw il-karozzi li għandhom jiddeċiedu jekk jibnux il-parti tat-trattament tal-egżost tal-gass permezz ta’ komponenti indipendenti għad-ditossifikazzjoni tas-sustanzi tal-gass li jagħmlu l-ħsara u biex jittrattaw is-sustanzi tal-partikoli jew jużawx il-komponenti multifunzjonali.

(46)

Madankollu, IBIDEN HU fis-sottomissjoni tiegħu jirrikonoxxi li minkejja l-funzjoni addizzjonali tad-DPF tal-IBIDEN HU li jgħin biex jitnaddfu l-gassijiet (HC u CO) b’mod aktar effiċjenti, l-użu kkombinat tad-DPF u d-DOC huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità mar-regolamenti tal-emissjonijiet. DPF ta’ kwalità tajba u żviluppat sew, jista’ jċekken id-daqs u s-sofistikazzjoni tad-DOC li l-manifatturi tal-karozzi jeħtieġu jinstallaw fil-karozzi tagħhom, għaldaqstant, id-DPF għandu impatt enormi fuq id-DOC, u viċi versa, li jfisser li hekk kif apparat wieħed isir aktar sofistikat, l-ieħor irid jikkorrispondi għal dawn it-tibdiliet.

(47)

Kemm IBIDEN HU u l-Aerosol & Particle Technology Laboratory jirreferu għal xejra fl-iżvilupp teknoloġiku tad-DOC u d-DPF li twassal għal ġenerazzjoni ġdida ta’ filtri, li tista’ tinkorpora l-vantaġġi, il-karatteristiċi u t-teknoloġiji preċedenti f’unità waħda, biex b’hekk tikkombina d-DOC u d-DPF fl-istess sustrata monolita (pereżempju, l-Volkswagen diġà introduċiet ir-raba’ ġenerazzjoni tal-komponenti tat-trattament ta’ wara għall-mudell tagħha Passat, fejn tuża DPF wieħed biss u ma tużax DOC). IBIDEN HU madankollu indikat li bħalissa qed tipproduċi DPF tat-“tielet ġenerazzjoni” (18) u twettaq titjib kontinwu tal-prodott sabiex ikun jista’ jiġi konvertit f’DPF tar-“raba’ ġenerazzjoni” li jkun kapaċi jinkorpora bis-sħiħ il-funzjonalitajiet tad-DOC.

(48)

IBIDEN HU indikat ukoll li, minkejja li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tissuġġerixxi l-oppost, fir-realtà il-prezz tal-prodott tal-IBIDEN mhuwiex erba’ darbiet akbar mill-prezz tad-DOC. IBIDEN HU timmanifattura prodott nofsu lest, u għaldaqstant il-prodott finali (id-DPF miksi) huwa ħafna aktar għali mill-prodott nofsu lest tal-IBIDEN HU. L-esperjenza industrijali preżenti turi li l-prezz tas-suq tal-apparat wara l-kisi, l-inkapsulament u l-applikazzjoni tal-matt huwa darbtejn u nofs akbar minn dak tas-sustrat, il-prodott tal-Grupp IBIDEN: pereżempju, fl-2007 il-prezz tas-suq ta’ DPF kien ta’ EUR 453 u l-prezz tas-sustrat (prodott nofsu lest) kien biss ta’ EUR […], filwaqt li l-prezz tas-suq tad-DOC kien ta’ EUR 102 fl-2007 (19).

(49)

Aktar minn hekk, rigward is-sostituzzjoni mil-lat tal-provvista, IBIDEN HU indikat li t-teknoloġiji tal-produzzjoni tad-DOC u d-DPF huma simili ħafna: l-uniċi differenzi ewlenin huma li fil-każ tad-DPF jiżdied proċess tal-ipplakkjar ma’ dak tad-DOC u l-fażi tal-qtugħ hija aktar bikrija minn dik tad-DOC.

(50)

Barra minn hekk, IBIDEN HU tgħid li skont diversi studji, inkluż dokument minn Johnson Matthey Japan, hemm manifatturi li jipproduċu kemm id-DOC kif ukoll id-DPF, u għalhekk id-distinzjoni bejn il-manifatturi tad-DOC u l-manifatturi tad-DPF hija mċajpra.

4.2.   Is-suq relevanti għall-prodott skont Saint-Gobain u l-parti interessata li l-identità tagħha se tinżamm sigrieta

(51)

Tnejn mill-erba’ partijiet interessati – Saint Gobain u l-parti li l-identità tagħha se tinżamm sigrieta – appoġġjaw id-dubji tal-Kummissjoni li ġew espressi fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Skont huma, id-DOC u d-DPF ma jistgħux jitqiesu bħala sostituti u għalhekk ma jappartjenux għall-istess suq relevanti tal-prodott. Għalhekk, huma jargumentaw li f’dan il-każ is-suq tad-DPF waħdu huwa s-suq tal-prodott relevanti. Skont dawn il-partijiet, ir-raġunijiet ewlenin għal dan huma li ġejjin:

4.2.1.   L-ebda sostituzzjoni mil-lat tad-domanda

(52)

Il-partijiet interessati jindikaw li l-karatteristiċi ewlenin tas-sustrati għal DOC u għal DPF huma differenti: Sustrat tad-DOC huwa normalment magħmul minn kordierite mhux poruża li għandha tirreżisti temperaturi ta’ 400 °Ċ jew minn fojl tal-metall inossidabbli. Sustrat tad-DPF huwa ġeneralment magħmul minn karbur tas-silikon poruż li għandu jirreżisti l-1 000 °Ċ (ir-reżistenza għal temperatura hekk għolja hija meħtieġa biex jinħaraq in-nugrufun u jiġi evitat l-imblokk tal-filtru miksi). Għalhekk, minħabba karatteristiċi termali differenti ħafna, il-konsumaturi ma jistgħux jaqilbu mis-sustrati tad-DPF għas-sustrati tad-DOC fil-każ li jogħla l-prezz ta’ xi wieħed miż-żewġ prodotti.

(53)

Skont Saint-Gobain, minħabba li l-materjal użat għas-sustrati tad-DPF huwa materjal ta’ prestazzjoni ogħla, hemm ukoll differenza fil-prezz bejn iż-żewġ komponenti: sustrat (mingħajr l-ispiża tal-kisja katalitika u l-inkapsulament) tad-DPF bħala medja jiswa EUR 120, filwaqt li sustrat tad-DOC bħala medja jiswa bejn EUR 12 – EUR 20 (anke mingħajr l-ispejjeż tal-kisja katalitika u l-inkapsulament). Għalhekk, kif qal Saint-Gobain, il-manifatturi tad-DPF ovvjament ma jistgħux jaqilbu għas-sustrat tad-DOC għal raġunijiet tekniċi (li kieku jagħmlu dan minħabba d-differenza fil-prezz) u produttur tad-DOC ma jissostitwix sustrat tad-DOC b’sustrat tad-DPF għax kieku jikseb prodott ħafna aktar għali mingħajr funzjoni tal-ossidazzjoni paragunabbli mas-sustrat tad-DOC.

(54)

Saint Gobain u l-parti li l-identità tagħha se tinżamm sigrieta jenfasizzaw id-differenzi fl-użu tad-DOC u d-DPF (20): l-għan ewlieni ta’ DOC huwa li jagħmel ossidazzjoni ta’ ċerti gassijiet permezz ta’ reazzjoni kimika, filwaqt li l-funzjoni primarja tad-DPF hija li jiffiltra n-nugrufun permezz ta’ proċess mekkaniku. Filwaqt, li taħt ċerti ċirkostanzi, id-DPF tkopri - bħala effett kollaterali – ftit mill-funzjonalità tad-DOC, l-effett sħiħ tal-ossidazzjoni ma jistax jintlaħaq mingħajr l-istallazzjoni taż-żewġ apparati. Lanqas id-DPF miksi li juża s-sustrati prodotti minn IBIDEN HU m’għandu l-funzjonalità sħiħa tad-DOC, minħabba li jaqdi biss l-iskop li jipprovdi temperatura suffiċjenti biex jinħaraq in-nugrufun, imma m’għandux l-istess effett ta’ purifikazzjoni bħad-DOC li taħdem bis-sħiħ. Huma jindikaw li, skont l-aspettattivi ta’ bosta mill-manifatturi tal-karozzi u fornituri tal-attrezzaturi tal-karozzi, id-DOC u d-DPF jibqgħu apparati separati installati ħdejn xulxin fil-linja tal-gass tal-egżost.

4.2.2.   L-ebda sostituzzjoni mil-lat ta’ provvista

(55)

Barra minn hekk, Saint-Gobain u l-parti li l-identità tagħha se tinżamm sigrieta jindikaw ukoll li l-proċess tal-produzzjoni tas-sustrati tad-DOC u d-DPF huma differenti ħafna: il-kordierite mhux poruża tas-sustrat tad-DOC hija sinterizzata fl-arja f’temperatura ta’ 400 °Ċ. Waqt li l-karbur tas-silikon, il-materjal użat għas-sustrat tad-DOC (li hu wkoll il-materjal tas-sustrat tal-IBIDEN), għandu jiġi ppreparat f’temperatura għolja ħafna (‘il fuq minn 2 000 °Ċ) fl-atmosfera mingħajr ossiġnu. Din id-differenza waħedha fit-temperatura hija tant vitali li wieħed mill-aktar elementi tal-produzzjoni essenzjali u għaljin ma jistax jintuża għaż-żewġ tipi ta’ prodott.

(56)

Aktar minn hekk, is-sustrat tad-DOC huwa dejjem blokk wieħed ta’ xehda f’forma ta’ ċilindru, li l-kanali tiegħu mhumiex ipplakkjati. Sustrat tad-DPF huwa normalment iffurmat billi jitwaħħlu bil-kolla bosta elementi li jiffiltraw, u jiġu pplakkjati l-kanali tad-DPF. Għall-manifattura tas-sustrati tad-DPF, hemm bżonn ta’ fuklar tas-sinterizzar b’temperatura għolja u mingħajr ossidu u tagħmir tal-inkullar u l-ipplakkjar, li mhumiex meħtieġa għall-produzzjoni tas-sustrati tad-DOC. Għalhekk il-partijiet interessati jargumentaw li mhux possibbli li fuq il-linji tal-produzzjoni tad-DOC, jiġu prodotti d-DPF u viċi versa.

5.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET UNGERIŻI

(57)

L-awtoritajiet Ungeriżi jaqblu mal-opinjoni tal-Aerosol & Particle Technology Laboratory u IBIDEN Hungary Gyártó Kft. fir-rigward tal-prodott relevanti, is-suq, il-prezz, u l-ispeċifikazzjonijiet tal-lat tad-domanda u dak tal-provvista.

(58)

Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, il-kontroll modern tal-emissjonijiet tad-dijżil huwa bbażat fuq l-integrazzjoni tal-funzjonalitajiet differenti fil-livell ta’ sistema. L-interdipendenza mill-viċin tas-subunitajiet kollha (bħad-DOC u d-DPF) f’sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tad-dijżil, wasslet biex il-ktajjen tal-provvista li jinvolvu aktar minn parti waħda, jorbtu l-manifatturi tas-sistemi tas-sustrat, tal-kisja u tal-egżost, u l-karatteristiċi tal-prestazzjoni ta’ kull subunità individwali toħloq sfida għall-katina tal-provvista kollha kemm hi. Għalhekk is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tad-dijżil jew is-sistema tat-trattament ta’ wara tad-dijżil għandha tiġi definita bħala l-prodott relevanti.

(59)

Huma jargumentaw ukoll li l-prodott tal-IBIDEN HU hu parti multifunzjonali li tiġi mwaħħla fis-sistema tal-pajp tal-egżost. Il-kombinazzjoni ta’ dan il-prodott u d-DOC toħloq l-apparat tat-trattament ta’ wara tat-tielet ġenerazzjoni. Aktar minn hekk, il-prodott tal-IBIDEN HU huwa prodott nofsu lest minħabba li jkun għad irid jinkesa f’livell ieħor. Mingħajr il-kisja l-prodott ma jistax jaħdem sew u ma jistax jiġi kklassifikat bħala prodott lest fit-termini tad-DPF tat-tielet ġenerazzjoni. Dan huwa appoġjat ukoll mill-fatt li l-prodott finali huwa ħafna aktar għali mill-prodott nofsu lest tal-IBIDEN HU: fil-preżent il-prezz tas-suq tal-apparat lest huwa darbtejn u nofs akbar minn dak tal-filtri prodotti minn IBIDEN HU.

(60)

Aktar minn hekk, l-awtoritajiet Ungeriżi jindikaw li, fil-prattika, d-DPFs huma installati fil-parti l-kbira tal-karozzi dijżil, u l-manifatturi li għandhom bżonn id-DOC jkollhom bżonn ukoll id-DPF. Id-domanda toħloq suq komuni għal dawn il-prodotti, minħabba li l-istess manifatturi jużaw l-istess metodi, infrastruttura u sforzi biex jiksbu l-prodotti. Mil-lat tal-provvista, il-manifatturi tad-DOC u d-DPF normalment jużaw l-istess proċessi ta’ manifattura, teknoloġija u materjali tal-produzzjoni. F’termini ta’ materjal, kemm id-DOCs kif ukoll id-DPFs jużaw il-kordierite. Fil-produzzjoni huma jgħaddu mill-istess proċessi, bħat-tħejjija tal-materjal, it-taħlita, l-ittemprar, u l-iffurmar, it-tnixxif, it-tlestija u l-għoti tan-nar. Id-differenzi uniċi bejn il-proċess tal-produzzjoni taż-żewġ prodotti huma stadju addizzjonali (l-ipplakkjar) u r-riskedament ta’ stadju ieħor (il-qtugħ). Għalhekk, l-istess manifatturi se jkunu involuti fil-provvista, u d-DOC u d-DPF jikkompetu ma’ xulxin fis-suq tat-trattament ta’ wara tal-gass tal-egżost.

(61)

L-awtoritajiet Ungeriżi jenfasizzaw li IBIDEN HU hi kapaċi tipproduċi sustrati għall-filtri tal-partikuli bl-istess tagħmir mingħajr investiment sinjifikanti, kif jista’ jagħmel kull manifattur bl-istess teknoloġija tal-produzzjoni. Minħabba li d-DPF huwa forma tad-DOC żviluppat, l-ispiża tal-modifika mhix investiment inizjali f’linja oħra ta’ produzzjoni, imma żvilupp essenzjali tal-assi tal-produzzjoni.

(62)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ungeriżi jindikaw li wieħed jista’ jara tendenza ċara fl-iżvilupp teknoloġiku tad-DOC u d-DPF, li qed twassal għal ġenerazzjoni ġdida ta’ filtri li tista’ tinkorpora l-vantaġġi, il-karatteristiċi u t-teknoloġiji preċedenti f’unità waħda, u għalhekk tikkombina d-DOC u d-DPF. Meta wieħed jiddefinixxi s-suq relevanti u jikkalkula s-sehem mis-suq, għandu jiġi kkunsidrat ukoll id-DOC għax jikkostitwixxi apparat kombinat tat-trattament ta’ wara mad-DPF, u flimkien huma jiżguraw konformità mar-regolamenti.

(63)

Fid-dawl tal-argumenti t’hawn fuq, l-awtoritajiet Ungeriżi jikkunsidraw li l-unika definizzjoni soda tas-suq relevanti huwa s-suq sħiħ tal-apparati tat-trattament ta’ wara tad-dijżil, bl-inklużjoni kemm tad-DPF u tad-DOC. Skont l-istudju mħejji minn kumpanija indipendenti tar-riċerka dwar is-suq AVL, is-sehem mis-suq tal-IBIDEN fis-suq tal-apparati tat-trattament ta’ wara tad-dijżil jibqa’ taħt il-25 % kemm qabel kif ukoll wara l-investiment, għalhekk, jissodisfa l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 24(a) tal-MSF 2002. Għalhekk, l-awtoritajiet Ungeriżi jikkonsidraw li l-Kummissjoni għandha ttemm il-proċedura tal-Artikolu 88(2) b’deċiżjoni pożittiva.

6.   EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

6.1.   L-eżistena tal-għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(64)

Fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-appoġġ finanzjarju li ngħata mill-awtoritajiet Ungeriżi lil IBIDEN Hungary Gyártó Kft. fuq il-bażi tal-iskemi eżistenti tal-għajnuna reġjonali (HU 1/2003 “Skema Immirata għall-Promozzjoni tal-Investiment” u N 504/2004 “Benefiċċju mit-Taxxa tal-Iżvilupp”) fil-forma ta’ għotja u kreditu tat-taxxa jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. L-awtoritajiet Ungeriżi ma kkontestawx dik il-konklużjoni.

6.2.   Ir-rekwiżit ta’ notifika, il-legalità tal-għajnuna u l-liġi applikabbli

(65)

Permezz tan-notifika tal-miżura fl-2006, l-awtoritajiet Ungeriżi kkonformaw mar-rekwiżit tan-notifika individwali tal-paragrafu 24 tal-MSF 2002.

(66)

Skont il-paragrafu 63 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali għall-2007-2013 (21), il-Kummissjoni evalwat il-miżura ta’ għajnuna skont id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali 1998 (minn issa ‘l quddiem: RAG) u l-MSF 2002.

6.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna mar-RAG

(67)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni indikat li l-għajnuna tingħata b’konformità mal-iskemi eżistenti tal-għajnuna reġjonali (22) u kkonkludiet li l-kriterji standard tal-kompatibbiltà stipulati fl-RAG (bħall-kriterji tal-kompatibbiltà li jikkonċernaw l-investiment tal-bidu fir-reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali, spejjeż eliġibbli, kontribuzzjoni proprja, effett ta’ inċentiva, żamma tal-investiment, kumulu) huma rispettati.

6.4.   Kompatibbiltà tal-għajnuna mad-dispożizzjonijiet tal-MSF

6.4.1.   Proġett uniku ta’ investiment

(68)

Il-paragrafu 49 tal-MSF 2002 jgħid li proġett ta’ investiment m’għandux ikun artifiċjalment maqsum f’sottoproġetti sabiex jaħrab mid-dispożizzjonijiet tal-qafas. “Proġett uniku ta’ investiment” jinkludi l-investimenti fissi kollha fuq sit ta’ produzzjoni fuq perjodu ta’ tliet snin. (23) Sit tal-produzzjoni huwa serje ekonomika indiviżibbli ta’ elementi ta’ kapital fiss li tissodisfa funzjoni teknika preċiża, marbuta permezz ta’ rabta fiżika jew funzjonali, u li għandha miri ċari, bħall-produzzjoni ta’ prodott definit.

(69)

Minħabba li IBIDEN HU diġà rċeviet għajnuna mill-Istat fl-imgħoddi għall-ewwel fażi tal-proġett ta’ investiment fl-istess post u li n-notifika tirreferi għat-tieni fażi tal-proġett ta’ investiment, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk dawn iż-żewġ fażijiet jiffurmawx parti mill-istess proġett uniku ta’ investiment.

(70)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li ż-żewġ fażijiet ta’ investiment għandhom x’jaqsmu mal-istess sit tal-produzzjoni (il-Park Industrijali Dunavarsány, ir-reġjun tal-Ungerija Ċentrali), l-istess kumpanija (IBIDEN HU), l-istess prodott (sustrati taċ-ċeramika għall-Filtri tal-Partikuli tad-Dijżil) u l-bidu tax-xogħlijiet ta’ kull proġett bdew fi żmien perjodu ta’ tliet snin (l-ewwel fażi bdiet fl-2004, filwaqt li t-tieni fażi bdiet fl-2005). Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonsidra li l-kriterji tad-definizzjoni ta’ “sit tal-produzzjoni” fil-paragrafu 49 tal-MSF 2002 huma ssodisfati u li ż-żewġ fażijiet tal-investiment jiffurmaw parti mill-istess proġett uniku ta’ investiment.

(71)

Aktar minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Ungeriżi jaqblu li ż-żewġ fażijiet tal-investiment min-naħa ta’ IBIDEN HU fil-Park Industrijali ta’ Dunavarsány għandhom jiġu kkunsidrat bħala proġett uniku ta’ investiment.

6.4.2.   L-intensità tal-għajnuna

(72)

Minħabba li l-ewwel u t-tieni fażi tal-investiment huma meqjusa li jiffurmaw proġett uniku ta’ investiment, huma jiġu kkunsidrati t-tnejn biex tiġi kkalkulata l-intensità massima tal-għajnuna għall-proġett.

(73)

Minħabba li l-ispiża eliġibbli ppjanata fil-valur preżenti hija ta’ HUF 41 953 072 670 (EUR 168,30 miljun) u l-istandard applikabbli tal-limitu tal-għajnuna reġjonali huwa ta’ 40 % (NGE), l-intensità massima tal-għajnuna aġġustata fl-NGE li tirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ riduzzjoni tal-paragrafi 21 u 22 tal-MSF huwa ta’ 23,34 %.

(74)

Minħabba li l-intensità tal-għajnuna tal-proġett huwa ta’ 22,44 % NGE u għalhekk hija taħt l-intensità massima tal-għajnuna skont il-mekkaniżmu ta’ riduzzjoni (23,34 % NGE), l-intensità proposta tal-pakkett globali tikkonforma mal-limitu aġġustat tal-għajnuna reġjonali.

6.4.3.   Kompatibbiltà mar-regoli skont il-paragrafi 24(a) u (b) tal-MSF 2002

(75)

Minħabba li l-ammont totali tal-investiment ta’ HUF 9 793 809 933 (EUR 39,29 miljun) fil-valur preżenti jaqbeż il-limitu ta’ notifika individwali ta’ EUR 30 miljun, trid tiġi eżaminata l-konformità tal-għajnuna nnotifikata mal-paragrafi 24(a) u (b) tal-MSF 2002.

(76)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippermetti għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment li jaqgħu taħt il-paragrafu 24 tal-MSF 2002 tiddependi fuq is-sehem mis-suq tal-benefiċjarju qabel u wara l-investiment u fuq il-kapaċità kkreata mill-investiment. Sabiex isiru t-testijiet relevanti skont il-paragrafi 24(a) u (b) tal-MSF 2002, il-Kummissjoni l-ewwel trid tidentifika l-prodott(i) kkonċernat(i) mill-investiment u tiddefinixxi l-prodott relevanti u s-swieq ġeografiċi.

6.4.3.1.   Il-prodott ikkonċernat mill-proġett ta’ investiment

(77)

Skont il-paragrafu 25 tal-MSF 2002, “prodott ikkonċernat” ifisser li l-prodott maħsub mill-proġett ta’ investiment u, fejn hu xieraq, is-sostituti tiegħu magħrufa bħala tali, jew mill-konsumatur (minħabba l-karatteristiċi tal-prodott, il-prezzijiet u l-użu intenzjonat) jew mill-produttur (permezz ta’ flessibblità tal-istallazzjonijiet tal-produzzjoni). Meta l-prodott jikkonċerna prodott intermedjarju u parti sinjifikanti minn dak li hu prodott mhuwiex mibjugħ fis-suq, il-prodott ikkonċernat ikun meqjus li jinkludi l-prodotti downstream.

(78)

Il-proġett innotifikat għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ “sustrati taċ-ċeramika għal-filters tal-partikuli tad-dijżil” (“DPF”). Id-DPF huwa parti ta’ karozza, li tiddaħħal fis-sistema tat-trattament tal-gass tal-egżst tal-magni tal-karozzi dijżil u li tnaddaf il-gass tal-egżost iġġenerat mill-kombustjoni (24) tal-magna.

(79)

Il-parti taċ-ċeramika, li hija prodotta minn IBIDEN HU, hija prodott intermedju. Wara li tiġi mmanifatturata fil-fabbrika (TIER 3), tinbigħ taħt kundizzjonijiet tas-suq permezz ta’ IBIDEN Deutschland GmbH (25) lil kumpaniji indipendenti (il-konsumaturi prinċipali huma […], […] u […]), li jagħtu l-kisja tal-metall prezzjuż tas-sustrat, u għalhekk id-DPF isir DPF miksi (TIER 2). Id-DPFs miksija mbagħad jinbiegħu lill-produtturi tal-manifold (TIER 1), li huma l-fornituri diretti tal-fabbriki li jimmontaw il-karozzi. Dawk li fl-aħħar jużaw is-sustrati taċ-ċeramika huma l-karozzi dijżil tal-passiġġieri u t-trakkijiet iż-żgħar.

(80)

L-ebda prodott ieħor fuq is-suq għall-bejgħ jew għall-użu mill-impjanti tal-Grupp IBIDEN mhuwa se jirriżulta mill-proġett ta’ investiment. L-awtoritajiet Ungeriżi jikkonfermaw li l-ebda prodott ieħor għajr dawk innotifikati u evalwati mhu se jkun immanifatturat fil-faċilità megħjuna għal ħames snin wara tmiem il-proġett/il-produzzjoni sħiħa.

(81)

Wara dan t’hawn fuq, il-Kummissjoni se tikkunsidra s-sustrat taċ-ċeramika għad-DPF, li hija installata fil-karozzi dijżil tal-passiġġieri u t-trakkijiet iż-żgħar bħala l-prodott maħsub mill-proġett ta’ investiment.

6.4.3.2.   Is-swieq tal-prodott relevanti u ġeografiċi

(82)

Id-definizzjoni tas-suq tal-prodott relevanti tirrikjedi l-eżami ta’ liema huma l-prodotti l-oħra li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala sostituti għall-prodott maħsub mill-proġett ta’ investiment skont it-tifisra tal-paragrafu 52 tal-MSF 2002. F’dan ir-rigward, u wara li kkunsidrat il-kummenti mill-partijiet interessati mill-awtoritajiet Ungeriżi, il-Kummissjoni rat liema huma l-prodotti li jistgħu jitqiesu bħala sostituti għad-DPF. Ġabra fil-qosor ta’ din l-analiżi qed tiġi ppreżentata hawn taħt.

(1)   Ħarsa ġenerali tas-sistema għat-trattament tal-gass tal-egżost

(83)

It-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa qasam kumpless b’bosta interazzjonijiet bejn teknoloġiji, l-impatt fuq l-ekonomija tal-fjuwil, il-prestazzjoni waqt is-sewqan, id-durabbiltà u l-ispejjeż. Il-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jistgħu jinqasmu f’żewġ oqsma ewlenin:

(a)

żviluppi tas-sistema tal-kombustjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li joħorġu mill-magna; u

(b)

teknoloġiji tal-kontroll tal-emissjonijiet li jużaw “trattamenti ta’ wara” tal-gass tal-egżost tal-magni (dan tal-aħħar biss huwa relevanti għal dan il-każ).

(84)

Il-gass tal-egżost tal-magni dijżil fih sustanzi perikolużi: ammonti sinjifikanti ta’ sustanzi tal-partikuli (“PM”, bħan-nugrufun u “Frazzjonijiet Organiċi li Jinħallu (“SOF”)” (26)), u gassijiet perikolużi (bħall-idrokarburi (“HC”), ossidi tal-karbonju (“COx”), ossidi tan-nitroġenu (“NOx”)). Dan il-materjal huwa trattat permezz tas-sistema tat-trattament tal-gass tal-egżost installata fil-vetturi.

(85)

Għaldaqstant, hemm ċerti komponenti fi ħdan is-sistema li jnaddfu s-sustanzi perikolużi. B’mod ġenerali, dawn jistgħu ikunu apparati: (1) li jnaddfu l-komponenti tal-gass u (2) li jnaddfu s-sustanzi partikuli (li jinkludu n-nugrufun). Iż-żewġ apparati tat-trattament ta’ wara tal-emissjonijiet li ġejjin, li huma relevanti għall-każ preżenti, huma użati fil-karozzi dijżil tal-passiġġieri u t-trakkijiet iż-żgħar:

(a)

“DOC” – Katalizzatur tal-Ossidazzjoni tad-Dijżil, li huwa maħsub li jissoprimi l-gassijiet perikolużi (l-aktar l-idrokarburi (“HC”), ossidi tal-karbonju (“COx”)) u, bħala effett kollaterali, jelimina sa ċertu punt l-SOF (frazzjoni organika li tinħall ta’ sustanza partikula), imma li ma jistax jitratta n-nugrufun. Id-DOC, similarment għad-DPF, huwa magħmul minn sustrat ta’ ġewwieni solidu minn fejn jiġu kkanalizzati il-gassijiet. Meta jkunu għaddejjin minn dawn il-kanali, il-gassijiet tal-egżost jidħlu f’reazzjoni kimika mal-katalizzaturi (platinu u palladju) iddepożitati mal-ħitan tas-sustrat. Sa mis-sena 2000 id-DOCs qed jiġu introdotti prattikament f’kull mudell ta’ karozza dijżil fiż-ŻEE sabiex ikunu konformi ma’ normi aktar iebsa fuq l-emissjonijiet, fir-rigward tal-limiti ta’ gassijiet dannużi fl-emissjonijiet.

(b)

“DPF” – Filtru tal-Partikuli tad-Dijżil, li hu maħsub sabiex iżomm il-frazzjonijiet tal-materja partikula li ma tinħallx, jiġifieri n-nugrufun. Dan isir permezz ta’ filtraġġ mekkaniku. Il-gass tal-egżost jgħaddi mill-kanali tal-istruttura f’forma ta’ xehda tad-DPF u jkun sfurzat biex jgħaddi mill-ħitan peress li l-kanali jkunu pplakkjati alternattivament. Is-sustrat iservi bħala filtru u n-nugrufun jiġi ddepożitat fuq il-ħitan tagħha. Madankollu, id-DPF tispiċċa mifqugħa bin-nugrufun u sabiex tibqa’ taħdem in-nugrufun irid jiġi eliminati billi jinħaraq (riġenerazzjoni tal-filtru).

(86)

L-ewwel li dehru d-DPFs kien f’serje ta’ produzzjoni fis-sena 2000 fil-karozza dijżil il-Peugeot 607 u sallum saru aktar u aktar mifruxa, bi tkabbir tremend matul l-aħħar 3-4 snin. Dan it-tkabbir hu dovut in parti għall-inċentivi tat-taxxi offruti fuq il-vetturi dijżil armati bid-DPF f’diversi pajjiżi, in parti minħabba l-approċċ ta’ kuxjenza ambjentali min-naħa tal-konsumaturi, u anke minħabba l-antiċipazzjoni ta’ normi aktar ebsin fuq l-emissjonijiet, notevolment fir-rigward tal-limiti tal-PM (fiż-ŻEE it-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa regolat permezz tal-istandards tal-emissjonijiet “Euro”). Huwa mistenni li qabel tidħol fis-seħħ l-Euro 5 (27) fl-2009, sehem li dejjem qed jikber mill-karozzi dijżil se jkunu diġà armati bid-DPF. Din ix-xejra se tiżgura espansjoni ulterjuri tas-suq għad-DPFs fis-snin li ġejjin.

(87)

Tipi differenti tad-DPFs jistgħu jiġu magħrufa minn xulxin fuq il-bażi tal-materjal tal-filtru (pereżempju, ċeramika, kordierite jew metall) u l-istrateġija tar-riġenerazzjoni tal-filtru. Ir-riġenerazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġu eliminati (jiġifieri jinħarqu) il-partiċelli li jkunu nġabru. Fil-prattika dan isir jew permezz ta’ adittiv imħallat mal-fjuwil li jbaxxi t-temperatura tal-ossidazzjoni (dan tal-aħħar hu magħruf bħala “DPF mhux miksi b’katalizzatur li jinġarr bil-fjuwil”) jew permezz ta’ metall prezzjuż li jiksi l-ħitan tas-sustrat li jgħin fil-proċess tal-ħruq (dan tal-aħħar hu magħruf bħala “DPF miksi” jew bħala “DPF imxappap ikkatalizzat”).

(88)

Minħabba l-kisja tal-metall prezzjuż, dan it-tip ta’ DPF miksi jitratta wkoll, sa ċertu punt, il-gassijiet HC u CO permezz ta’ proċess kimiku ta’ ossidazzjoni. Il-prodott tal-IBIDEN HU jappartjeni għal din il-kategorija. Huwa sustrat taċ-ċeramika li huwa sussegwentement miksi f’TIER 2, u mbagħad jiġi integrat fis-sistema manifold tal-egżost f’TIER 1.

(2)   Id-definizzjoni tas-suq relevanti tal-prodott wara l-kummenti tal-partijiet interessati u l-awtoritajiet Ungeriżi

(89)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet diversi dubji, li ġew miġbura fil-qosor hawn fuq, dwar jekk id-DOC u d-DPF jistgħux jiġu meqjusa bħala sostituti, li jappartjenu għall-istess suq relevanti tal-prodott.

(90)

Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-argumenti li tressqu mill-benefiċjarju tal-għajnuna IBIDEN HU, il-parti interessata Aerosol & Particle Technology Laboratory u mill-awtoritajiet Ungeriżi ma jneħħux id-dubji inizjali tal-Kummissjoni, li kienu kkonfermati bil-kummenti ta’ Saint-Gobain u l-parti interessata li l-identità tagħha se tinżamm sigrieta. B’mod partikolari l-Kummissjoni tosserva dan li ġej:

(91)

Is-sustrati tad-DPF u d-DOC ma jappartjenux għall-istess suq relevanti tal-prodott minħabba li l-karatteristiċi tal-prodott huma differenti, u li bħala konsegwenza m’hemmx sostituzzjoni bejn iż-żewġ prodotti la min-naħa tad-domanda u lanqas min-naħa tal-provvista.

(92)

Mill-perspettiva tan-naħa tad-domanda, il-Kummissjoni tosserva li hemm differenzi sinjifikanti fil-karatteristiċi tal-prodott, l-użu maħsub u l-prezz bejn is-sustrati tad-DPF u s-sustrati tad-DOC.

(a)

Kif muri mill-partijiet interessati, is-sustrati tad-DOC huma magħmula fil-biċċa l-kbira minn kordierite mhux poruża. Il-materjal użat għas-sustrat tad-DOC għandu jirreżisti temperatura interna ta’ madwar 400 °Ċ preżenti ġod-DOC. Il-materjal ta’ referenza użat għas-sustrati tad-DPF huwa l-karbur tas-silikon. Is-sustrat tad-DPF għandu jkun poruz sabiex tiżgura l-filtrazzjoni tan-nugrufun. Minħabba r-riġenerazzjoni meħtieġa tad-DPF, is-sustrat għandu jkun magħmul minn materjal li jirreżisti temperaturi għoljin ħafna (madwar 1 000 °Ċ fil-każ ta’ DPF miksi) u għal xokkijiet termali ripetuti. Għalhekk, minħabba karatteristiċi termali differenti, il-klijenti ma jistgħux jaqilbu mis-sustrati tad-DPF għas-sustrati tad-DOC fil-każ li jogħla l-prezz ta’ xi wieħed miż-żewġ prodotti.

(b)

F’dak li jirrigwarda l-prezz, il-Kummissjoni taqbel mal-fehma ta’ Saint-Gobain u l-parti interessata li l-identità tagħha se tinżamm sigrieta f’dan ir-rigward u tosserva li hemm differenza kbira fil-prezz bejn iż-żewġ sustrati tad-DOC u d-DPF, peress li l-materjali użati għas-sustrati għad-DPF huma materjali ta’ prestazzjoni ogħla li l-produzzjoni tagħhom tinvolvi spejjeż akbar (pereżempju, huwa rikjest l-użu ta’ fuklar tas-sinterizzar b’temperatura għolja u mingħajr ossidu). Skont is-sottomissjoni mill-partijiet interessati, il-prezz medju ta’ kull unità tas-sustrat tad-DPF ivarja bejn EUR 120-180 (mingħajr l-ispejjeż tal-kisja katalitika u tal-inkapsulament), filwaqt li l-prezz tas-sustrat għad-DOC ivarja bejn EUR 12 u EUR 20 (ukoll mingħajr l-ispiża tal-kisja katalitika u l-ispiża tal-inkapsulament). Differenza bħal din fil-prezz tindika li s-sustrati tad-DPF ma jappartjenux għall-istess suq ta’ sustrati għad-DOC, għaliex il-produtturi tad-DPF TIER 2 ma jistgħux jaqilbu għax-xiri tas-sustrat tad-DOC għal raġunijiet tekniċi (kieku kienu jagħmlu hekk minħabba d-differenza kbira fil-prezz) u produttur tad-DOC ma jissostitwix sustrat tad-DOC b’sustrat tad-DPF għax ikun qed jieħu prodott aktar għali mingħajr funzjoni ta’ ossidazzjoni komparabbli mas-sustrat tad-DOC.

(ċ)

F’dak li jirrigwarda l-użu maħsub, fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni tosserva li l-iskop primarju tad-DOC huwa li, permezz ta’ reazzjoni kimika, jossida ċerti gasssijiet li hemm fl-egżost tad-dijżil f’sustanzi li jagħmlu anqas ħsara. Il-funzjoni primarja tad-DPF hija li jiffiltra n-nugrufun permezz ta’ proċess mekkaniku ta’ filtrazzjoni. Filwaqt, li taħt ċerti ċirkostanzi, d-DPF tkopri - bħala effett kollaterali - ftit mill-funzjonalità tad-DOC, l-effett sħiħ tal-ossidazzjoni ma jistax jintlaħaq mingħajr l-istallazzjoni taż-żewġ apparati. Barra minn hekk, l-apparat DOC ma jaqdi l-ebda funzjoni ta’ DPF, għax ma jiffiltrax in-nugrufun. Skont l-aspettativi tal-manifatturi tal-karozzi u l-fornituri tal-attrezzaturi tal-karozzi, id-DOC u d-DPF jibqgħu apparati separati installati wieħed ħdejn l-ieħor fil-linja tal-gass tal-egżost (28).

(d)

L-ossidazzjoni li ssir mill-katalizzaturi tas-sustrat tad-DPF tal-IBIDEN HU isservi għall-għan li tipprovdi temperaturi suffiċjenti għall-ħruq tan-nugrufun, imma m’għandhiex l-istess effetti ta’ purifikazzjoni bħal DOC li jiffunzjona kollu. Bħal ma ntwera fis-sottomissjonijiet mill-partijiet interessati, l-hekk imsejjaħ prodott multifunzjonali tal-IBIDEN HU ma jeliminax il-ħtieġa ta’ DOC separat fis-sistema tat-trattament tal-gass tal-egżost. L-awtoritajiet Ungeriżi u l-benefiċjarju tal-għajnuna jammettu wkoll li, minħabba l-leġiżlazzjoni preżenti, l-hekk imsejjaħ prodott multifunzjonali tal-IBIDEN HU xorta jrid jiġi stallat flimkien mad-DOC.

(e)

Il-Kummissjoni tosserva li t-twemmin espress minn IBIDEN HU u l-awtoritajiet Ungeriżi rigward it-tendenza biex tiġi użata soluzzjoni kombinata waħda (ta’ DOC u DPF) tista’ tirrifletti t-tendenza futura tat-teknoloġiji tal-kontroll tal-emissjonijiet, madankollu, ma tirriflettix is-sitwazzjoni preżenti, li hija suġġetta għall-analiżi tal-Kummissjoni. Għalhekk kemm id-DPF u d-DOC se jibqgħu jeżistu flimkien u jiġu stallati flimkien fil-perjodu li għandu jiġi kkunsidrat (mill-2003 sal-2008 jiġifieri sena qabel il-bidu u sena wara t-tlestija tal-proġett ta’ investiment). Kif muri mill-istimi tad-dejta tas-suq f’wieħed mill-istudji, id-DOCs jibqgħu l-aktar komponenti tal-kontroll tal-emissjonijiet li qed jiġu stallati fil-karozzi dijżil kollha matul il-perjodu kkonċernat. L-istudju jikkonferma wkoll li għat-teknoloġiji futuri tal-Euro 5 u Euro 6 id-DOCs għandhom ikomplu jkunu użati għall-ossidazzjoni tas-CO, tal-HC u tal-SOF.

(f)

Barra minn dan, il-Kummissjoni tosserva li l-istudju tas-suq ta’ Frost & Sullivan, li hija industrija indipendenti tal-konsulenza u r-riċerka, janalizza d-DPF biss bħala prodott indipendenti li jitratta l-materja partikula u ma jirrefereix għad-DOC.

(93)

Aktar minn hekk, mill-perspettiva tal-fornituri, hemm differenzi fil-proċess tal-produzzjoni tas-sustrati tad-DOC u d-DPF. Minħabba li s-sustrat tad-DPF għandu jkollu reżistenza għal temperatura għolja, il-materjal (fil-maġġor parti karbur tas-silikon) għandu jiġi ppreparat f’temperaturi għoljin ħafna u f’atmosfera mingħajr ossiġnu. Il-kordierite li tintuża fil-biċċa l-kbira għas-sustrat tad-DOC hija sinterizzata fl-arja f’temperatura ħafna aktar baxxa. Aktar minn hekk, is-sustrat tad-DOC huwa blokk wieħed ta’ ċilindru tax-xehda filwaqt li s-sustrat tad-DPF huwa ffurmat permezz tal-inkullar ta’ diversi elementi tal-filtrazzjoni u l-kanali tad-DPF huma pplakkjati, li mhix l-istess għad-DOC. Wieħed għalhekk jista’ jiddeduċi li l-produzzjoni tad-DPF teħtieġ fuklar tas-sinterizzar b’temperatura għolja u mingħajr ossidu, sistema tal-inkullar u makni tal-ipplakkjar u li dan it-tagħmir mhux meħtieġ għall-produzzjoni tas-sustrat tad-DOC. Għalhekk jidher li mhux possibbli li wieħed jipproduċi s-sustrat tad-DPF u d-DOC fuq l-istess linji tal-produzzjoni mingħajr spejjeż addizjonali sinjifikanti.

(94)

Fir-rigward tal-argument imressaq minn IBIDEN HU u l-awtoritajiet Ungeriżi li hemm manifatturi li jipproduċu kemm id-DOC u d-DPF u li d-distinzjoni bejn il-manifatturi tad-DOC u l-manifatturi tad-DPF hija għalhekk mċajpra, il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk l-istess manifattur jistax jipproduċi ż-żewġ prodotti jew le, m’huwiex relevanti. Dak li hu relevanti huwa jekk l-istess tagħmir jistax jintuza għall-produzzjoni taż-żewġ sustrati mingħajr spejjeż addizzjonali sinjifikanti. Dan ma ntweriex mill-partijiet interessati u mill-awtoritajiet Ungeriżi. Notevolment, ma kienet ipprovduta ebda evidenza konkreta tal-produtturi tas-sustrati tad-DOCs, li huma kapaċi jipproduċu wkoll sustrati għad-DPFs bl-istess tagħmir mingħajr spejjeż addizzjonali għall-investiment kbar, jew viċi-versa.

(95)

Fid-dawl tal-argumenti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li minkejja li d-DOC u d-DPF jappartjenu, flimkien ma’ komponenti oħra (pereżempju, Lean NOx Trap, li l-iskop tiegħu huwa li jnaqqas in-NOx mill-gass tal-egżost) għas-sistema tal-kontroll tal-emissjonijiet tad-dijżil/it-trattament ta’ wara tal-karozzi dijżil tal-passiġġieri jew tat-trakkijiet iż-żgħar, is-sempliċi fatt li jeżistu maġenb xulxin fl-istess linja tal-egżost jew li jinfluwenzaw l-iżvilupp ta’ xulxin ma jagħmilhomx sostituti mil-lenti tal-lat tad-domanda u/jew tal-lat tal-provvista, minħabba li huma żewġ komponenti b’karatteristiċi, prezzijiet u użi maħsuba differenti. Aktar minn hekk, fir-rigward tas-sostitwibbiltà mil-lat tal-provvista, hemm differenzi fil-proċess tal-produzzjoni tas-sustrati tad-DOC u tad-DPF, li jwasslu għall-konklużjoni li m’hemm ebda sostitwibbiltà bejn is-sustrati tad-DOC u s-sustrati tad-DFP mil-lat tal-provvista.

(96)

Fuq il-bażi ta’ dan t’hawn fuq u għall-iskop ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-suq relevanti tal-prodott ikopri biss is-sustrati tal-Filtri tal-Partikuli tad-Dijżil li jiġu mwaħħla fis-sistemi tal-egżost tal-karozzi dijżil tal-passiġġieri u tat-trakkijiet iż-żgħar.

(3)   Is-suq relevanti ġeografiku

(97)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq relevanti ġeografiku għandu jkun ikopri ż-ŻEE kollha minħabba d-differenzi fir-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet u l-istandards tal-kwalità tal-fjuwil mqabbla ma’ pajjiżi terzi u s-sehem iżgħar ta’ karozzi dijżil fi swieq kbar oħrajn tal-karozzi (29). Fil-preżent d-domanda għal apparati tat-trattament ta’ wara tidher li hi baxxa ħafna għat-trakkijiet dijżil iż-żgħar fi swieq oħra barra ż-ŻEE. Bl-iżvilupp ta’ aktar apparati tat-trattament ta’ wara għall-vetturi dijżil, li mbagħad ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet tal-gass tal-egżost f’uħud mill-pajjiżi terzi, is-suq għall-apparati tat-trattament ta’ wara mistenni jespandi ġeografikament wara l-2008 biss.

(98)

L-ebda waħda mill-partijiet interessati jew l-awtoritajiet Ungeriżi ma kkonstestaw din il-konklużjoni. Fuq il-bażi ta’ dan t’hawn fuq u għall-iskop ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-suq relevanti ġeografiku għad-DPF ikopri ż-ŻEE kollha.

6.4.3.3.   Sehem mis-suq

(99)

Skont il-paragrafu 24(a) tal-MSF 2002, proġett ta’ investiment innotifikat individwalment ma jkunx eliġibbli għal għajnuna għall-investiment jekk il-bejgħ tal-benefiċjarju tal-għajnuna jkun jammonta għal aktar minn 25 % tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat qabel l-investiment jew ikun se jammonta għal aktar minn 25 % wara l-investiment.

(100)

Sabiex jiġi eżaminat jekk dan il-proġett huwiex kompatibbli mal-paragrafu 24(a) tal-MSF 2002, irid jiġi analizzat is-sehem mis-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-livell ta’ grupp qabel u wara l-investiment. Minħabba li l-investiment tal-IBIDEN HU beda fl-2004 u l-produzzjoni ta’ kapaċità sħiħa ta’ 2,4 miljun unità kull sena kienet mistennija tintlaħaq li fl-2007, il-Kummissjoni eżaminat l-ishma mis-suq fl-2003 u l-2008.

(101)

L-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw li m’hemm ebda impriżi konġunti u arranġamenti fit-tul ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn IBIDEN u kumpaniji oħra fit-taqsima taċ-ċeramika.

(102)

L-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew dejta tas-suq mis-sorsi li ġejjin: Frost & Sullivan Ltd. u AVL List GmbH. L-ishma mis-suq tal-Grupp IBIDEN fis-suq tad-DPF qabel il-bidu u wara t-tlestija tal-proġett f’termini ta’ volumi għall-Ewropa qed jingħataw f’Tabella III hawn taħt.

Tabella III

Is-sehem mis-suq tal-IBIDEN fil-livell ta’ grupp fl-Ewropa

(Dejta f’unitajiet)

 

2003

2008

Bejgħ mill-grupp IBIDEN

(…)

(…)

Is-suq totali tad-DPF

702 000

6 340 000

Sehem mis-suq tad-DPF

[…] %

[…] %

Sors: Frost & Sullivan Ltd ().

(103)

L-istudji sottomessi mill-awtoritajiet Ungeriżi juru li s-sehem mis-suq ta’ IBIDEN fil-livell ta’ grupp fis-suq tad-DPF qabel u wara l-investiment jammonta għal […] %- […] % fl-Ewropa f’termini ta’ volum (31) u għalhekk jaqbeż sostanzjalment il-limitu ta’ 25 % (32). Għalhekk il-kundizzjoni fil-paragrafu 24(a) tal-MSF 2002 mhix rispettata.

6.4.3.4.   Iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni/it-test tas-suq li qed jikber

(104)

Il-paragrafu 24 tal-MSF 2002 jipprovdi li proġetti notifikabbli individwalment ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment jekk xi waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 24 ma tkunx sosdisfatta. Minkejja li, kif indikat hawn fuq, il-kundizzjoni fil-paragrafu 24(a) tal-MSF 2002 mhijiex rispettata, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk il-proġett ta’ investiment huwiex konformi ma’ kundizzjoni oħra stipulata fil-paragrafu 24(b) tal-MSF 2002. Skont il-paragrafu 24(b) tal-MSF 2002, il-proġett notifikabbli individwalment ma jkunx eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment jekk il-kapaċità kkreata bil-proġett hija aktar minn 5 % tad-daqs tas-suq imkejjel bl-użu tad-dejta tal-konsum apparenti tal-prodott ikkonċernat, sakemm ir-rata medja tat-tkabbir annwali tal-konsum apparenti tiegħu matul l-aħħar ħames snin tkun ‘il fuq mill-medja tar-rata ta’ tkabbir annwali tal-PGD taż-Żona Ekonomika Ewropea matul l-istess perjodu.

(105)

F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tosserva li, kif inhu muri fit-Tabella IV hawn taħt, il-medja tat-tkabbir annwali tal-konsum apparenti (imkejjel permezz tal-bejgħ totali) fl-Ewropa tad-DPF matul l-aħħar 5 snin hija sostanzjalment ‘il fuq mir-rata medja tat-tkabbir annwali tal-PGD taż-ŻEE (33).

Tabella IV

It-test tas-suq li qed jikber

(Bejgħ f’unitajiet)

 

2001

2002

2003

2004

2005

2006

CAGR (*2)

DPF

29 000

290 000

702 000

1 169 000

1 791 000

2 957 000

152,17  %

PGD (miljuni ta’ EUR fi prezzijiet kostanti tal-1995) (UE 27)

8 197 605,0

8 295 193,5

8 402 482,6

8 610 427,6

8 765 680,7

9 027 663,9

1,95  %

(106)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna taħt skrutinju hija konformi mal-paragrafu 24(b) tal-MSF 2002, madankollu, kif muri hawn fuq, l-għajnuna mhix konformi mal-paragrafu 24(a) tal-MSF 2002.

6.5.   L-effetti negattivi tal-għajnuna u konklużjoni

(107)

Skont ir-regoli dwar l-għajnuna reġjonali, l-għajnuna li tammonta għal HUF 7 411 828 735 (EUR 29,73 miljun) fil-valur preżenti (HUF 11 745 422 640 jew EUR 47,12 miljun f’valur nominali) diġà ingħatat lil IBIDEN HU fuq il-bażi tal-iskemi eżistenti tal-għajnuna reġjonali (34) sal-limitu tan-notifika individwali stabbilit fil-paragrafu 24 tal-MSF 2002. L-ammont tal-għajnuna, li hu suġġett għan-notifika preżenti, huwa d-differenza bejn l-ammont totali tal-għajnuna u l-appoġġ li ngħata diġà, jiġifieri HUF 2 381 981 198 (EUR 9,56 miljun) fil-valur preżenti (fil-valur nominali dan l-ammont huwa ta’ HUF 3 845 801 110 jew EUR 15,43 miljun).

(108)

Il-paragrafu 24 tal-MSF 2002 jipprovdi li proġetti notifikabbli individwalment ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment jekk xi waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 24 ma tkunx sodisfatta. Bħal ma ntwera hawn fuq, l-għajnuna taħt skrutinju mhix konformi mal-paragrafu 24(a) tal-MSF 2002 għaliex is-sehem mis-suq ta’ IBIDEN fil-livell ta’ grupp fis-suq tad-DPF fl-Ewropa kemm qabel kif ukoll wara l-investiment jaqbeż b’mod sostanzjali l-limitu ta’ 25 %.

(109)

Is-sehem mis-suq kbir ta’ IBIDEN jirrifletti l-pożizzjoni prevalenti tal-kumpanija fis-suq tad-DPF. Skont l-istudju ta’ Frost & Sullivan Ltd (“F&S”) (35) u kummenti pprovduti minn partijiet interessati, IBIDEN tgawdi minn pożizzjoni eċċellenti fis-suq Ewropew għad-DPF, għax hija waħda miż-żewġ manifatturi l-kbar tal-filtri sustrati fid-dinja (il-manifattur l-ieħor huwa l-NGK). Il-Kummissjoni tosserva li s-suq tad-DPF fl-Ewropa għadda minn tkabbir tremend f’dawn l-aħħar snin, hekk kif il-manifatturi kollha tal-karozzi qed jadottaw it-teknoloġija biex jilħqu l-limiti Euro tal-emissjonijiet. Huwa suq li jħalli qligħ kbir u l-iżvilupp futur f’saħħtu tiegħu jidher assikurat ukoll. L-għajnuna suġġetta għan-notifika kieku tkompli ssaħħaħ aktar il-pożizzjoni minn ta’ quddiem ta’ IBIDEN f’dan is-suq u tagħmilha aktar diffiċli għal dawk li jidħlu ġodda fis-suq biex jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq. L-għajnuna suġġetta għan-notifika tista’ għalhekk toħloq distorsjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni.

(110)

Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijirt imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna suġġetta għan-notifika mhijiex kompatibbli mas-suq komuni. Minħabba li l-għajnuna ta’ HUF 2 381 981 198 (EUR 9,56 miljun) fil-valur preżenti (f’valur nominali dan l-ammont huwa ta’ HUF 3 845 801 110 jew EUR 15,43 miljun) ma ngħatatx, m’hemmx il-ħtieġa li tiġi rkuprata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika tal-Ungerija qed tippjana li timplimenta għal IBIDEN Hungary Gyártó Kft. li tammonta għal HUF 2 381 981 198 fil-valur preżenti (HUF 3 845 801 110 f’termini nominali) hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Għalhekk l-għajnuna ma tistax tiġi implimentata.

Artikolu 2

Ir-Repubblika tal-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li ttieħdu biex tikkonforma magħha.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Ungerija.

Magħmula fi Brussell, 30 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membnru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 224, 25.9.2007, p. 2.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas multisettorali dwar għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (ĠU C 70, 19.3.2002, p. 8) kif immodifikat permezz tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-modifikazzjoni tal-Qafas multisettorali dwar l-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (2002) fir-rigward tat-tfassil ta’ lista ta’ setturi li qed jiffaċċjaw problemi strutturali u proposta ta’ miżuri xierqa skont l-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE, rigward is-settur tal-vetturi bil-mutur u s-setturi tal-fibri sintetiċi (ĠU C 263, 1.11.2003, p. 3).

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(4)  L-ittra tal-Kummissjoni datata d-9 ta’ Lulju 2004, C(2004) 2773/5 rigward l-HU 12/2003 - Mappa tal-għajnuna reġjonali għall-Ungerija għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2006.

(5)  Is-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Marzu 2006.

(6)  Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u s-sorveljar effettiv dwar l-għajnuna reġjonali lil proġetti kbar ta’ investiment, il-paragrafu 36 tal-MSF 2002 jipprovdi għal “mekkaniżmu ta’ trasparenza” speċjali. Taħt il-mekkaniżmu ta’ trasparenza l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni permezz ta’ format standard kull meta tingħata l-għajnuna taħt l-MSF 2002 għal proġetti mhux notifikabbli bi spejjeż eliġibbli li jaqbżu l-50 miljun Euro.

(7)  Ikkalkulat, skont ir-regoli tal-iskema bażi tal-għajnuna, fuq il-bażi tar-rata tal-kambju ta’ 249,28 HUF/EUR (applikabbli fil-31 ta’ Awwissu 2004) u rata ta’ referenza ta’ 8,59 %.

(*1)  Kopert bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

(8)  HU 1/2003 “Skema Immirata għall-Promozzjoni tal-Investiment” kienet ippreżentata skont il-proċedura interim u aċċettata mill-Kummissjoni bħala għajnuna eżistenti skont it-tifsira ta’ Anness IV, Kapitolu 3 paragrafi (1)(c) (taħt l-Artikolu 22) tat-Trattat tas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja.

(9)  HU 3/2004 “Skema tal-Benefiċċju tat-Taxxa tal-Iżvilupp” kienet mibgħuta skont il-proċedura interim u aċċettata mill-Kummissjoni bħala għajnuna eżistenti skont it-tifsira ta’ Anness IV, Kapitolu 3 paragrafi (1)(c) (taħt l-Artikolu 22) tat-Trattat tas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja. L-emenda tal-iskema kienet innotifikata lill-Kummissjoni (każ numru N 504/2004) u approvata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Diċembru 2004 (ref. C(2004) 5652).

(10)  F’din id-deċiżjoni, l-ekwivalenti tal-għotja netta (NGE) hija kkalkulata fuq il-bażi tar-rata standard tat-taxxa korporattiva applikabbli fl-Ungerija (16 %).

(11)  Il-benefiċċju tat-taxxa għandu limitu massimu f’termini tal-valur preżenti globali tiegħu.

(12)  HU 1/2003 “Skema Immirata għall-Promozzjoni tal-Investiment” u N 504/2004 (ex HU 3/2004) “Skema tal-Benefiċċju tat-Taxxa għall-Iżvilupp”.

(13)  Id-differenzi fl-użu maħsub bejn il-prodotti lesti, DPF u DOC, huma riflessjoni tal-użi differenti tas-sustrat rispettivi tagħhom. Għalhekk, minn issa ‘l quddiem fid-deċiżjoni se tintuża DPF minflok is-sustrat tad-DPF.

(14)   “Analiżi strateġika tas-suq Ewropew għall-Filtri tal-partikuli tad-Dijżil”, Ottubru 2006. Il-kumpanija Frost&Sullivan hija attiva fis-suq/industrija tal-konsulenza u r-riċerka.

(15)   “Studju tas-suq tal-apparati tat-trattament ta’ wara tat-tnaqqis tal-PM”, Marzu 2007. Il-Lista AVL hija involuta mill-qrib fit-tfassil u l-iżvilupp tal-magni b’kombustjoni interna. L-istudju AVL, li kien ikkummissjonat minn IBIDEN HU għal dan il-każ, jargumenta li kemm id-DOC u d-DPF huma tal-istess suq relevanti tal-prodott, madankollu, d-dejta u l-analiżi ppreżentati fl-istudji tal-AVL ma jikkonfermawx dan l-argument, jiġifieri diversi elementi/informazzjoni fl-istudji jindikaw li mhumiex sostitwibbli, u mhux l-oppost.

(16)   ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

(17)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(18)  Il-kunċett tal-ġenerazzjonijiet sussegwenti tal-prodott huwa użat minn IBIDEN HU biex tirreferi għall-evoluzzjoni tat-teknoloġija.

(19)  Madankollu, fir-rigward tal-prezz tas-suq tad-DOC ta’ EUR 102, kif ipprovdut fl-istudju tal-AVL, jidher li jirreferi għall-prezz tad-DOC wara l-kisi f’TIER 2 ukoll, u għalhekk il-prezz tas-sustrat tad-DOC ikun irid jiġi aġġustat ‘l isfel bl-istess mod li l-IBIDEN aġġustat il-prezzijiet tas-sustrati tad-DPF.

(20)  Id-differenzi fl-użu maħsub bejn il-prodotti lesti, DPF u DOC, huma riflessjoni tal-użi differenti tas-sustrati rispettivi tagħhom.

(21)   ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(22)  HU 1/2003 “Skema Immirata għall-Promozzjoni tal-Investiment” u N 504/2004 (ex HU 3/2004) “Skema tal-Benefiċċju tat-Taxxa tal-Iżvilupp”.

(23)  Minħabba li proġetti ta’ investiment jistgħu jibqgħu għaddejjin għal bosta snin, dak il-perjodu ta’ tliet snin huwa kkalkulat, fil-prinċipju, mill-bidu tax-xogħlijiet fuq kull proġett.

(24)  Id-DPF għadu mhux rikjest mill-leġiżlazzjoni Ewropea preżenti, imma diġà huwa installat f’ċerti vetturi bil-mutur. Minn Settembru 2009 ‘l quddiem, se jsiru mandatorji valuri ġodda ta’ limiti għal tipi ġodda ta’ karozzi dijżil tal-passiġġieri (kategorija M1) u vetturi kummerċjali żgħar (kategorija N1 klassi I) b’massa ta’ referenza li ma taqbiżx l-2 610 kg (dawn il-limiti se japplikaw għall-klassijiet II u III ta’ vetturi N1 u N2 minn Settembru 2010). Fil-prattika dan jirriżulta fl-istallazzjoni tad-DPFs sabiex dawn il-valuri tal-limiti jintlaħqu.

(25)  L-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw li IBIDEN Deutschland GmbH hija kumpanija tal-kummerċ u tal-marketing, u ma tipproduċix partijiet tat-trattament tal-gass tal-egżost. L-ebda kumpanija oħra tal-Grupp IBIDEN ma twettaq proċessi ulterjuri fuq il-partijiet prodotti minn IBIDEN HU.

(26)  SOF: frazzjoni organika li tinħall bħal materjal organiku mnissel minn żejt li jillubbrifika l-magna u mill-fjuwil.

(27)  Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).

(28)  Din it-tendenza, kif spejgata minn Saint-Gobain, hija enfasizzata minn diversi preżentazzjonijiet waqt diversi fora esperti fl-2007 minn General Motors, DaimlerChrysler, Johnson Matthey, Hyundai u Arvin Meritor.

(29)  Skont l-istudju tas-suq ta’ AVL, sistemi moderni tat-trattament ta’ wara tal-egżost għandhom bżonn fjuwil tad-dijżil mingħajr kubrit biex jaħdmu b’mod effettiv u fit-tul. Fjuwil tad-dijżil b’livell baxx ta’ kubrit ġie ntrodott fl-UE fl-2005 u se jkun mandatorju fl-2009.

(30)  Id-dejta miġbura mill-AVL tirrifletti suq kemmxejn iżgħar mill-F&S u tista’ tirriżulta f’inkonsistenzi minħabba li l-volum tal-bejgħ tal-benefiċjarju fl-Ewropa qabel l-investiment (jiġifieri fl-2003) huwa akbar mill-bejgħ totali stmat mill-AVL. Għalhekk ġew użati l-figuri tas-suq tad-DPF li jinsabu fl-istudju tal-F&S fejn ma rriżultat l-ebda inkonsistenza bħal din. Aktar minn hekk, il-fatt li wieħed jieħu d-dejta tal-F&S jaħdem favur il-benefiċjarju, imma anke f’dan ix-xenarju, l-ishma mis-suq huma ‘l fuq sew minn 25 %. L-istudju tal-F&S jirreferi direttament għan-numru ta’ DPFs li nbiegħu jew huma mistennija li jinbiegħu fis-suq meta jiġu kkunsidrati l-manifatturi kollha tad-DPFs. Għandu jiġi nnutat ukoll li minkejja li l-istudji jirreferu għad-DPF, jiġifieri l-prodott downstream magħmul lest, fil-prattika l-volum tas-sustrati mibjugħa huwa ugwali għan-numru tad-DPfs li nbiegħu.

(31)  Is-sustrat taċ-ċeramika ta’ IBIDEN HU huwa prodott intermedjarju li huwa suġġett għal ipproċessar addizzjonali (jiġifieri kisi, inkapsulament) f’livelli sussegwenti tal-katina tal-valur (magħmul minn kumpaniji indipendenti). Minħabba li d-dejta f’termini ta’ valur li hemm fl-istudji sottomessi tirreferi biss għad-DPF magħmul lest li l-prezz tiegħu huwa sostanzjalment ogħla minn dak tal-prodott ta’ IBIDEN, u minħabba li l-ebda dejta ta’ min jorbot fuqha ma ġiet sottomessa fir-rigward tal-prezz tal-prodott intermedju, il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan il-każ, għandha tiġi użata l-analiżi f’termini ta’ volum. F’kull każ, anke jekk IBIDEN tbigħ is-sustrati tad-DPF bi prezz viċin il-prezz medju tas-suq, l-ishma mis-suq f’termini ta’ valur ikunu komparabbli.

(32)  Skont id-dejta pprovduta minn Saint-Gobain, anke f’suq ipotetiku li jinkludi sustrati kemm tad-DPF u tad-DOC (suq tad-DPF + DOC), is-sehem mis-suq ta’ IBIDEN huwa ‘l fuq minn 25 % f’termini ta’ valur fiż-ŻEE. Madankollu, dan l-argument mhux ikkonfermat mill-istudju tal-AVL (li kien ikkummissjonat mill-benefiċjarju), għaliex hu jindika prezzijiet sostanzjalment ogħla għad-DOCs u għalhekk sehem mis-suq f’termini ta’ valur jibqa’ taħt il-25 % fis-suq kombinat (madankollu, fir-rigward tal-prezz fis-suq tad-DOC kif ipprovdut fl-istudju tal-AVL, jidher li dan jirreferi għall-prezz tad-DOC wara l-kisja f’TIER 2, li tispjega l-prezz notevolment ogħla kkumparat ma’ dak indikat għas-sustrat minn Saint-Gobain). Għalhekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli ma jistax jiġi konkluż jekk f’tali suq ipotetiku is-sehem mis-suq ta’ IBIDEN ikunx ‘il fuq jew ‘l isfel minn 25 % f’termini ta’ valur fiż-ŻEE.

(33)  Għal raġinijiet prattiċi, ġew ikkunsidrati l-figuri tal-PGD tal-UE 27.

(*2)  CAGR: Rata Komposta tat-Tkabbir Annwali.

(34)  HU 1/2003 “Skema Immirata għall-Promozzjoni tal-Investiment” u N 504/2004 (ex HU 3/2004) “Skema tal-Benefiċċju tat-Taxxa tal-Iżvilupp”.

(35)   “Analiżi strateġika tas-suq Ewropew għall-Filtri tal-Partikuli tad-Dijżil”, Ottubru 2006. Il-kumpanija Frost&Sullivan hija attiva fil-konsulenza u r-riċerka dwar is-suq/l-industrija.