18.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 249/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Settembru 2008

li tikkonċerna kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) għal azzjonijiet fit-taqsima tat-tagħrif dwar mard tal-annimali

(2008/739/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità tista’ twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp tal-edukazzjoni jew it-taħriġ veterinarju.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika tal-mard tal-annimali fil-Komunità (2) tistabbilixxi sistema għan-notifika tat-tifqigħat ta’ kwalunkwe mard elenkat fl-Anness I tagħha (“is-sistema Komunitarja għan-notifika tal-mard tal-annimali”).

(3)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) hija organizzazzjoni intergovernattiva rappreżentattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa tal-annimali madwar id-dinja. Fil-qasam tat-tagħrif dwar mard, l-OIE għandha l-esperjenza unika li tiżviluppa d-Database għat-Tagħrif dwar is-Saħħa tal-Annimali (WAHID), interkonnessjoni li tistipula sensiela komprensiva ta’ tagħrif dwar mard tal-annimali. Id-WAHID tintuża mill-pajjiżi membri kollha tal-OIE, inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida għas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura” (3) tidentifika l-ħarsien mit-theddid relatat mal-annimali, is-sorveljanza u t-tħejjija f’każ ta’ kriżi bħala waħda mill-pilastri tal-istrateġija l-ġdida dwar is-saħħa tal-annimali. B’mod partikolari, din il-Komunikazzjoni tisħaq dwar il-fatt li t-tagħrif ġenerat mis-sorveljanza veterinarja, mill-attivitajiet u l-programmi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll jagħti evidenza xjentifika kruċjali lill-istituzzjonijiet u l-gvernijiet Komunitarji biex tappoġġja d-deċiżjoni dwar il-ħarsien mill-mard u l-miżuri ta’ kontroll.

(5)

Din il-Komunikazzjoni tistipula l-adattament tas-sistema Komunitarja għan-notifika ta’ mard tal-annimali bħala eżitu mistenni tal-istrateġija l-ġdida dwar is-saħħa tal-annimali. Eżitu mistenni ieħor stipulat f’din il-Komunikazzjoni huwa s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti veterinarja tal-Komunità, biex ikun hemm konverġenza mal-istandards internazzjonali, inklużi l-istandards tal-OIE.

(6)

Għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità, huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti azzjonijiet fi sħubija mal-OIE, bl-għan li s-sistema Komunitarja għan-notifika tal-mard tal-annimali tiġi allinejata mad-WAHID, waqt li jinġabar tagħrif epidemjoloġiku u b’mod partikolari t-tfassil tas-settijiet tad-dejta, id-databases u l-protokolli għall-iskambju ta’ dejta. Huwa għalhekk xieraq li ssir kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-finanzjament tal-iżvilupp tas-sistema ta’ tagħrif dwar mard tal-annimali għall-perjodu mill-2008 sa l-2012 mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE). Għandu jkun speċifikat l-ammont massimu ta’ din il-kontribuzzjoni.

(7)

Il-ġbir ta’ analiżi u t-taqsir ta’ tagħrif dwar is-saħħa tal-annimali fil-Balkani, fiż-żoni tal-Kawkażu u tal-Mediterran, speċjalment fir-rigward ta’ mard li jinfirex minn fruntiera għal oħra, huwa ta’ importanza kruċjali għall-Komunità, għall-ħarsien mit-theddid għas-saħħa tal-annimali fit-territorju tagħha. Dan it-tagħrif madankollu mhuwiex disponibbli faċilment fil-każijiet kollha.

(8)

L-OIE żviluppat Għodda għall-Valutazzjoni tal-Prestazzjoni tas-Servizzi Veterinarji (l-Għodda tal-OIE għall-PSV). Din l-għodda hija mfassla biex tgħin lis-servizzi veterinarji tal-pajjiżi li huma membri tal-OIE jistabbilixxu l-livell attwali tagħhom tal-prestazzjoni u biex tidentifika d-differenzi u n-nuqqasijiet fir-rigward tal-ħila tagħhom li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tal-OIE. L-Għodda tal-OIE għall-PSV tiġġenera wkoll tagħrif dwar is-saħħa tal-annimali fil-pajjiżi membri tal-OIE. Il-Komunità għandha għalhekk tanalizza l-attivitajiet u t-tagħrif ġenerati minn din l-għodda fir-rigward tal-Balkani, iż-żoni tal-Kawkażu u tal-Mediterran.

(9)

Huwa għalhekk xieraq li ssir kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-iżvilupp u l-analiżi tal-attivitajiet li jikkonċernaw is-saħħa tal-annimali fil-Balkani, u fiż-żoni tal-Kawkażu u tal-Mediterran, mill-OIE. Għandu jkun speċifikat l-ammont massimu ta’ din il-kontribuzzjoni.

(10)

L-Artikolu 168(1)(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-regolamentazzjoni finanzjarja applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) jistipula li l-għotjiet jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għall-proposti lill-entitajiet b’monopolju de jure jew de facto issostanzjat kif xieraq fid-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni.

(11)

L-OIE għandha monopolju de facto fis-settur tagħha, mit-twaqqif tagħha ‘l hawn permezz tal-Ftehim internazzjonali ffirmat fil-25 ta’ Jannar 1924. L-OIE hija l-organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għal titjib tas-saħħa tal-annimali madwar id-dinja u hija rikonoxxuta bħala organizzazzjoni ta’ referenza mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Għaldaqstant mhix meħtieġa sejħa għall-proposti għall-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lil din l-organizzazzjoni, skond din id-Deċiżjoni.

(12)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kif stipulat fl-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, permezz ta’ dan, qed tingħata kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-finanzjament tal-iżvilupp tas-sistema ta’ tagħrif dwar mard tal-annimali għall-perjodu mill-2008 sal-2012 mill-Organizzazjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (l-OIE) sa ammont massimu ta’ EUR 750 000.

Artikolu 2

Kif stipulat fl-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, permezz ta’ dan, qed tingħata kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-finanzjament tal-analiżi tal-attivitajiiet relatati mas-saħħa tal-annimali fil-Balkani, fiż-żoni tal-Kawkażu u tal-Mediterran mill-OIE, għall-perjodu mill-2008 sal-2012 sa ammont massimu ta’ EUR 250 000.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji stipulati fl-Artikoli 1 u 2 għandhom ikunu ffinanzjati permezz tal-linja tal-baġit 17 04 02 01 tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej għall-2008.

Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(2)  ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58.

(3)  COM(2007) 539 finali.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.