5.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 238/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004

li temenda d-Deċiżjoni 2002/610/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna li Franza biħsiebha timplimenta bil-għan li jinfetħu linji ġodda tat-trasport marittimu għal distanzi qosra

(notifikata taħt id-dokument numru C(2004) 4519)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/714/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

1.1.   Sfond proċedurali

(1)

Fit-30 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni adottat, wara proċedura formali ta’ eżami, id-Deċiżjoni 2002/610/KE (1) li tapprova, taħt ċerti kundizzjonijiet imsemmija aktar ‘il quddiem, skema ta’ għajnuna għall-promozzjoni tal-ftuħ ta’ linji marittimi għal distanzi qosra, minn issa ‘l quddiem “id-Deċiżjoni finali”. Id-deċiżjoni finali tgħid, fis-26 premessa tagħha, li Franza taċċetta l-kundizzjonijiet ta’ natura proċedurali, li huma partikolarment restrittivi għall-proġetti ta’ għajnuna favur linja marittima intrakomunitarja bejn port Franċiż u port ta’ Stat Membru ieħor u mhux għal dawk li jinvolvu konnessjonijiet marittimi bejn żewġ portijiet Franċiżi.

(2)

Fit-18 ta’ Novembru 2004, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni temenda d-Deċiżjoni finali biex tqis id-dispożizzjonijiet il-ġodda, aktar favorevoli tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (2), minn issa ‘l quddiem “linji gwida Komunitarji”.

1.2.   Titlu tal-miżura

(3)

Il-miżura msemmija fid-deċiżjoni finali ġġib it-titlu: régime d’aides en faveur du lancement de nouvelles lignes de transport maritime à courte distance [skemi ta’ għajnuna għat-tnedija ta’ servizzi ta’ tbaħħir għal distanzi qosra.]

1.3.   L-għanijiet tal-emendi

(4)

L-għan prinċipali tal-emendi proposti huwa li jitqies il-qafas ġuridiku l-ġdid ippreżentat permezz tal-linji gwida Komunitarji l-ġodda f’dak li jirrigwarda l-għajnuniet għat-tnedija ta’ linji ta’ marittimi għal distanzi qosra u li l-kundizzjonijiet imposti bid-deċiżjoni finali jinġiebu kompatibbli ma’ dawn ir-regoli Komunitarji ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat.

(5)

Il-premessa 26 tad-deċiżjoni finali tindika li “biex jiġu ggarantiti t-trasparenza u l-ugwaljanza tat-trattament tal-operaturi fil-kuntest tal-proċedura tal-għażla tal-proġetti, l-awtoritajiet Franċiżi impenjaw irwieħhom biex jirrispettaw il-proċeduri li ġejjin:

(a)

sejħa għall-wiri tal-interess se tiġi mnedija perjodikament (pereżempju fil-bidu ta’ kull sena) fil-forma ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fejn jiġu ddefiniti l-modalitajiet tar-reġim tal-għajnuna, il-proċedura li għandha tiġi segwita u l-kriterji tal-għażla tal-kandidati.

(b)

għall-proġetti ta’ konnessjoni bejn port Franċiż u port fi Stat Membru ieħor, tiddaħħal dikjarazzjoni tal-intenzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajit Ewropej, fejn jiġi ddefinit l-għan tal-proġett u l-limitu tal-għajnuna previst. Dan l-avviż jistieden lill-partijiet interessati biex jippreżentaw irwieħhom fi żmien ħmistax il-jum tax-xogħol. Fil-każ li waħda mill-partijiet topponi l-iskema tal-għajnuna, l-iskema jkollha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni minn qabel.”

(6)

Il-proċeduri msemmja, partikolarment fil-punt b) ta’ dan l-inċiż jidhru, skond l-awtoritajiet Franċiżi, li jdumu biex jiddaħħlu fis-seħħ, u għalhekk jistgħux jippreġudikaw l-iżvilupp mingħajr intoppi ta’ proġetti bħal dawn.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-EMENDA

(7)

L-awtoritajiet Franċiżi jixtiequ li d-deċiżjoni finali tiġi emendata biex tkun tista’ tirrifletti l-kapitolu 10 tal-linji gwida Komunitarji, dwar l-għajnuniet favur il-linji marittimi fuq distanzi qosra.

3.   VALUTAZZJONI TAL-EMENDI PROPOSTI

3.1.   Dispożizzjonijiet tar-regoli Komunitarji ġodda

(8)

L-ewwelnett il-Kummissjoni tinnota li l-linji gwida Komunitarji preċedenti (3), li kienu applikabbli qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, ma jipprevedu l-ebda regola partikolari għall-għajnuniet favur it-tnedija ta’ linji marittimi fuq distanzi qosra. Għalhekk ma kienx illoġiku li l-Kummissjoni tiddefinixxi, fid-deċiżjoni finali, regoli ad hoc partikolari biex tapprova r-reġim franċiż speċifiku biex jgħin fit-tnedija tal-linji marittimi fuq distanzi qosra.

(9)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li sadanittat, adottat Linji gwida Komunitarji ġodda, u li dawn tal-aħħar issa jipprovdu qafas għall-għajnuniet mill-Istat għat-tnedija ta’ linji marittimi fuq distanzi qosra, b’mod simili għall-għanijiet imfittxija permezz tar-Regolament (KE) Nru 1382/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja biex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (“il-Programm Marco Polo”) (4), li wkoll ġie adottat wara d-deċiżjoni finali.

(10)

Il-linji gwida l-ġodda tal-Komunità, fil-Kapitolu 10 tagħhom, iqisu lill-għajnuniet individwali favuri linji fuq distanzi qosra bħala kompatibbli mas-suq Komuni jekk jirrispettaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

“—

l-għajnuna ma tridx iddum għal aktar minn tliet snin, u trid tingħata għall-finanzjament ta’ servizz marittimu li jgħaqqad żewġ portijiet li jinsabu fuq it-territorju tal-Istati Membri;

is-servizz għandu jkun ta’ natura li jippermetti trasport (l-aktar għall-merkanzija) tat-triq isir kompletament jew parzjalment fuq il-baħar, mingħajr ma t-trasport marittimu jkun żvijjat b’tali mod li jkun kontra l-interess komuni;

l-għajnuna għandha tkun allokata għall-implimentazzjoni ta’ proġett dettaljat b’impatt ambjentali stabbilit minn qabel, fir-rigward ta’ rotta ġdida inkella l-aġġornar tas-servizzi fuq rotta eżistenti, tgħaqqad diversi sidien tal-bastimenti jekk meħtieġ, u l-istess linja ma tistax tkun is-suġġett ta’ aktar minn proġett wieħed iffinanzjat, u m’għandiex teżisti l-possibbiltà għal tiġdid, estensjoni jew ripetizzjoni tal-proġett ikkonċernat;

l-għajnuna trid tkun maħsuba biex tkopri l-ispejjeż għall-operat tas-servizz ikkonċernat f’limitu ta’ 30 % (5), inkella għall-finanzjament tax-xiri ta’ apparat tat-trażbord għall-forniment ta’ servizz previsti, f’limitu ta’ 10 % tal-investimenti msemmija;

l-għajnuna għat-twettiq ta’ proġett trid tiġi allokata fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti applikati b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward tas-sidien stabbiliti fil-Komunità. Is-soltu, l-għajnuna trid tingħata għal proġett magħżul mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru permezz ta’ sejħa għall-offerti konformi mar-regoli Komunitarji applikabbli;

is-servizz li huwa s-suġġett tal-proġett irid, fin-natura tiegħu, ikun kummerċjalment vijabbli wara l-perjodu li matulu jkun eliġibbli għall-għajnuna pubblika.

l-għajnuna ma għandhiex tkun ikkombinata ma’ kumpens għal servizzi pubbliċi (obbligi inkella kuntratti).”

(11)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota li l-linji gwida Komunitarji ġodda ma jagħmlu l-ebda distinzjoni fuq il-bażi ta’ jekk il-linja appoġġata tgħaqqadx il-portijiet ta’ żewġ Stati Membri differenti, inkella tal-istess Stat Membru. Il-Kummissjoni tistima li ma teżisti l-ebda raġuni oġġettiva biex tinżamm id-distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ sitwazzjoni, spejgata fis-26 premessa tad-Deċiżjoni finali.

(12)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-linji gwida Komunitarji ma jopponux li Stat Membru jimplimenta skema li tipprovdi għajnuna għal servizzi ta’ tbaħħir għal distanzi qosra jekk l-għajnuniet individwali mogħtija fil-qafas ta’ ftehim jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

3.2.   Konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni finali mingħajr emenda

(13)

L-għażla li ma tikkonsisti fl-ebda emenda tad-deċiżjoni finali twassal, minn naħa, biex Franza tkun tista’ timplimenta għajnuniet individwali għal-linji bejn portijiet Franċiżi, f’kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk previsti fil-linji gwida ġodda tal-Komunità u, min-naħa l-oħra, biex Franza tkun penalizzata għall-istabbiliment ta’ proġetti ta’ linji bejn port Franċiż u port ta’ Stat Membru ieħor permezz tal-proċeduri formali msemmija fis-26 premessa tad-Deċiżjoni finali. Dawn il-proċeduri formali mhux biss m’għadx hemm lokhom fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji l-ġodda, iżda saħansitra jqiegħdu lil Franza f’qagħda ta’ inugwaljanza fil-konfront ta’ Stati oħra li issa jixtiequ jallokaw, fuq il-bażi tal-linji gwida Komunitarji l-ġodda, skemi ta’ għajnuniet jew ta’ għajnuniet individwali ad hoc għal-linji fuq distanzi qosra mal-ġirien tagħhom.

(14)

Fil-fatt, skont l-Artikolu 88(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa kontinwament l-iskemi eżistenti. Għal dan l-għan, hija trid tivverifika li r-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat japplikaw b’mod uniformi għall-iskemi eżistenti kollha fl-Istati Membri. B’mod partikolari, hija tipproponilhom il-miżuri utli meħtieġa bl-iżvilupp progressiv jew it-tħaddim tas-suq intern sakemm jidħlu fis-seħħ regoli Komunitarji aktar restrittivi. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma jirnexxielhiex iżżomm, abbażi ta’ waħda mid-deċiżjonijiet finali kondizzjonali preċedenti, restrizzjonijiet fuq reġim ta’ Stat Membru jekk l-Istati Membri l-oħra li jimplimentaw skemi simili ma jkunux soġġetti għal restrizzjonijiet simili.

3.3.   Il-vantaġġ tal-emenda

(15)

L-għażla li tikkonsisti fl-emendar tad-Deċiżjoni finali tippermetti li tiġi antiċipata l-applikazzjoni tal-linji gwida ġodda tal-Komunità għall-iskema li teżisti fi Franza għat-tnedija ta’ servizzi ta’ tbaħħir għal distanzi qosra, qabel id-data ta’ limitu prevista mill-Kummissjoni fil-linji gwida ġodda tal-Komunità, jiġifieri t-30 ta’ Ġunju 2005, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu, permezz ta’ miżuri xierqa, iġibu l-iskemi kollha eżistenti tagħhom f’konformità mar-regoli l-ġodda tal-Komunità.

4.   KONKLUŻJONIJIET

(16)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-Deċiżjoni 2002/610/KE għandha tiġi emendata. L-emenda proposta tippermetti lill-Franza ġġib f’konformità l-iskemi tagħha mad-dispożizzjonijeit previsti mil-linji gwida l-ġodda tal-Komunità f’dak li jirrigwarda l-linji marittimi bejn port Franċiż u port ta’ Stat Membru ieħor, u tippermetti wkoll li l-proġetti ta’ għajnuna lil linji marittimi bejn żewġ portijiet Franċiżi, jkunu jistgħu jiġu sottomessi għall-kundizzjonijiet previsti bil-linji l-gwida l-ġodda tal-Komunità. B’mod aktar ġenerali, din l-emenda se tfisser li Franza se tkun qed timplimenta l-iskema tagħha f’kundizzjonijiet identiċi għal dawk preżenti, f’konformità mal-linji gwida msemmija, fl-Istati Membri kollha l-oħra.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/610/KE, jiddaħħal it-tielet inċiż li ġej:

“Franza tesiġi li l-għajnuna individwali fil-qafas ta’ din l-iskema għandha tkun soġġetta għall-konformità mal-Kapitolu 10 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għanuniet mill-Istat għat-trasport bil-baħar (*).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Diċembru 2004.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 196, 25.7.2002, p. 31.

(2)  ĠU C 13, 17.1.2004, p. 3.

(3)  ĠU C 205, 5.7.1997, p. 5.

(4)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm Marco Polo, li jippermetti lill-Kummissjoni li talloka kontribut finanzjarju mill-Komunità għal proġetti ta’ tnedija tal-linji marittimi fuq distanzi qosra biex parti mit-traffiku tal-merkanzija bit-triq jiġi ttrasferit għal-linji marittimi. B’mod partikolari, l-Artikolu 9 tar-Regolament jispeċifika li “L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-azzjonijiet ddefiniti bil-Programm m’għandhiex teskludi li dawk l-azzjonijiet jingħataw għajnuna statali [għajnuna mill-Istat] fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, sakemm għajnuna tali tkun kompatibbli ma’ l-arranġamenti dwar għajnuna statali preskritti fit-Trattat u fil-limiti stabbiliti għal kull tip ta’ azzjoni fl-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 7(3) rispettivament”

(5)  Fil-każ ta’ finanzjament komunitarju jew ta’ eliġibbiltà għal skemi differenti ta’ għajnuna, il-limitu ta’ 30 % japplika għat-totali ikkombinat ta’ l-għajnuna u ta’ l-appoġġ finanzjarju. Ta’ min wieħed jinnota li l-intensità ta’ l-għajnuna hija l-istess għall-azzjonijiet ta’ trasferiment modali fil-qafas tal-programm Marco Polo: ara l-Artikolu 5(2) tar-Reoglament (KE) nru 1382/2003.