18.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 277/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-14 ta’ Ottubru 2008

li tistipula l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ ċerti konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka

(2008/803/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat għall-Preferenzi Ġeneralizzati,

Billi:

(1)

Rapporti, stqarrijiet u tagħrif tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, inkluż ir-rapport tar-Relatur Speċjali dwar l-Eżekuzzjonijiet Ekstraġudizzjarji tas-27 ta’ Marzu 2006, l-istqarrija tal-Konsulent Speċjali għar-Rappreżentant Speċjali għat-Tfal u l-Kunflitti Armati tat-13 ta’ Novembru 2006 u l-istqarrija tar-Relatur Speċjali dwar it-tortura u trattament krudili, inuman u degradanti ieħor, tad-29 ta’ Ottubru 2007, kif ukoll rapporti oħrajn disponibbli pubblikament u tagħrif minn sorsi rilevanti oħrajn, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi, jindikaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka, li tinkorpora konvenzjonijiet internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti oħrajn u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, mhix qed tiġi implimentata b’mod effettiv.

(2)

Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti oħrajn, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, huma elenkati bħala konvenzjonijiet essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem fil-punti 1, 5 u 6 rispettivament tal-Anness III, il-Parti A tar-Regolament (KE) Nru 980/2005.

(3)

L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 jistipula l-irtirar temporanju tal-arranġament speċjali tal-inċentiv imsemmi fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dak ir-Regolament, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkorpora dawk il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament li ġew ratifikati bi twettiq tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2) ma jkunux implimentati b’mod effettiv.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat it-tagħrif li waslilha u sabet li dan jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-ftuħ ta’ investigazzjoni bl-għan li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni tas-Sri Lanka dwar ir-rikonoxximent u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem humiex implimentati b’mod effettiv. Dan jippermetti wkoll li jiġi ddeterminat jekk ikunx iġġustifikat l-irtirar tal-arranġament speċjali ta’ inċentiv.

(5)

Il-konsultazzjonijiet mal-Kumitat tal-Preferenzi Ġeneralizzati saru fit-23 ta’ Settembru 2008,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-Kummissoni għandha tibda investigazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka, li tinkorpora l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti oħrajn, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, hijiex implimentata b’mod effettiv.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.