|
7.10.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 266/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-6 ta' Ottubru 2008
temenda d-Deċiżjoni 2007/365/KE dwar miżuri ta' emerġenza għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier)
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5550)
(2008/776/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), partikolarment ir-raba' sentenza t'Artiklu 16(3) tiegħu,
Peress illi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/365/KE (2) tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni u t-tixrid tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier) (l-organiżmu indikat). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iħejju stħarrig annwali uffiċjali għall-preżenza tal-organiżmu indikat jew evidenza t'infezzjoni fi pjanti jew speċi ta' Palm speċifiċi mill-organizmu indikat fit-territorju tagħhom. |
|
(2) |
L-istħarriġ annwali uffiċjali mħejji fl-2007 mill-Istati Membri juri illi l-organiżmu indikat infetta wkoll pjanti ta' speċi ta' Palm li mhumiex definiti bħala pjanti suxxettibbli fid-Deċiżjoni 2007/365/KE. Huwa f'loku illi l-miżuri t'emerġenza stipulati fid-Direttiva 2007/365/KE japplikaw ukoll għal dawk il-pjanti. |
|
(3) |
Ir-riżultati tal-miżuri ta' emerġenza stipulati fid-Deċiżjoni 2007/365/KE kienu vvalutati mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti f'April 2008. Kien konkluż illi l-lista ta' pjanti suxxettibbli għandha tiġi aġġornata. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni 2007/365/KE għandha għalhekk tiġi aġġornata f'dan ir-rigward. |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/365/KE, il-punt (b) qed jinbidel b'dan li ġej:
|
“(b) |
‘pjanti suxxettibbli’ tfisser pjanti, minbarra frott u żrieragħ, li għandhom dijametru taz-zokk fil-bażi tagħhom ta' aktar minn 5 ċentimetri ta' Areca catechu, Arenga pinnata, Borassus flabellifer, Brahea armata, Butia capitata, Calamus merillii, Caryota maxima, Caryota cumingii, Chamaerops humilis, Cocos nucifera, Corypha gebanga, Corypha elata, Elaeis guineensis, Livistona australis, Livistona decipiens, Metroxylon sagu, Oreodoxa regia, Phoenix canariensis, Phoenix dactylifera, Phoenix theophrasti, Phoenix sylvestris, Sabal umbraculifera, Trachycarpus fortunei u Washingtonia spp.;” |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri
Magħmula fi Brussell, 6 ta’ Ottubru 2008.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni