9.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 268/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-29 ta' Settembru 2008

dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim tas-Sajd fin-Nofsinhar ta’ l-Oċean Indjan

(2008/780/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Komunità hija kompetenti sabiex tadotta miżuri għall-ħarsien u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u tikkonkludi strumenti ta’ ftehim ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

(2)

Il-Komunità hija Parti Kontraenti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li tirrikjedi li l-membri kollha tal-komunità internazzjonali jikkooperaw fil-ġestjoni u l-ħarsien tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

(3)

Il-Komunità u l-Istati Membri rratifikaw il-ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta’ l-10 ta’ Diċembru 1982, rigward il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transzonali u Stokkijiet ta’ Ħut Ferm Migratorju.

(4)

Il-Komunità ħadet sehem fil-proċess tan-negozjati għall-Ftehim tas-Sajd fin-Nofsinhar ta’ l-Oċean Indjan (SIOFA) mill-bidunett u kellha rwol attiv u kostruttiv f’dak il-proċess, li kkulmina fl-adozzjoni tal-Ftehim waqt il-Konferenza Diplomatika li saret f’Ruma fis-7 ta’ Lulju 2006.

(5)

Is- SIOFA nfetaħ għall-firem fis-7 ta’ Lulju 2006 u ġie ffirmat mill-Komunità dakinhar stess, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/496/KE (1).

(6)

Il-flotta Komunitarja tistad fiż-żona li taqa’ taħt il-Ftehim, u huwa fl-interess tal-Komunità li jkollha rwol effettiv fl-implimentazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(7)

Il-Ftehim għandu għalhekk jiġi approvat.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim tas-Sajd fin-Nofsinhar ta’ l-Oċean Indjan (2) huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna/i awtorizzata/i li tiddepożita/jiddepożitaw l-istrument ta’ approvazzjoni mad-Direttur Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u ta’ l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa u jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta’ Depożitarju tal-Ftehim skond l-Artikolu 25 tal-Ftehim.

Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)   ĠU L 196, 18.7.2006, p. 14.

(2)   ĠU L 196, 18.7.2006, p. 15.