3.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 236/45


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Marzu 2008

dwar l-għajnuna mill-istat li l-Belġju fi ħsiebu jagħti lil Volvo Cars Gent (C 35/2007 (ex N 256/07))

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 832)

(It-testi bl-Olandiż u bil-Franċiż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/709/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1),

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Il-proġett ta’ għajnuna għal taħriġ favur l-impjant ta’ mmuntar ta’ karozzi Volvo f’Gent (Volvo Cars Gent, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “VCG”) ġie nnotifikat lill-Kummissjoni permezz ta’ l-ittra ta’ l-4 ta’ Mejju 2007. Fil-31 ta’ Mejju 2007 saret laqgħa mas-servizzi tal-Kummissjoni. Wara din il-laqgħa, il-Belġju bagħat informazzjoni supplementari bl-ittra tas-6 ta’ Lulju 2007.

(2)

B’ittra tat-12 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni informat lill-Belġju bid-deċiżjoni tagħha li tibda’ l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat fir-rigward tal-miżura notifikata (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “id-deċiżjoni tal-ftuħ”).

(3)

Id-Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom. Hija ma rċeviet l-ebda kumment.

(4)

Il-Belġju wieġeb għad-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta’ ittra bid-data tal-15 ta’ Ottubru 2007. Fit-23 ta’ Ottubru 2007, l-awtoritajiet Belġjani, il-benefiċjarju, u l-Kummissjoni ltaqgħu u f’din iċ-ċirkostanza ġew ippreżentati xi dokumenti lill-Kummissjoni. Il-Belġju bagħat informazzjoni ulterjuri bl-ittra tat-23 ta’ Novembru 2007. Il-Kummissjoni talbet għal xi kjarifiki permezz ta’ ittra bid-data tal-21 ta’ Diċembru 2007 u l-Belġju wieġeb b’ittri bid-dati tat-8, il-15 u s-16 ta’ Jannar 2008.

II.   DESKRIZZJONI TAL-PROĠETT NOTIFIKAT FL-4 TA’ MEJJU 2007

(5)

Il-benfiċjaru ta’ l-għajnuna tkun il-VCG. Din l-impriża, li ilha mill-1999 tagħmel parti mill-Ford Motor Company (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “FMC”), timpjega 5 000 ruħ. Il-programm ta’ taħriġ, li għalih kienet indirizzata l-għajnuna, kien mifrux fuq perjodu bejn Settembru ta’ l-2006 u Settembru ta’ l-2009, u kien parzjalment marbut ma’ l-istabbiliment ta’ pjattaforma ġdida tal-produzzjoni – il-pjattaforma Ewropea EUCD – li, fi ħdan l-FMC, hija l-istandard għall-produzzjoni ta’ vetturi ta’ daqs medju (is-segmenti C u D tas-suq tal-karozzi). L-introduzzjoni ta’ din il-pjattaforma ġdida se tippreżenta investiment ta’ kapital fiss li jammonta għal EUR 26,3 miljun. Bis-saħħa ta’ din il-pjattaforma l-impjant se jkun jista’ jipproduċi mhux biss il-mudelli Volvo, iżda wkoll mudelli Ford u Jaguar. Dan it-titjib tal-flessibbiltà ta’ l-impjant se jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ l-attivitajiet ta’ Ford f’Gent filwaqt li ma jintilfux impjiegi.

(6)

In-notifika ta’ l-4 ta’ Mejju 2007 indikat spejjeż tat-taħriġ li jammontaw għal madwar 37 miljun ewro. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna għat-taħriġ (3) jistipula limitu fuq il-parti eliġibbli ta’ l-ispejjeż tal-pagi tal-persunal tal-parteċipanti fil-proġett ta’ taħriġ li jammonta għall-istess ċifra ta’ spejjeż eliġibbli oħrajn, u l-ispejjeż eliġibbli notifikati mill-Belġju kienu limitati għal 19-il miljun ewro. Peress li Gent hija f’żona mhux assistita, l-intensità massima ta’ l-għajnuna hija ta’ 50 % għat-taħriġ ġenerali u ta’ 25 % għat-taħriġ speċifiku. Skond in-notifika ta’ l-4 ta’ Mejju 2007, ir-Reġjun Fjamming (Vlaams Gewest) għandu l-intenzjoni li jagħti għajnuna li tammonta għal 6 018 558,91 ewro fil-forma ta’ għajnuna ad hoc.

(7)

Fin-notifika ta’ l-4 ta’ Mejju 2007, il-programm ta’ taħriġ inqasam f’ħames partijiet, li minnhom it-tnejn ta’ l-aħħar huma ta’ dimensjoni limitata.

parti 1: tisħiħ tal-ħaddiema (spejjeż ammissibbli ta’ EUR 4,3 miljun, li minnhom EUR 3,1 miljun għat-taħriġ ġenerali (4) u EUR 1,2 miljun għat-taħriġ speċifiku, u għajnuna għal ammont ta’ 1,8 miljun ewro). Din il-parti għandha l-għan li tassigura li l-ħaddiema tal-VCG jingħataw għarfien tekniku bażiku suffiċjenti. Is-suġġetti prinċipali trattati huma l-pnewmatika, ir-robotika, il-loġika tal-kontroll programmabbli, l-elettriku u l-elettronika, il-ġestjoni ta’ l-ispejjeż, il-ħiliet soċjali, it-teknika tal-ġestjoni, il-karozzerija, iż-żebgħa u s-softwer speċifiku għall-industrija tal-karrozzi.

parti 2: taħriġ tekniku u teknoloġiku: Parti teoretika (spejjeż eliġibbli ta’ EUR 1,7 miljun – għal taħriġ għal kollox ġenerali – u għajnuna ta’ EUR 0,85 miljun). Din il-parti għandha l-għan li ssaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet tal-ħaddiema f’ċerti oqsma tekniċi u teknoloġiċi wżati fil-pjattaforma. Is-suġġetti studjati huma essenzjalment ir-robotika u r-robots tal-produzzjoni, il-loġika tal-kontroll programmabbli u t-teknika tal-kejl bil-kamera;

parti 3: taħriġ fl-implimentazzjoni: parti teoretika (spejjeż eliġibbli ta’ EUR 12,9 miljun – għal taħriġ għal kollox speċifiku – u għajnuna ta’ EUR 3,2 miljun). l-għan ta’ din il-parti hija li jinkiseb għarfien dwar l-applikazzjoni ta’ l-għarfien teoretiku fl-ambjent tax-xogħol speċifiku u s-sitwazzjoni tal-produzzjoni tal-ħaddiema. L-għan huwa li jiġu mmassimizzati l-ħiliet li l-ħaddiema jeħtiġuhom sabiex jużaw b’mod sħiħ il-potenzjal tal-pjattaforma EUCD;

parti 4: bidliet li għandhom isiru fil-ġestjoni tal-komportamenti għall-massimizzazzjoni tal-programm ta’ formazzjoni u t-tranżizzjoni għall-EUCD in ġenerali (spejjeż ammissibbli ta’ EUR 0,2 miljun, taħriġ għal kollox ġenerali, u għajnuna li tammonta għal EUR 0,1 miljun). Din il-parti tikkonsisti f’taħriġ għall-ġestjoni;

parti 5: taħriġ ANDON/DAISSY (spejjeż ammissibbli ta’ EUR 0,02 miljun, taħriġ għal kollox ġenerali, u għajnuna li tammonta għal EUR 0,01 miljun). Din il-parti tat-taħriġ tirrigwarda l-kontroll tal-kwalità.

(8)

Fin-notifika, il-Belġju indika li t-taħriġ imur lilhinn mill-ħtiġijiet immedjati ta’ l-impriża. Meta mistieden mill-Kummissjoni sabiex jiċċara dan il-punt, il-Belġju spjega, fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2007, li l-partijiet 1 u 4 tal-programm ta’ taħriġ se jsiru xorta waħda mill-VCG, anki jekk ma tingħatax l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-partijiet 2, 3 u 5 huma taħriġ supplimentari li jsir possibbli minħabba l-għajnuna. Madankollu, il-Belġju ma pprovda l-ebda spjegazzjoni preċiża f’appoġġ għal dawn l-affermazzjonijiet.

III.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TA’ DIN IL-PROĊEDURA

(9)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni osservat li l-ħtieġa ta’ l-għajnuna hija kriterju ġenerali tal-kompatibilità. B’mod aktar partikolari, fir-rigward tal-kompatibilità mat-titolu ta’ l-artikolu 87(3)(c), tat-Trattat, l-għajnuna ma “tiffaċilitax” l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ekonomiċi jekk il-kumpanija kienet xorta waħda se twettaq l-attivitajiet issussidjati, anki fl-assenza ta’ l-għajnuna.

(10)

Fir-rigward tal-programm ta’ taħriġ ippjanat minn VCG, l-effett ta’ inċentiva ta’ l-għajnuna tpoġġa fid-dubju, ladarba meta l-kumpanija ddeċidiet li tistabbilixxi l-pjattaforma EUCD, hija se jkollha neċessarjament toħroġ xi spejjeż ta’ taħriġ sabiex twettaq din id-deċiżjoni kummerċjali. Fl-industrija tal-karrozzi, l-introduzzjoni ta’ pjattaforma ta’ produzzjoni ġdida hija fattur regolari, neċessarju għaż-żieda tal-flessibbiltà u l-produttività, u b’hekk għaż-żieda tal-kompetittività. Sabiex topera pjattaforma ġdida b’mod effiċjenti, il-ħaddiema għandhom jiġu mħarrġa dwar it-tekniki ġodda u l-metodi ta’ ħidma li għandhom jiġu adottati. L-ispejjeż tat-taħriġ assoċjati ma’ l-introduzzjoni ta’ linja ta’ produzzjoni ġdida huma għalhekk normalment minfuqa mill-produtturi tal-karozzi fuq il-bażi unika ta’ l-inċentiv tas-suq. Huwa għalhekk probabbli ħafna li VCG kienet, fi kwalunkwe każ, u anki fl-assenza ta’ għajnuna, twettaq parti mill-attivitajiet ta’ taħriġ ikkonċernati. Dan il-komportament jidher ukoll li huwa dak tal-biċċa l-kbira tal-kompetituri fis-settur. Minħabba li l-kontenut tal-partijiet 2, 3 u 5 tal-programm jidher li hu direttament marbut ma’ l-implimentazzjoni tal-pjattaforma l-ġdida u jidher neċessarju għall-operat tagħha, il-Kummissjoni ddubitat l-affermazzjonijiet tal-Belġju li dawn il-partijiet ma kinux isiru mingħajr l-għajnuna.

IV.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(11)

L-ebda parti interessata ma fformulat osservazzjonijiet wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ fil-Ġurnal Uffiċjali.

V.   KUMMENTI FFORMULATI MILL-BELĠJU

(12)

Wara l-ftuħ tal-proċedura, il-Belġju bidel b’mod sinifikanti l-preżentazzjoni tiegħu tal-fatti. Huwa issa rrikonoxxa li partijiet kbar mill-programm ta’ taħriġ kienu se jsiru fi kwalunkwe każ, anki fl-assenza ta’ l-għajnuna, għaliex huma neċessarji għall-isfruttament tal-pjattaforma l-ġdida. Madankollu, huwa tal-fehma li ċerti partijiet mill-programm m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ l-implimentazzjoni tal-pjattaforma u li partijiet oħra huma marbuta magħha, iżda li l-għajnuna tippermetti lil Volvo Car Gent sabiex tħarreġ lill-persunal lilhinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex titħaddem il-pjattaforma.

(13)

Il-Belġju aċċetta li jappoġġa biss l-ispejjeż li għalihom l-għajnuna hija meħtieġa u, għalhekk naqqas l-ispejjeż eliġibbli b’mod sinifikanti.

(14)

It-tabella li ġejja tqabbel l-ispejjeż ammissibbli mogħtija fin-notifika oriġinali ma’ dawk li l-Belġju issa għandu l-intenzjoni li jappoġġa.

(f’miljuni ta’ EUR)

 

Notifika ta’ l-4 ta’ Mejju 2007

Wara l-ftuħ tal-Proċedura (5)

Taħriġ ġenerali

Taħriġ speċifiku

Taħriġ ġenerali

Taħriġ speċifiku

Parti 1

3,1

1,2

3,1

1,2

Parti 2

1,7

 

0,2

 

Parti 3

 

12,9

 

6,1

Parti 4

0,2

 

0,1

 

Parti 5

0,02

 

0,02

 

Total

4,97

14,12

3,40

7,35

Ammont ta’ l-għajnuna

6,02

3,54

(15)

Fir-rigward tal-parti 1, il-Belġju qed jafferma, kif kien diġà għamel fin-notifika ta’ l-4 ta’ Mejju 2007, li l-kontenut tagħha mhux marbut ma’ l-implimentazzjoni tal-pjattaforma l-ġdida tal-produzzjoni u għalhekk mhux neċessarju biex din tintuża. Hija tikkonsisti f’taħriġ ta’ bażi dwar suġġetti ġenerali u hija maħsuba sabiex ittejjeb il-kwalifiki ta’ l-impjegati. Skond il-Belġju, dan jirriżulta b’mod ċar mill-kontenut tal-kors. Minkejja li l-unions jitolbu dan it-tip ta’ taħriġ, għaliex huwa jtejjeb il-pożizzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol, VCG ma kenitx se twettaq din il-parti tal-programm mingħajr l-għajnuna, u dan għal numru ta’ raġunijiet. L-ewwelnett, ġie organizzat bosta taħriġ ta’ dan it-tip f’dawn l-aħħar snin minħabba reklutament qawwi, iżda l-affluss ta’ ħaddiema ġodda prattikament waqaf (6) u l-biċċa l-kbira ta’ l-impjegati diġà rċevew taħriġ simili. Minbarra dan, l-impriża nnutat li l-ħaddiema bi kwalifiki għolja għandhom it-tendenza li jitilqu. Aktar preċiżament, l-impriżi stabbiliti fir-reġjun ta’ Gent, li jkunu qed ifittxu kwalifiki simili, jirreklutaw attivament ħaddiema ta’ VCG (7) u, minħabba l-kontenut ġenerali tiegħu, it-taħriġ ikkonċernat iżid il-probabbiltà li l-ħaddiema li jkunu bbenefikaw minnu jħallu l-impriża. Minbarra dan, dawn il-kwalifiki ta’ bażi huma disponibbli b’mod aktar wiesa’ fis-suq tax-xogħol, wara li ġew żviluppati programmi ta’ taħriġ f’dawn l-oqsma mill-iskejjel tekniċi u l-VDAB (l-uffiċċju Fjamming ta’ l-impjiegi).

(16)

F’dak li jirrigwarda l-parti 2, il-Belġju ddikjara, kif kien diġà għamel fin-notifika ta’ l-4 ta’ Mejju 2007, li hija tkopri suġġetti tekniċi u teknoloġiċi fir-rigward tal-pjattaforma l-ġdida ta’ produzzjoni. Il-Belġju qed jafferma li l-biċċa l-kbira tas-sigħat ta’ taħriġ ippjanati huma neċessarji sabiex tiġi sfruttata l-pjattaforma l-ġdida u se jsiru fi kwalunkwe każ. Madankollu, parti mill-kors tmur lilhinn mil-livell neċessarju għall-isfruttament tal-pjattaforma EUCD (8). Aktar preċiżament, grazzi għall-għajnuna, VCG taċċetta li tiddedika aktar sigħat għall-kors milli huwa neċessarju u milli jkun ġustifikabbli mil-lat ekonomiku mingħajr is-sussidju. Il-Belġju pprovda informazzjoni ddettaljata dwar is-sigħat ta’ taħriġ supplimentari mogħtija minn VCG minħabba l-għajnuna (9).

(17)

Fir-rigward tal-parti 3, il-Belġju qed jafferma, kif kien diġà għamel fin-notifika ta’ l-4 ta’ Mejju 2007, li l-kontenut tagħha huwa għal kollox marbut mal-pjattaforma EUCD. Quddiem id-dubji espressi fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Belġju jirrikonoxxi li parti importanti mis-sigħat ta’ taħriġ previst huma neċessarji sabiex tiġi sfruttata l-pjattaforma l-ġdida u se jsiru fi kwalunkwe każ, anki mingħajr l-għajnuna. Madankollu, huwa qed jgħid li, grazzi għall-għajnuna ta’ l-awtoritajiet Fjammingi, VCG qed taċċetta li toffri numru konsiderevolment ogħla ta’ sigħat ta’ taħriġ. Fil-fatt, hija se tagħti taħriġ lil numru akbar ta’ ħaddiema u xi korsijiet li, għal raġunijiet ta’ ġestjoni razzjonali ta’ l-ispejjeż, kienu se jkunu riżervati għal ħaddiema bl-esperjenza, se jkunu miftuħa wkoll għal ħaddiema ġodda. Sabiex jingħataw it-taħriġ ħaddiema ġodda, huwa meħtieġ li jiġu organizzati korsijiet supplimentari filwaqt li jiżdied it-tul u l-kontenut ta’ korsijiet oħra (10). Minbarra dan, minħabba li l-ħaddiema l-ġodda ma jkunux għadhom urew il-kapaċità tagħhom li jassimilaw dan it-tagħrif ġdid, il-probabbiltajiet tas-suċċess tat-taħriġ huma iżgħar. Sabiex tamministra l-ispejjeż b’mod razzjonali, VCG kienet tirriżerva dan it-taħriġ għal ħaddiema b’aktar esperjenza li diġà ħadu sehem f’taħriġ simili. It-tul tat-taħriġ u l-ispejjeż marbuta miegħu kienu jkunu jistgħu jitnaqqsu b’mod konsiderevoli. Xi korsijiet kienu jistgħu jiġu ssimplifikati u oħrajn kienu jistgħu jitneħħew għal kollox.

(18)

Fir-rigward tal-parti 4, il-Belġju qed jafferma, kif kien diġà għamel fin-notifika ta’ l-4 ta’ Mejju 2007, li hija tirrigwarda l-bidliet li għandhom isiru għall-ġestjoni u għall-komportament u li hija għalhekk ta’ natura ġenerali ħafna. Huwa spjega li numru ta’ sigħat ta’ taħriġ se jiġu organizzati mill-VCG fi kwalunkwe każ, anki fl-assenza ta’ l-għajnuna, għaliex huma jikkontribwixxu biżżejjed għat-titjib tal-flessibilità u ta’ l-effikaċja tal-ħaddiema u għalhekk jikkontribwixxu b’mod qawwi għas-suċċess fit-tul ta’ l-introduzzjoni tal-pjattaforma EUCD (11). Min-naħa l-oħra, il-benefiċċji konkreti mistennija mis-sigħat l-oħra mhumiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-ispejjeż marbuta magħhom, tant li dawn ma jintefqux jekk ma tingħatax l-għajnuna.

(19)

Fir-rigward tal-parti 5, il-Belġju jispjega li hija tirrigwarda t-tagħlim ta’ teknika ta’ kontroll tal-kwalità. Dawn il-korsijiet mhumiex neċessarji għall-użu tal-pjattaforma u s-sistemi l-oħra ta’ produzzjoni u se jiġu organizzati biss jekk tingħata l-għajnuna.

(20)

Wara dawn il-bidliet, il-Belġju uffiċjalment informa lill-Kummissjoni li, ladarba huwa aċċetta li jagħti għajnuna biss għall-attivitajiet ta’ taħriġ li għalihom l-għajnuna hija neċessarja, huwa kien biħsiebu jagħti biss 3,5 miljun ewro minflok is-6 miljuni li kienu oriġinalment notifikati.

VI.   EVALWAZZJONI TAL-MIŻURA

(21)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Belġju mmodifika n-notifika tiegħu b’mod sostanzjali wara d-deċiżjoni tal-ftuħ. Fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2008, il-Belġju kkonferma aktar preċiżament li kien biħsiebu jagħti għajnuna għat-taħriġ li tammonta biss għal 3 538 580,57 ewro minflok is-6 018 558,91 oriġinalment previsti fin-notifika ta’ l-4 ta’ Mejju 2007. L-ammont ta’ l-għajnuna mnaqqas b’dan il-mod huwa bbażat fuq l-ispejjeż ammissibbli mnaqqsa li ġew deskritti fl-ittra tal-15 ta’ Jannar 2008 tal-Belġju. Hija għalhekk din l-għajnuna li tammonta għal 3 538 580,57 ewro, ibbażata fuq l-ispejjeż ammissibbli mnaqqsa, li l-Kummissjoni se tevalwa fid-deċiżjoni preżenti.

Eżistenza ta’ l-għajnuna

(22)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-għotja ta’ sussidju lil VCG tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-artikolu 87, paragrafu 1, tat-Trattat. Il-Belġju ma kkontestax dan.

Bażi legali tal-valutazzjoni

(23)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni indikata li għajnuna li tammonta għal aktar minn 1 miljun euro ma tibbenefikax mill-eżenzjoni prevista mir-regolament (KE) Nru 68/2001 u għandha għaldaqstant tiġi evalwata direttament abbażi ta’ l-artikolu 87(3)(c), tat-Trattat. Madankollu, il-Kummissjoni tapplika b’analoġija l-istess prinċipji ta’ gwida li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 68/2001. Dan normalment ifisser li ssir verifika li l-kundizzjonijiet formali l-oħra għall-eżenzjoni msemmija hemm huma rispettati, iżda l-Kummissjoni mhix marbuta li żżomm ma’ din il-verifika sempliċi.

(24)

Il-Belġju ma kkontestax dawn il-konklużjonijiet, li għadhom applikabbli ladarba l-għajnuna, anki jekk imnaqqsa, tammonta għal aktar minn miljun euro.

Valutazzjoni tal-kompatibilità ta’ l-għajnuna fir-rigward tal-bażi legali,

(25)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni indikat li l-għajnuna nnotifikata tidher li tissodisfa l-kundizzjonijiet formali msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 68/2001. Ma ġie ppreżentat l-ebda element ġdid li jista’ jbiddel din il-valutazzjoni inizjali. Il-Kummissjoni tosserva li din il-valutazzjoni hija valida għall-għajnuna mnaqqsa, ladarba din ta’ l-aħħar hija bbażata fuq parti mill-ispejjeż ammissibbli nnotifikati fl-4 ta’ Mejju 2007 u ġġudikati bħala riċevibbli fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Minbarra dan, il-Belġju ma mmodifikax l-intensità ta’ l-għajnuna, jiġifieri 50 % għat-taħriġ ġenerali u 25 % għat-taħriġ speċifiku.

(26)

Kif indikat qabel, l-uniku dubju li tqajjem fid-deċiżjoni tal-ftuħ kien jirrigwarda l-ħtieġa ta’ l-għajnuna prevista, partikolarment tal-partijiet tal-programm ta’ taħriġ li jidhru li huma marbuta ma’ investiment ġdid – il-pjattaforma tal-produzzjoni EUCD – u jidhru indispensabbli għall-isfruttament tagħha.

(27)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju aċċetta l-prinċipju li biss l-attivitajiet ta’ taħriġ li ma kinux isiru mingħajr l-għajnuna jistgħu jingħataw l-għajnuna.

(28)

Sabiex jikkonforma ma’ dan il-prinċipju, il-Belġju għamel distinzjoni bejn l-attivitajiet li kienu jsiru fi kwalunkwe każ minn VCG, għaliex huma neċessarji għall-isfruttament tal-pjattaforma l-ġdida, u dawk li jirrigwardaw għanijiet “li l-forzi tas-suq biss ma jagħmlux possibbli” (12), għaliex huma jmorru lilhinn minn dak li huwa neċessarju u għaliex il-benefiċċji li tieħu minnhom VCG mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw l-ispejjeż. Il-Kummissjoni analizzat l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Belġju, li huma ppreżentati fil-qosor fil-paragrafi 15 sa 19 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-qosor, il-Belġju qed jafferma li spejjeż sostanzjali ammissibbli relevanti tal-partijiet 1 u 3 tal-programm ma jsirux mingħajr l-għajnuna. Il-Kummissjoni taqbel li huwa ċar li l-parti 1 mhijiex marbuta mal-pjattaforma l-ġdida. Għalhekk, hija mhix neċessarja biex din tkun tista’ tiġi sfruttata. Ladarba l-attivitajiet ta’ taħriġ huma ta’ natura pjuttost ġenerali u numru ta’ fatturi jiskoraġġixxu lil VCG milli twettaqhom, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa probabbli ħafna li l-parti 1 ma tiġix organizzata mingħajr l-għajnuna. Fir-rigward tal-parti 3, il-Belġju eskluda l-ispejjeż tat-taħriġ li, abbażi ta’ dak li ġie nnutat fil-passat għal investimenti simili, huma neċessarji sabiex tiġi sfruttata l-pjattaforma l-ġdida u llimita l-ispejjeż ammissibbli għall-attivitajiet ta’ taħriġ li jmorru lilhinn minn dak li huwa indispensabbli.

(29)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-Belġju identifika b’mod korrett l-attivitajiet ta’ taħriġ li ma jsirux mingħajr l-għajnuna ta’ l-Istat. Ladarba l-Belġju biħsiebu li ma jgħinx ħlief dan it-tip ta’ attivitajiet u li ma jagħti l-ebda għajnuna għat-taħriġ li VCG se torganizza xorta waħda, il-Kummissjoni tikkonkludi li, f’konformità ma’ l-għan stabbilit fil-paragrafu 10 tar-Regolament (KE) Nru 68/2001, l-għajnuna “[t]kabbar in-numru ta’ ħaddiema mħarrġa li minnhom jistgħu jagħżlu intrapriżi oħra” u li, għaldaqstant, f’konformità mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat, hija “tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi”.

VII.   KONKLUŻJONI

(30)

Meta jitqies dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat, li tammonta għal 3 538 580,57 ewro, li l-Belġju qed jippjana li jimplimenta fir-rigward ta’ Volvo Cars Gent hija kompatibbli mas-suq komuni.

l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna li tammonta għal 3 538 580,57 ewro hija għalhekk awtorizzata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 265, 7.11.2007, p. 21.

(2)  Ara n-nota Nru 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(3)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 68/2001 jagħmel distinzjoni bejn it-taħriġ ġenerali (li jwassal għal kwalifiki trasferibbli għal settur ieħor jew impriża oħra) u t-taħriġ speċifiku (li jwassal għal kwalifiki prinċipalment applikabbli għall-post attwali tal-ħaddiem u li mhumiex trasferibbli jew huma trasferibbli biss b’mod limitat). L-intensità ta’ l-għajnuna awtorizzata hija ogħla għat-taħriġ ġenerali milli għat-taħriġ speċifiku (f’dan il-każ, hija ta’ 50 % u 25 % rispettivament).

(5)  Ittra ta’ l-awtoritajiet Belġjani tal-15 ta’ Jannar 2008.

(6)  Il-ħaddiema impjegati mill-VCG żdiedu bejn l-2002 u l-2005, u n-numru tagħhom tela’ minn 3 999 sa 5 299 u mbagħad waqa’ għal 4 929 u madwar 4 800 fl-2006 u l-2007 rispettivament.

(7)  Il-ħaddiema li jitilqu mill-impriża essenzjalment jiġu reklutati mit-tliet kumpaniji li ġejjin, li jinsabu fir-reġjun: Volvo Trucks, Arcelor u Eandis/Electrabel.

(8)  It-taħriġ neċessarju ġie stabbilit abbażi tal-prattika abitwali ta’ VCG, osservata f’każijiet preċedenti.

(9)  Pereżempju, fil-qafas tal-kors tar-robotika, huma ppjanati 16-il-siegħa ta’ taħriġ għal kull parteċipant. Dan in-numru ta’ sigħat huwa neċessarju sabiex ikun possibbli għall-ħaddiema li jutilizzaw ir-robots b’mod korrett u fis-sigurtà kollha, bl-istess livell ta’ effikaċja li għandhom bħalissa. Grazzi għall-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Fjammingi, VCG aċċettat li żżid in-numru ta’ sigħat ta’ taħriġ sa 24. Dan it-taħriġ aktar avvanzat jagħmel lill-ħaddiema aktar attraenti fuq is-suq tax-xogħol, u dan huwa ta’ benefiċċju għalihom.

(10)  B’dan il-mod, kull darba li tiġi stabbilita pjattaforma, numru ta’ “ħaddiema essenzjali” jkollhom jintbagħtu għand Volvo Sweden biex hemm jitgħallmu fid-dettall il-funzjonament tal-pjattaforma bil-għan li wara dan it-tagħrif jiġi trażmess lill-ħaddiema l-oħra ta’ Volvo Cars Gent. Il-Belġju qed jafferma li l-għajnuna se tippermetti lil VCG sabiex tibgħat fl-Iżvezja numru akbar ta’ ħaddiema milli huwa strettament neċessarju biex titħaddem il-pjattaforma EUCD. Minbarra dan, l-impriża se tibgħat ukoll ħaddiema li qatt ma pparteċipaw fl-ebda taħriġ tal-ħaddiema essenzjali minflok ma’ dan it-taħriġ jiġi rriżervat biss għal impjegati li diġà għandhom l-esperjenza.

(11)  Kif indikat mill-awtoritajiet Belġjani fl-ittra tagħhom tas-7 ta’ Lulju 2007.

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 68/2001, inċiż 11.