17.9.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 248/25 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta' Settembru 2008
li taħtar rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Bord tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċinali
(2008/735/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 726/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistipula proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u dak veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Mediċinali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 65 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċinali (minn hawnhekk ‘il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) għandu jinkludi żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni. |
(2) |
Minħabba t-tqassim mill-ġdid tal-kompetenzi fi ħdan il-Kummissjoni huwa neċessarju li jinħatar membru ġdid fil-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi u sostitut li jkun jista’ jissostitwixxi lill-membru fl-assenza tiegħu u jivvota minfloku, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċinali għandu jkun persuna li tokkupa l-pożizzjoni u li teżerċita l-funzjonijiet mniżżla hawn taħt:
(a) |
Konsulent prinċipali b’interess speċjali fuq is-Saħħa Pubblika, li joffri konsulenza lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi dwar strateġija tas-saħħa u jgħin lid-Direttur tad-Direttorat tas-Saħħa Pubblika u Valutazzjoni tar-Riskji. |
Ir-rappreżentant alternattiv għandu jkun persuna li tokkupa l-pożizzjoni u li teżerċita l-funzjonijiet mniżżla hawn taħt:
(b) |
Il-Kap tal-Unità “Strateġija għas-Saħħa u s-Sistemi tas-Saħħa”, li tinkludi l-funzjonijiet ta’ determinazzjoni u formolazzjoni ta’ politiċi u azzjoni għas-saħħa pubblika, inkluż fil-kamp tal-farmaċewtika, u d-determinazzjoni tad-direzzjoni ġenerali tal-attivitajiet fl-unità skont il-bażi tal-programm ta’ xogħol tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi u/jew il-Direttorat tas-Saħħa Pubblika u Valutazzjoni tar-Riskji. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-persuni li jokkupaw, anke jekk fuq bażi temporanja, il-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jew għal kull suċċessur tal-persuni f’dawk il-pożizzjonijiet.
Artikolu 3
Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi għandu jinforma lill-President tal-Bord Amministrattiv u d-Direttur tal-Aġenzija bl-ismijiet tal-persuni li jokkupaw il-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, u b’kull bdil f’dan ir-rigward.
Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Settembru 2008.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.