17.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 248/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ Ġunju 2008

dwar l-għajnuna mill-Istat C 57/07 (ex N 843/06) li qed tipprova timplementa r-Repubblika tas-Slovakkja għal Alas Slovakia, s.r.o.

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2254)

(Il-verżjoni Slovakka biss hi awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/734/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim taż-Zona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skond dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Diċembru 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Diċembru 2006 (A/40324), l-awtoritajiet Slovakki, skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, innotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jagħtu għajnuna għal investiment reġjonali individwali fil-forma ta’ konċessjoni mit-taxxa fuq l-attivitajiet tal-investiment minn Alas Slovakia, s.r.o. f’disa’ postijiet differenti (2).

(2)

It-talbiet għall-informazzjoni ntbaghtu fit-13 ta’ Frar 2007 (D/50598), 8 ta’ Mejju 2007 (D/51936), 25 ta’ Lulju 2007 (D/53139) u 12 ta’ Ottubru 2007 (D/54058) rispettivament. L-awtoritajiet Slovakki ttrażmettew informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri datati 12 ta’ Marzu 2007 (A/32162), 4 ta’ Ġunju (A/34580), 13 ta’ Awwissu 2007 (A/36769) u 31 ta’ Ottubru 2007 (A/39017).

(3)

Permezz ta’ ittra datata 11 ta’ Diċembru 2007 (minn hawn ‘il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ”) il-Kummissjoni informat lis-Slovakkja li kienet iddeċidiet li tibda proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżura.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom.

(5)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mill-partijiet interessati u lanqas mir-Repubblika tas-Slovakkja.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   L-għan tal-miżura

(6)

L-għan tal-miżura tal-għajnuna hija li tippromwovi l-iżvilupp reġjonali tar-reġjuni ta’ Nitra (4), Trnava (5) u Trenčín (6), ilkoll fil-Punent tas-Slovakkja, li fil-mument tan-notifika kienet żona assistita skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE; Il-limitu tal-intensità tal-għajnuna skond il-mappa tal-għajnuna reġjonali tas-Slovakkja għall-2004-2006 (7) huwa ta’ 50 % NGE.

(7)

Il-proġett propost jikkostitwixxi miżura individwali ta’ għajnuna nnotifikata mill-awtoritajiet Slovakki, jiġifieri mhijiex garantita taħt l-iskema eżistenti tal-għajnuna skond it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (8).

2.2.   Il-forma u n-natura tal-għajnuna

(8)

Il-miżura notifikata għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ konċessjoni mit-taxxa applikata fuq bażi annwali bejn l-2007 u l-2011. Il-konċessjoni annwali hija limitata għal 50 % tar-responsabbiltà għat-taxxa tal-kumpaniji ta’ Alas Slovakia, s.r.o. L-ammont totali ta’ din il-konċessjoni mit-taxxa huwa limitat għal SKK 100 813 444 fil-valur preżenti (9) (madwar EUR 2.89 miljun). L-għajnuna ma tistax tiġi utitilizzata fl-istess ħin ma’ għajnuna minn sorsi oħra biex tkopri l-istess spejjeż eliġibbli.

(9)

L-għajnuna notifikata ssegwi għajnuna preċedenti fil-forma ta’ konċessjoni mit-taxxa (bbażata fuq Taqsima 35a tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) li kienet approvata mill-Uffiċċju Slovakk għall-Għajnuna mill-Istat qabel is-sħubija tar-Repubblika Slovakka fl-UE (10).

(10)

Skond tit-taqsima 35a tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, benefiċjarju tal-għajnuna jingħata kreditu fuq it-taxxa tal-kumpaniji ta’ 100 % fuq perjodu ta’ ħames snin konsekuttivi u sussegwentement, huwa għandu l-possibbiltà li japplika għal kreditu addizjonali ta’ 50 % fuq it-taxxa matul il-ħames snin ta’ wara. In-notifika sottomessa tikkonċerna t-tieni perjodu ta’ ħames snin. L-għajnuna notifikata tikkonċerna spejjeż oħra eliġibbli u parzjalment stabbilimenti oħra wkoll minn dawk li huma koperti mill-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni.

2.3.   Bażi legali tal-għajnuna individwali

(11)

Il-bażi legali nazzjonali għall-għajnuna hija l-Att Nru 231/1999 Coll. dwar l-għajnuna mill-Istat, kif emendat, l-Att Nru 595/2003 Coll. dwar it-taxxa fuq id-dħul, kif emendat, u l-Att Nru 366/1999 Coll. dwar it-taxxi fuq id-dħul, kif emendat, kif daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003, b’mod partikolari t-Taqsima 52(3) tal-Att Nru 595/2003 Coll. dwar it-taxxa fuq id-dħul, kif emendat, taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fit-Taqsima 35a tal-Att Nru 366/1999 Coll. dwar it-taxxi fuq id-dħul, kif emendat, kif daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003 (11).

2.4.   Benefiċjarji

(12)

Il-benefiċjarja tal-għajnuna, Alas Slovakia, s.r.o., hija intrapriża kbira. Hija ħadet f’idejha l-attivitajiet tal-intrapriżi li kienu tal-Istat “Západoslovenské kameňolomy a štrkopiesky” and “Strmáč Comp.Ltd”. Il-benefiċjarja hija attiva fl-estrazzjoni u l-ipproċessar ta’ minerali mhux riżervati (żrar, ġebel) li jaqgħu taħt id-Diviżjoni 08, Grupp 08.1, Klassijiet 08.11 u 08.12 tal-klassifikazzjoni statistika NACE tal-attivitajiet ekonomiċi. Hija involuta wkoll fil-produzzjoni u l-bejgħ tas-siment u t-taħlit tal-konkrit – Diviżjoni 23, Grupp 23.6 tal-klassifikazzjoni NACE.

(13)

Skond l-informazzjoni pprovduta fuq il-websajt tal-kumpanija, Alas Slovakia, s.r.o. hija fost il-produtturi ewlenin tax-xogħol tal-ġebel fir-Repubblika tas-Slovakkja. Is-sehem mis-suq tagħha fis-Slovakkja huwa ta’ madwar 15 %.

(14)

L-akbar azzjonista (67.45 %) tal-Alas Slovakia, s.r.o. hija Alas International Baustoffproduktions AG (minn hawn ‘il quddiem “Alas International”) ibbażata f’Ohlsdorf (Austria), li min-naħa tagħha hija proprjetà ta’ ASAMER holding group. Alas International twaqqfet fl-1998 bħala kumpanija holding biex topera f’azzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-aggregati u l-konkrit.

2.5.   Il-proġett tal-investiment

(15)

Skond is-Slovakkja, l-għajnuna tikkonċerna kemm it-twaqqif ta’ tliet stabbilimenti ġodda (Červeník, Okoč and Prievidza) u l-modernizzazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni u d-diversifikazzjoni ta’ sitt faċilitajiet eżistenti tal-produzzjoni (Veľký Grob, Veľký Cetín, Komjatice, Kamenec pod Vtáčnikom, Hontianske Trsťany – Hrondín and Nitra). Il-proġett tal-investiment se jinvolvi x-xiri ta’ tagħmir tekniku modern u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent minn partijiet terzi u l-konstruzzjoni u t-titjib ta’ siti diversi għall-estrazzjoni ta’ materjal mhux maħdum (ġebel u żrar, aggregati). Milli jidher dawn l-istabbilimenti kollha huma komplemtament indipendenti minn xulxin minħabba li m’hemm l-ebda konnessjoni ta’ xogħol jew rabta ekonomika bejniethom.

(16)

Permezz ta’ dawn l-attivitajiet tal-investiment il-kumpanija tixtieq li ttejjeb il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħha u tiggarantixxi s-serħan il-moħħ tal-provvista tal-kwantitajiet u l-varjetajiet mitluba mill-investituri fil-kostruzzjoni. L-ispejjeż eliġibbli tal-proġett huma stmati li jlaħħqu SKK 345 026 285 (madwar EUR 9.90 miljun) fil-valur preżenti.

(17)

Ix-xogħlijiet fuq il-proġetti tal-investiment kienu notifikati biex jibdew fl-2007. L-implimentazzjoni tal-proġett għandha titlesta sal-2011. Id-dettalji qed jingħataw fit-tabella t’hawn taħt.

Stabbiliment

Tip tal-investiment inizjali

Perjodu tal-investiment

Numru ta’ impjiegi ġodda li nħolqu

Ammont ta’ investiment f’valur nominali

(SKK000)

Veľký Grob

Razzjonalizzazzjoni Estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti

2007, 2008

26 400

Veľký Cetín

Modernizzazzjoni

2007

9 000

Komjatice

Modernizzazzjoni

2008

10 200

Kamenec pod Vtáčnikom

Modernizzazzjoni Diversifikazzjoni

2007, 2008

2010, 2011

27

151 000

Hontianske Trsťany – Hrondín

Diversifikazzjoni

2008, 2009

20

49 000

Červeník

It-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid

2007, 2009

16

40 000

Okoč

It-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid

2007

14

29 000

Nitra

Diversifikazzjoni

2008

14 000

Prievidza

It-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid

2009, 2010

4

51 000

Total

 

 

81

379 600

III.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA

(18)

Il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura fil-każ preżenti, innotat li kellha dubji fir-rigward tal-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE u fuq il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali (12) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa bħala “RAG 1998”) għar-raġunijiet li ġejjin.

L-ewwel, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-limitu tal-għajnuna għall-investiment reġjonali għall-investiment tal-bidu, kif stabbilit f’punt 4.4 tal-RAG 1998, kienx rispettat. Skont punt 4.4 tal-RAG 1998, investiment tal-bidu huwa definit bħala investiment f’kapital fiss li għandu x’jaqsam mat-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid, l-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti jew it-twaqqif ta’ attività li tinvolvi tibdil fundamentali fil-prodott jew il-proċess ta’ produzzjoni ta’ stabbiliment eżistenti (permezz ta’ razzjonalizzazzjoni, diversifikazzjoni jew modernizzazzjoni). Din id-definizzjoni teskludi mill-firxa tagħha l-investiment ta’ sostituzzjoni. L-għajnuna għall-investiment ta’ sostituzzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna operazzjonali, li hija permessa biss jekk jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet (cf. punti 4.15, 4.16 u 4.17 tal-RAG 1998).

Milli jidher fl-aħħar tliet stabbilimenti (Veľký Grob, Veľký Cetín and Kamenec pod Vtáčnikom) il-benfiċjarju qed jixtri l-istess tip ta’ makkinarju/tagħmir li qed juża u jikri bħalissa. Il-kwalità mtejba tat-tagħmir li nxtara jew iż-żieda sinjifikanti fil-produzzjoni kkonċernata tista’ tkun dibattibbli, minkejja li l-benfiċċjarju qal li t-tagħmir il-ġdid se jkun aktar modern minn dak li bħalissa qed jinkera.

Dwar l-istabbiliment tiegħu ta’ Nitra, il-benefiċjarju se joffri lill-konsumaturi tiegħu biss servizz “kumplimentari” sabiex “iżomm is-sehem mis-suq tal-kumpanija, il-fluss tal-flus u r-riżultati ekonomiċi.” (13) Jidher diffiċli li wieħed jiġġustifika l-għajnuna f’sitwazzjoni fejn mhi qed issir l-ebda attività addizzjonali.

It-tieni, il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna individwali, li se tingħata lil kumpanija attiva f’settur speċifiku tal-estrazzjoni tal-materja prima. Bħala konsegwenza, din il-mużura ta’ għajnuna għandha tkun meqjusa bħala selettiva b’impatt akbar fuq kumpaniji oħra attivi fl-istess settur. Skont punt 2 tal-RAG 1998. għajnuna individwali ad hoc li tingħata lil kumpanija waħda, jew konfinata għal qasam wieħed ta’ attività, jista’ jkollha impatt kbir fuq il-kompetizzjoni fis-suq relevanti, u l-effetti tagħha fuq l-iżvilupp reġjonali aktarx ikunu kemxejn limitati. Tali għajnuna ġeneralment taqa’ fi ħdan l-ambitu ta’ politiki speċifiċi settorjali tal-industrija u mhix konformi mal-ispirtu tal-politika għall-għajnuna reġjonali bħala tali. Din tal-aħħar għandha tibqa’ newtrali lejn l-allokazzjoni ta’ riżorsi produttivi bejn id-diversi setturi u attivitajiet ekonomiċi. Bħala konklużjoni, l-RAG 1998 tieħu pożizzjoni negattiva lejn miżuri tal-għajnuna individwali sakemm ma jistax jiġi ppruvat li l-kontribuzzjoni reġjonali tal-għajnuna tiżboq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha d-dubji jekk il-kontribuzzjoni limitata lejn l-iżvilupp reġjonali tistax tiġġustifika l-ammont relattivament għoli ta’ għajnuna għal kull impjieg li jinħoloq.

Mill-informazzjoni sottomessa joħroġ li 81 impjieg dirett ġdid biss se jinħolqu, filwaqt illi xi 57 impjieg dirett maħluqa mill-benefiċjarju fl-imgħoddi se jinżammu permezz tal-investimenti megħjuna. L-impjiegi l-ġodda jistgħu ikollhom x’jaqsmu biss ma’ ħames mid-disa’ stabbilimenti tal-proġett (ara t-tabella t’hawn fuq). Il-Kummissjoni nnotat li 34 mill-81 impjieg ġdid li nħoloq għanhom ikunu maħluqa fit-tliet stabbilimenti maħsuba (14). Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni għandha dubji jekk l-ammont relattivament għoli ta’ għajnuna kull impjieg dirett li jinħoloq, b’mod partikolari f’settur ta’ salarji baxxi (l-għajnuna għal kull impjieg dirett li jinħoloq tkun tikkorrispondi għal madwar seba’ salarji annwali), kienx ġustifikat.

Rigward in-numru ta’ impjiegi indiretti, fl-ittra tagħhom iddata 17 ta’ Frar 2007 l-awtoritajiet Slovakki fil-bidu indikaw li se jinħolqu 100 impjieg indirett. Aktar tard, fit-tieni ittra tagħhom tal-4 ta’ Ġunju 2007 fejn ipprovdew informazzjoni addizzjonali, huma rreferew għall-istatistiċi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aggregati, fejn qalu li l-impjiegi indiretti se jammontaw għal 414-690. Skot dan l-istudju, fis-settur li fih il-kumpanija qed issegwi l-attivitajiet tan-negozju tagħha, madwar 3-5 impjiegi qed jinħolqu fir-rigward ta’ kull impjieg ġdid li qed jinħoloq. Fis-sottomissjoni tal-informazzjoni datata t-13 t’Awwissu 2007, l-awtoritajiet Slovakki finalment irreferew għal stħarriġ fornut lil Alas mill-Università ta’ Leoben (l-Awstrija), li skontu fis-settur tal-ipproċessar tal-materja prima, kull impjieg dirett ġdid jikkorispondi għal 30-40 impjieg indirett (15). Il-Kummissjoni kellha dubji jekk din l-istqarrija ġenerali dwar l-estrazzjoni tal-minerali kenitx trasferibbli għas-sitwazzjoni tal-materjal għall-bini.

Barra minn hekk, l-għajnuna hija mogħtija għal attivitajiet fl-industrija tal-estrazzjoni li l-lokazzjoni tagħhom hija ddeterminata mhux bl-għoti tal-għajnuna, imma bid-disponibbiltà tal-minerali; dan ikun affettwat anqas minn nuqqasijiet reġjonali li normalment ixekklu l-iżvilupp reġjonali. Bħala konsegwenza, wieħed jista’ jassumi li jkun possibbli li wieħed jisfrutta r-riżorsi anke mingħajr l-għajnuna. Addizzjonalment, minħabba li Alas kienet qiegħda topera diġà fil-biċċa l-kbira tal-istabbilimenti fuq il-bażi ta’ liċenzji fit-tul, hemm dubju fuq l-effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna reġjonali attizzonali.

It-tielet, il-kontribuzzjoni aktarx limitata lejn l-iżvilupp reġjonali għandha tkun ibbilanċjata kontra l-effett fuq il-kummerċ u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni tal-miżura tal-għajnuna li, skond l-awtoritajiet Slovakki, hija mistennija wkoll li tkun żgħira. Il-firxa tal-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni hija limitata ħafna (madwar 50 kilometru bit-triq jew 150 km bil-ferrovija) minħabba l-valur relattivament baxx fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport. L-awtoritajiet Slovakki indikaw li stabbiliment wieħed biss (Hontianske Trsťany – Hrondín) se jkun f’pożizzjoni li jesporta parti mill-produzzjoni tiegħu (sa 50 elf tunnellata ta’ ġebel għall-bini annwalment għall-valur ta’ SKK 9 miljun) lejn l-Ungerija. Tliet stabbilimenti oħra (Veľký Cetín, Okoč and Komjatice) huma mistennija jikkompetu mal-importazzjonijiet mill-Ungerija. Alas Slovakia, s.r.o. mhix mistennija tikkompeti ma’ kumpaniji oħra li jħaffru u jipproċessaw il-minerali mill-Awtrija jew ir-Repubblika Ċeka. Madankollu, dan deher li huwa f’kontradizzjoni mal-informazzjoni li kien hemm fl-applikazzjoni għall-ewwel parti tal-għajnuna, sottomessa lill-awtoritajiet Slovakki fis-16 ta’ April 2003, fejn kienu msemmija kompetituri potenzjali minn dawn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Kummissjoni meta tikkunsidra l-post fejn qegħdin l-istabbilimenti konċernati għandha dubji għandha dubji sa liema punt jista’ jiġi distort il-kummerċ ma’ Stati Membri oħra (pereżempju l-Awstrija jew ir-Repubblika Ċeka).

Fl-aħħar, kif stabbilit fl-avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq relevanti għall-iskopijiet tal-liġi Komunitarja dwar il-kompetizzjoni (16), f’ċerti każi, anke kieku l-konsenji minn impjant partikolari jkunu limitati għal ċerta żona madwar l-impjant, id-distribuzzjoni tal-impjanti tista’ tkun b’mod li ż-żoni ta’ madwar l-impjanti differenti jkunu jirkbu fuq xulxin b’mod sinifikattiv. Jekk hu hekk, huwa possibbli li l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti jkunu affettwati minn katina ta’ effett ta’ sostituzzjoni, li twassal għal impatti fuq is-suq ġeografiku aktar wiesa’.

Bħala riżultat, il-Kummissjoni għandha dubji kemm il-kontribuzzjoni mistennija tal-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali tista’ tiżboq l-effetti negattivi fuq il-kumerċ.

IV.   KUMMENTI MIR-REPUBBLIKA SLOVAKKA U L-PARTIJIET INTERESSATI

(19)

Ma kinux irċevuti kummenti mill-awtoritajiet Slovakki jew minn partijiet terzi biex ineħħu d-dubji li tqajmu meta bdiet l-investigazzjoni formali.

V.   L-EVALWAZZJONI TAL-MIŻURA

V.1.   Il-legalità tal-miżura

(20)

Permezz ta’ notifika għall-miżura tal-għajnuna bi klawsola ta’ waqfien totali sakemm tkun awtorizzata mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Slovakki kienu konformi mal-obbligi proċedurali tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE.

V.2.   Il-karattru tal-għajnuna mill-Istat tal-miżura

(21)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE għar-raġunijiet li ġejjin, diġà indikati fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

V.2.1.   Il-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat

(22)

Ir-riżorsi tal-Istat ikunu involuti mindu tiġi ppjanata l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa tad-dħul tal-kumpaniji.

V.2.2.   Vantaġġ ekonomiku

(23)

Il-miżura teħles lil Alas Slovakia, s.r.o. minn spejjeż li kieku kien ikollha ġġorr taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk tkun qed tagħti vantaġġ lil Alas Slovakia, s.r.o. fuq kumpaniji oħra.

V.2.3.   Il-preżenza tas-selettività

(24)

Il-miżura hi selettiva minħabba li tindirizza biss impriża waħda.

V.2.4.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ

(25)

Finalment, il-produzzjoni koperta mill-proġett hija suġġetta għall-kummerċ. Għalhekk, il-kummerċ bejn l-Istati Membri se jkun affettwat. Barra minn hekk, il-vantaġġ li jingħata lil Alas Slovakia, s.r.o. u l-produzzjoni tagħha se joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni jew jhedded li joħloq tali distorsjoni.

V.3.   Kompatibilità

(26)

Safejn il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, il-kompatibilità tiegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat tal-KE. L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat tal-KE, li huma dwar l-għajnuna ta’ natura soċjali mogħtija lill-konsumatur individwali, għajnuna li tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali jew ġrajjiet eċċezzjonali u għajnuna mogħtija lil ċerti oqsma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma japplikawx f’dan il-każ. Il-miżura ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proġett importanti għall-interess komuni Ewropew jew għajnuna biex tirrimedja interruzzjoni serja fl-ekonomija Slovakka, kif ipprovdut mill-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE. Il-miżura ma tikkwalifikax la għall-eċċezzjoni permessa mill-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE li tipprovdi għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma taffettwax b’mod ħażin il-kundizzjonijiet kummerċjali sal-punt li jmur kontra l-interess komuni. Bl-istess mod, m’għandhiex bħala l-għan tagħha l-promozzjoni tal-konservazzjoni tal-kultura u l-wirt kif ipprovdut fl-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat tal-KE.

(27)

L-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE jipprovdi l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna biex ikun promoss l-iżvilupp ekonomiku fl-oqsma fejn il-livell tal-għajxien ikun baxx b’mod mhux normali jew fejn ikun hemm nuqqas serju ta’ impjiegi. Ir-reġjuni ta’ Nitra, Trnava and Trenčín (il-Punent tas-Slovakkja) huma eliġibbli taħt din id-deroga.

(28)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet, li kienu miġbura fil-qosor f’Sezzjoni III ta’ din id-Deċiżjoni, li dwarhom kellha dubju kemm il-miżura li qed tiġi eżaminata tkunx tista’ tikkwalifika għal deroga skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment mir-Repubblika tas-Slovakkja jew minn partijiet terzi, il-Kummissjoni tista’ tqis li dawn id-dubji huma kkonfermati.

VI.   KONKLUŻJONI

(29)

Il-Kummissjoni ssib li l-miżura nnotifikata mir-Repubblika tas-Slovakkja, kif stabbilita f’paragrafi 6 sa 10 aktar ‘il fuq, mhijiex kompatibbli mas-suq komuni taħt kwalunkwe deroga stabbilita fit-Trattat tal-KE, u għandha tiġi pprojbita. Skond l-awtoritajiet Slovakki, l-għajnuna ma ngħatatx u, għalhekk, ma hemmx bżonn li tiġi rkuprata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-konċessjoni mit-taxxa nnotofikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

L-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika tas-Slovakkja qed tippjana biex timplimenta għal Alas Slovakia, s.r.o. li tammonta għal SKK 100 813 444 (madwdar EUR 2.89 miljun) mhix kompatibbli mas-suq komuni.

Minħabba dan, l-għajnuna m’għandhiex tiġi implimentata.

Artikolu 2

Ir-Repubblika tas-Slovakkja għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li jkunu ttieħdu biex tkun kompatibbli magħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovakkja.

Magħmula fi Brussell, 4 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 30, 2.2.2008, p. 13.

(2)  Permezz ta’ ittra datata 13 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Slovakki biex jissottomettu għall-evalwazzjoni disa’ notifiki differenti biex hi tkun tista’ teżamina l-kompatibbiltà ta’ kull wieħed mid-disa’ proġetti skont il-bażi tal-merti invidwali tagħhom. Fit-tweġiba tagħhom tat-12 ta’ Marzu 2007, l-awtoritajiet Slovakki spjegaw lill-Kummissjoni li Alas Slovakia s.r.o. tikkostitwixxi entità taxxabbli waħda b’bosta stabbilimenti, bi ħlas wieħed tat-taxxa. Il-leġiżlazzjoni Slovakka applikabbli ma tippermettix lil dawk li jħallsu t-taxxa biex jikkalkulaw il-bażi tat-taxxa u t-taxxa tal-kumpaniji għal kull taqsima tal-organizzazzjoni separatament. Għalhekk, l-awtoritajiet Slovakki jqisu li mhux possibbli li jikkalkolaw l-ammont tal-għajnuna li rċieva kull stabbiliment.

(3)  Ara l-ewwel nota f’qiegħ il-paġna.

(4)  Fil-muniċipalitajiet ta’: Nitra, Komjatice, Veľký Cetín, Hontianske Trsťany-Hrondín.

(5)  Fil-muniċipalitajiet ta’: Červeník, Veľký Grob, Okoč.

(6)  Fil-muniċipalitajiet ta’: Kamenec pod Vtáčnikom, Prievidza.

(7)  Għajnuna mill-Istat SK 72/2003 – ir-Repubblika tas-Slovakkja – “Mappa għall-għajnuna reġjonali mill-Istat tar-Repubblika tas-Slovakkja”.

(8)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(9)  F’espressjoni tal-valur tal-2007 u kkalkulata b’rata referenzjali ta’ 5.62 % applikabbli fid-data tan-notifika.

(10)  Permezz tan-notifika Nru 1108/2003 tal-Uffiċċju Slovakk għall-Għajnuna mill-Istat, maħruġa fil-25 ta’ Awwissu, l-għajnuna mill-Istat kienet approvata għal Alas Slovakia, s.r.o. (2003-2012), skont it-Taqsima 35a tal-Att Nru 471/2002, kif emendat, u Att Nru 366/1999, għal livell massimu ta’ SKK 87 145 485. Taħt proċedura interim, din l-għajnuna mill-Istat (SK 53/03) kinet ikkunsidrata bħala “għajnuna eżistenti”.

(11)  L-Att Nru 231/1999 Coll. dwar l-għajnuna mill-Istat, kif emendat, l-Att Nru 595/2003 Coll. dwar it-taxxa fuq id-dħul, kif emendat, u l-Att Nru 366/1999 Coll. dwar it-taxxi fuq id-dħul, kif emendat, kif daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003, b’mod partikolari t-Taqsima 52(3) tal-Att Nru 595/2003 Coll. dwar it-taxxa fuq id-dħul, kif emendat, taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fit-Taqsima 35a tal-Att Nru 366/1999 Coll. dwar it-taxxi fuq id-dħul, kif emendat, kif daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003.

(12)  ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

(13)  Ittra mill-Ministeru tal-Finanzi Slovakk, datata l-31 ta’ Mejju 2007 (ref. MF/8790/2007-832)

(14)  F’dan ir-rigward, għandu jkun issottolineat 16-il impjieg ġdid mill-81 għandhom ikunu maħluqa fis-sit Červeník, li għaliha l-permess tal-estrazzjoni għandu ma ngħatax.

(15)  “Studju soċjo-ekonomiku fis-settur ta’ prodotti finali magħmula minn minerali juri li n-numru ta’ impjiegi maħluqa fis-settur tal-ipproċessar tal-minerali huwa 30-40 darba akbar min-numru ta’ impjiegi fis-settur tal-minerali” (ikkwotat f’paġna 31 tal-istudju intitolat “Stħarriġ tal-politiki tal-ippjanar tal-minerali fl-Ewropa”- ikkummissjonat mid-DĠ tal-Intrapriża u l-Industrija.

(16)  ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5.